Legislature:
Category:
Reset
Active:

informazzjoni dwar baqar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-baqar tal-ħalib wara li dawn jispiċċaw jeħilbu? Kemm huwa n-numru ta' baqar li jkollhom jiġu mibdula mill-merħla Maltija u Għawdxija kull sena jekk dawn jieqfu jeħilbu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-baqar tal-ħalib li jieqfu jeħilbu jinqatlu għall-laħam. It-tibdil tal-merħla jiddependi mill-maniġġ tar-razzett, iżda b'mod ġenerali t-tul ta’ żmien li baqra tinżamm għal-ħalib hawn Malta hija ta' madwar 5-6 snin. Dan ifisser rata anwali ta’ bdil ta' bejn is-sittax u l-għoxrin fil-mija.

informazzjoni dwar tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mit-tiġieġ tal-bajd wara li dawn jispiċċaw ibidu? Kemm huwa kbir in-numru ta' tiġieġ li jispiċċaw ibidu u jkunu jridu jinbidlu ma' għawwietaq iżgħar kull sena? Jista' jgħid kemm inqatlu tiġieġ li refgħu mill-bajd kull sena, sena b'sena mill-2007 sal-2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tiġieġ tal-bajd jagħmlu normalment ċiklu ta' sena jbidu u għalhekk meta tiġieġa tal-bajd tinqatel din ikollha bejn wieħed u ieħor età ta’ 68 ġimgħa Dawn it-tiġieġ jinqatlu fil-bicceriji tat-tiġieġ regolari w l-laħam tagħhom jiġi rkuprat u esportat għaliex hawn Malta ma' hawnx suq għalih. Ikun hemm okkazjonijiet fejn, jekk ma' jkunx hemm l-anqas suq għalihom barra minn Malta, dawn it-tiġieġ jinqatlu u jinħarqu. Ninforma ll-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dukument bl-informazzjoni mitluba.

informazzjoni dwar żwiemel

Question

Jista l-Ministru jgħid x'qed jiġri miż-żwiemel li jkunu l-Marsa għat-tiġrijiet u dawn jkollhom aċċident u joqtluhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li żwiemel użati fil-kompetizjonijiet ma' jistgħux jinqatlu għall-konsum mill-bniedem skont regolamnet numru CR504/2008 tal- Unjoni Ewropeja li jagħmel referenza għal trattamenti mediċinali li possibilment ikunu ingħataw. Għalhekk dawn iż-żwiemel jinqatlu u jinħarqu peress li ma jeżistix impjant hawn Malta li jista’ jipproċessah bħala pet food.

esportazzjoni ta' tiġieġ tal-bajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru li kien hemm tender għaddej biex tiġieġ li jkunu tal-bajd wara li jieqfu mill-bajd kienu qed jiġu esportati lejn pajjiżi tat-tielet dinja? Jista' jgħid jekk dan il-proċess huwiex se jkompli jew le? Jekk iva, min huwa responsabli u għaliex? Jekk le, se jieqaf?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Wasteserv kienet ħarget tender lokali sabiex dawn it-tiġieġ, wara li jieqfu mill-bajd jiġu ppreparati sabiex imbagħad jiġu esportati għal ikel sekondarju. Kien maħsub li b’hekk ikun ingħata bidu għal process li biħ is-settur tal-produzzjoni tal-bajd ikunu jistgħu jesportaw dawn it-tiġieġ taħt forma ta’ laħam minflok ma dawn jinqerdu bħala skart fl-inċineratur. Dan it-tender kien proġett pilota għal-sena bil-ħsieb li l-laħam ta’ dawn it-tiġieġ imorru għal konsum sekondarju flok jinħaraq. Dan il-proġett pilota wera li eżerċizzju bħal dan hu viabbli u għaldastant nistennew li jitkompla mis-settur privat stess, biex inaqqas l-ispiża għax jesporathom hu minflok ma jibqa l-għewwietaq jinħarqu bħala skart, liema eżerċizzju huwa aktar għoli.

annimali li jinqatlu l-biċċerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-ġilda tal-annimali li jinqatlu l-biċċerija? Xi jsir mill-intern tal-istess bhejjem u min huwa responsabli biex jara li dan isir?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ġlud tal-baqar u barrin li jinqatlu l-biċċerija jiġu tteggjati u mibgħuta go ABP (Animal by Product) intermediate plant approvata għal dan il-għan, mis-, sidien ta' dawn il-glud. Dawn is-sidien normalment ikunu middlemen li jkunu xtraw il-bhejjem. Meta jkun hemm ammont kbir biżżejjed biex jkun organizzat transport, dawn il-ġlud jkunu esportati mill-istess sidien privati. Il-ġlud tal-bhejjem l-oħra jintremew u jinħarqu għaliex ma hemmx talba għalihom u mpjanti approvati biex jiġbruhom. L-approvazjoni ta' l-impjanti u proċeduri huma regolati mid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.

Buġibba — proġett tal-Water Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-proġett tal-water park ta' Buġibba, kemm se jqum l-operat tiegħu u min se jsostnih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-l-ispiża tax-xogħol fuq il-Waterpark ta' Bugibba se jkun madwar €600,000. L-operat tiegħu għal dan l-istaġun sa l-aħħar ta’ Settembru, huwa mistenni li se tkun xi €24,655, li €20,000 minnhom ser ikunu pagi ta’ studenti universitarji, li ser jitħallsu min fondi publiċi. Is-somma finali tal-ispiza ghadha trid tinhadem fil-jiem li gejjin.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — nefqa fuq safar

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33409 u 35553 u jgħid kemm kienet in-nefqa globali għal kull safra separata (inkluż flights, subsistence allowance u accomodation) li fiha kien involut il-Ministru u fejn japplika s-Segretarju Parlamentari inkluż l-uffiċjali li marru magħhom? Fejn kienet id-destinazzjoni u minn akkumpanjahom matul l-2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li fejn jikkonċerna safriet fuq xogħol konness mal-Unjoni Ewropea, il-Gvern jircievi refussjoni fuq l-ispejjez skont kriterji stabbiliti.

permessi ta' dgħajjes MFB

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ħarġu permessi ta' dgħajjes MFB mill-2008 sal-lum u kemm ġew irrifjutati sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25760, infakkru fir- Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1438/2003 li daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2008 u għaldaqstant l-applikazzjoni li saru minn dik id-data jinsabu fuq waiting list.

Kennedy Grove — siġar fil-bicycle lanes

Question

Jista' l-Ministru, flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, jikkordina biex xi siġar li hemm fil-bicycle lane matul il-coast road sa ħdejn Kennedy Grove, jiġu miżbura għax f'xi partijiet jistgħu jkunu ta' periklu għal dawk li jużaw dawn il-lanes?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xoghol imsemmi isir perjodikament skont programm li jkun imfassal. Ninsab infurmat li skont dan il-programm dan ix-xogħol beda t-Tnejn 9 ta' Lulju, 2012 u tlesta fi żmien ġimgħa.

importazzjoni u esportazzjoni ta' patata

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm huma l-persuni/kumpaniji li kienu awtorizzati li jimpurtaw żerriegħa tal-patata fl-istaġun li għadda? Kemm kien hemm persuni/kumpaniji li kienu awtorizzati jesportaw/jibagħtu patata fis-suq intern tal-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17979, niġbidlu l-attenzjoni li ċaqlieq ta’ prodotti u materjal fis-suq intern tal- Unjoni Ewropea mhuwiex meqjus bħala importazzjoni/esportazzjoni iżda sempliċement meqjus bħala movement peress li s-suq Ewropew huwa wieħed ħieles. Għaldaqstant m’hemm ebda kontroll u wisq inqas ħtieġa ta’ liċenzji biex isir dan. Fid-dawl ta’ dan kollu, ma tinżammx l-informazzjoni mitluba.

Mosta — għeluq ta' post

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex kamra li hemm fil-Mosta ħdejn il-Kappella tal-Isperanza u l-pumping station tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li fl-imgħoddi kienet tintuża mill-ħaddiema tal-Indafa Pubblika tkun magħluqa sabiex fiha ma jibqax jintremma skart?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-post imsemmi sar xogħol ta’ tindif u peress li din il-kamra ma kinitx użata għal dawn l-aħħar għaxar snin u m’hemmx pjanijiet li tintuża fiż-żmien qarib, kien deċiż li l-bieb jiġi mbarrat bil-bricks biex dan ma jirrepetix ruħu.

Mosta — Wied il-Għasel - żieda maċ-ċnut

Question

Jista' l-Ministru jieħu d-deċiżjoni sabiex isir ix-xogħol li jwassal sabiex ċnut fuq il-postijiet li jaqsmu Wied il-Għasel tiżdidilhom filata ma' dak li hemm fil-preżent, peress li l-punt li jaqsam Wied il-Għażel f'Triq il-Kostituzzjoni illum jitqies periklu u huwa baxx ħafna, filwaqt li l-pont il-Kbir li jaqsam Wied il-Għasel li hemm f'tarf Triq il-Fortizza jkun utli li dan tiżdidlu filata ma dak li hemm fil-preżent?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.

Wied il-Għajn — storm water tunnels

Question

B'referenza għal storm water tunnels and other infrastructural works as part of the National Flood Relief Project (NFRP), with proposals for the areas of Żabbar and Marsascala with a discharge point at Xgħajra, as outlined in the Cost-Benefit and EIA studies and Technical Assistance reports and other documents prepared by Politecnica, jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett kienx konkluż? Jekk iva, jaf il-Ministru li s-sitwazzjoni għadha l-istess u li dan jista' jarah mis-sitwazzjoni fit-triq l-antika ta' Wied il-Għajn u tispiċċa sa ħdejn ix-xatt nhar il-3 ta' Settembru wara l-maltempata? Jekk le, meta hu ppjanat li jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-imsemmi rapport kien biss parti minn proċess ferm itwal bħala preparament għat-twettiq ta’ dan il-proġett nazzjonali li huwa stmat li jiswa madwar sittin miljun ewro inkluz il-VAT (€ 60 miljun), b’ko finanzjament mill-fondi strutturali tal-Unjoni Ewropea. Fid-dawl ta’ dan, sussegwentement saret applikazzjoni lill-MEPA liema permess inħareġ mill-MEPA fil-fl-ewwel nofs ta’ din is-sena. Kien biss wara l-ħruġ tal-permess mill-MEPA li setgħet tkun sottomessa formalment l-applikazzjoni lill-Kummissjoni għall-fondi għal dan il-proġett. Dan sar Awwissu li għadda. Għalkemm s’issa għad ma kienx hemm ebda risposta formali mill-Kummissjoni, r-rakkomandazzjoni tal-JASPERS, li huma organizzazzjoni mqabbda mill-Unjoni Ewropea u mill-EIB biex jghinu fil process, kienet waħda posittiva. Kif kien spjegat diversi drabi, inkluż fil-mezzi tax-xandir, wara l-ħruġ tal-permess għal dan il-proġett mill-MEPA, ġew ippublikati t-tenders u bħalissa qed ikunu evalwati l-offerti li daħlu għal din il-parti tal-proġett. Hu maħsub li l-kuntratt jingħata sa l-aħħar ta’ din is-sena waqt li x-xogħlijiet jkunu jistgħu jibdew fis-sena 2013 u jitlestew fis-sena 2014.

Ħ'Attard — Toroq innumerati

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema toroq f'Ħ'Attard għad iridu jiġu numerati? Meta se jitlesta dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ġeneralment eżerċizzju ta’ enumerzjoni isir fuq talba tal-Kummjissjoni Elettorali u/jew tal-istess Kunsill Lokali. L-eżerċizzju ta’ innumerar fid-diversi bliet u rħula ta’ Malta huwa wieħed kontinwu u regolari u r-riżultati jkunu ippublikat fil-Gazzetta tal-Gvern. Għaldaqstant ir-records li jinżammu mid-Dipartiment konċernat fi ħdan dan il-Ministeru jindikaw biss it-toroq fejn ikun sar l-innumerar.

nefqa fuq materjal informattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-ministeru li jmexxi huwa nefaq biex ippubblika materjal informattiv dwar l-operat tal ministeru tiegħu matul is-snin 2007/8/9/10/11?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li diġà tlabt biex tinġabar l-informazzjoni mill-2008’l hawn, peress li ovvjament qabel l-aħħar elezzjoni il-portafolio ta’ dan il-Ministeru kien differenti minn dak ta’ llum. Għalhekk ninfurmah ukoll li kif tinġabar din l-informazzjoni, tingħata l-informazzjoni mitluba.

nefqa fuq riċivimenti

Question

Jista' l-Minisistru jgħid kemm fil-ministeru li jmexxi huwa nefaq f'festini, parties, ikliet u riċivimenti matul is-snin 2007/8/9/10/11?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li matul din il-leġistratura weġibt numru ta’ Mistoqsijiet Parlamentari dwar dan is-suġett. Għalhekk nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għal dawn il-Mistoqsijiet Parlamentari nru: 10810, 13732, 24815,24816,27207,33561. Għar-rigward tas-sena 2007 u l-ewwel 3 xhur tal-2008 nfakkar lill-Onor Interpellant li dik kienet leġistratura differenti u għalhekk dan kien Ministeru Differenti.

nefqa f'kontijiet tat-telephone

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-ministeru li jmexxi huwa nefaq f'kontijiet tat-telephone kemm land lines kif ukoll mobile calls matul is-snin 2007/8/9/10/11?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba għas-snin 2008 sa 2011. Kif jaf l-Onor Interpellant qabel l-aħħar elezzjoni il-portofolio ta’ dan il-Ministeru kien differenti minn dak ta’ llum, għaldaqstant qed nagħti l-informazzjoi mill l-aħħar elezzjoni ‘l hawn

informazzjoni dwar safar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba bħala Ministru huwa kellu jsiefer matul is-snin 2007/8/9/10/11? Fejn kienu dawn is-safriet u kemm damu? Jista' jgħid kemm ġiet tiswa kull safra li għamel bħala Ministru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

kiri ta' karozzi u nefqa fuq fuel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-ministeru tiegħu biex jikri l-karozzi u fil-fuel li l-karozzi tal-ministeru tiegħu kellu bżonnn matul is-snin 2007/8/9/10/11?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Fiwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari, numri 30061, 29230, 24582, 17169, 9170, u 9356 għar-rigward ta’ kiri ta’ karozzi; u għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari, numri 27852, 25158, 14052, u 5584. Kif jaf l-Onor Interpellant qabel l-aħħar elezzjoni il-portofolio ta’ dan il-Ministeru kien differenti minn dak ta’ llum, għaldaqstant qed nagħti l-informazzjoi mill l-aħħar elezzjoni ‘l hawn

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti fl-istrutturi tal-ministeru li jmexxi hu? Kemm ilhom vakanti u xi skala u responsabiltajiet għandhom dawn il-karigi li suppost huma okkupati?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.