Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #14142 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Payslip tal-paga lill-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13893 u jgħid x'inhi r-raġuni li filwaqt li l-paga qiegħda tidħol fil-kont bankarju tal-ħaddiema, diversi ħaddiema (inkluż tad-distretti) mhux qegħdin jingħataw payslip?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-Payslips jitqassmu jum wieħed (1) qabel id-data tal-ħlas. Kull payslip individwali tkun issiġillata f’invilopp speċjali. Kull invilopp bil-payslip ikun issiġillat f’invilopp akbar ma’ oħrajn skond it-taqsima u ndirizzat lir-ras ta’ kull taqsima rispettiva. Din il-proċedura sseħħ għal kull ħlas ta’ salarju jew bonus. Ma jirriżultax li kien hemm każi fejn il-ħaddiema m'huwiex jingħataw payslip.

Bereġ li jlaqqmu kontra l-influwenza A H1N1

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13726 u jgħid hux minnu li fl-eqqel tax-xitwa se jinżammu magħluqin il-bereġ biex l-infermiera jlaqqmu kontra l-influwenza A H1N1? Jista' dan it-tilqim isir f'ħinijiet oħra mingħajr ma tinħoloq inkonvenjenza lil tant nies?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Persuni fuq għajnuna soċjali b'mard kroniku

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13725, japprezza l-Ministru li l-Bord Mediku li kull darba li persuna tintalab biex terġa' tidher fi żmien qasir, dan ikun ifisser li l-persuna trid terġa' tmur privatament għand speċjalista biex jerġa' jsir ċertifikat skont il-bżonn? Għaldaqstant jirrealizza l-Ministru li l-Bord Mediku, jekk kompost minn speċjalisti li jaħdmu ukoll privatament, għandhom potenzjalment konflitt ta' interess?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Għajnuna Soċjali tingħata lil dawk il-persuni li skont il-bord mediku mahtur mid-Divizjoni tas-Sigurta’ Soċjali jinstabu fi stat ta’ saħħa li minħabba fih ma jistgħux jaħdmu. Fil-każ ta’ Għajnuna Soċjali mhemmx perjodu minimu ta’ inkapaċità għax-xogħol bħalma hemm fir-rigward tal-Pensjoni għal Invalidità. Għalhekk l-Għajnuna Soċjali tista tingħata għal perjodu ta’ ġimgħa jew aktar skont kemm il-persuna tibqa’ mhix tajba għax-xogħol. Għaldaqstant, il-frekwenza ta’ kemm il-darba il-persuna tintalab sabiex tidher quddiem il-bord mediku issir skond il-parir ta’ l-istess Bord Mediku skond il-każ. L-eżami mediku isir minn tobba maħtura mill-Ministru u dan l-eżami hu bla ħlas. Informat ukoll illi l-proċedura imsemmija ma ddaħħalx lill-benefiċċjarju fi spejjeż żejda.
Leg 11 PQ #14157 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Żoni Industrijali — Fabbriki Vojta

Question

Peress li t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 12847 tagħmel referenza għaż-żewġ fabbriki li kienu jipproduċu auto switches u prodotti tar-rubber rispettivament, jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 13386 u ċioe: kemm kienu jħaddmu nies iż-żewġ fabbriki li kienu jintużaw u li fil-preżent jinsabu vojta?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jagħti l-ismijiet ta' dawn il-fabbriki biex nkun nista nagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #14175 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — każijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti magħrufa bħala każijiet soċjali fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'qiegħed isir biex dawn il-pazjenti jiġu rikoverati x'imkien ieħor biex b'hekk jkun hemm aktar sodod liberi għal min għandu bżonn?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #14189 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Gamma Department

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13718, 13621, 13462, 13176, 12933 u 12644 u jgħid: a) Kemm sewa lill-Gvern il-bini tad-dipartiment tal-gamma scan? b) Kemm swiet kull gamma machine? ċ) Kemm jiswa lill-Gvern l-appart tal-X-Ray Department kull sena? d) Kemm jiswa lill-Gvern l-operat ta' kull MRI, CT, X-Ray, Angiogram u Mammogram? X'fatturi jieħu in konsiderazzjoni l-Gvern meta jagħmel l-audits ta' kemm tiswa kull proċedura? e) Kemm huwa stmat li se jiswa lill-Gvern kull mammogram meta dawn jibdew isiru mill-Belt taħt l-iskema l-ġdida?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li l-kuntratt għall-bini tal-Isptar Mater Dei kien ingħata mill-Gvern lill- Konsorzju SMJV (Skanska-Malta Joint Venture). Eventwalment il-kuntratt inbidel f’wieħed ta’ Design and Build għal somma fissa (lump sum). Mill-istess natura tagħha din is-somma mhijiex maqsuma f’dipartimenti jew kmamar individwali. Għalhekk l-informazzjoni dwar kemm ġie jiswa il-bini tad-dipartiment tal-Gamma Scan ma tistax tingħata. L-ewwel Gamma Unit kienet ordnata minn għand il-kumpanija Inso S.p.a. li meta tefgħu l-offerta tagħhom, bi żball kienu ikkwotaw il-valur ta’ din il-Gamma Unit għall-valur ta’ €0.00. Għalkemm kien jidher car li dan kien żball min-naħa tal-kumpanija, ma kellhomx għażla ħlief li jaċċettaw dan l-iżball u l-offerta tagħhom kellha tiġi aċċettata mill-gvern. It-tieni Gamma Unit kienet ko-finanzjata mill-International Atomic Energy Agency (IAEA). Id-Dipartiment ħallas USD 187,586 jew 43% tal-ispiża globali li kienet tammonta għal USD 435,106. Din il-Gamma Unit, apparti l-i scanner innifsu, kienet tinkludi treadmill għall- stress testing , ECG gating equipment u skambji ta’ esperti inkluż taħriġ ta’ physicist u radiographer f’centri barra minn Malta. Informat ukoll li l-manutenzjoni tal-apparat kollu tad-Dipartiment tal-Medical Imaging jiġi jiswa € 1,130,505 fis-sena. L-informazzjoni dwar l-ispiża ta’ kull servizz mogħti mill-isptar Mater Dei tkun imxandra fil-ħin opportun. L-ispiża tal- mammograms li qegħdin isiru mill-Health Screening Unit hija ta’ bejn 30 u 35 ewro kull wieħed.
Leg 11 PQ #14190 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Sptar Mater Dei — Gamma scans

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13720, 13623, 13461, 12946 u 12643 u jgħid: a) kemm hemm gamma scans fl-Isptar Mater Dei? b) kemm huwa l-potenzjal li tagħmel scans kull magna f'ġimgħa? ċ) kemm saru scans kull ġimgħa fix-xahar ta' Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2009? d) kemm iqum kull scan lill-Gvern b'kollox inkluż? e) kemm jiċċarġja lill-barranin mhux intitolati għal sptar b'xejn ta' kull scan (peress li jsiru diversi scans) u jagħti lista ta' charges jew average charges? Jista' jirrispondi kull mistoqsija individwalment?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #14227 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: DAVID AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Spiżeriji ġodda f'Malta u Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9908 u jgħid, lokalità, lokalità f'Malta u f'Għawdex kemm hemm bżonn ta' spiżeriji ġodda? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet ta' persuni li wrew ix-xewqa u/jew applikaw li jiftħu spiżerija f'kull lokalità? Jista' jagħti lista, in order of merit ta' kulmin applika u ta' min imissu, f'kull lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li applikazzjonijiet għal ħruġ ta' liċenzji ġodda għal spiżeriji jiġu proċessati skond il-proveddimenti ta’ l-Avviz Legali 279/2007. Skond l-kriterji stabbiliti minn dan l-avviz legali ġew identifikati dawn l-lokalitajiet fejn qed jiġu proċessati applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ spiżerija: Xgħajra, Żabbar, Fgura, Vittoriosa, San Gwann, Marsaxlokk, Siġġiewi, Dingli, Mtarfa, Mġarr-Malta, Għarb, Xagħra, Fontana u Għajnsielem. Se ngħaddi l-lista ta' applikazzjonijiet pendenti f'kull lokalità f’ordni kronoloġika lill-Onor. Interpellant personalment.
Leg 11 PQ #14243 Sitting 182 2010-01-19 Oral · Final From: RODERICK GALDES To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pembroke — Housing Estate - qtugħ ta' dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex id-dawl tal-landscaping f'Sit A tal-Housing Estate li hemm f'Pembroke qed ikun maqtugħ? Jista' jara li l-Awtorità tad-Djar tagħmel it-tiswijiet neċessarji fil-post?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Ġarr ta' pazjenti minn Għawdex għal Malta

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10732, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid jekk is-servizz fejn il-pazjenti jinġarru permezz tal-helicopter huwiex se jerġa' jibda? Meta hemm il-ħsieb li dan jerġa' jibda biex pazjenti gravi mill-gżira Għawdxija jew minn xi post ieħor 'il bogħod mill-Isptar Mater Dei jibdew jinġarru bil-helicopter minflok bl-ambulanza peress li t-trasport bl-ajru jaf ikun f'inqas ħin minħabba ż-żieda fit-traffiku tal-art?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li s-servizz fejn il-pazjenti jinġarru permezz tal-helicopter qatt ma ġie sospiż. Is-servizz jiġi operat bil-koperazzjoni u l-koordinazzjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta. Fil-każ ta’ pazjenti mill-gżira Għawdxija, is-servizz jintalab mill-isptar t’Għawdex u mhux mill-isptar Mater Dei.
Leg 11 PQ #13646 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: OWEN BONNICI To: Ministeru għall-Politika Soċjali

ħidma tal-Programm Budz

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13105 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport u li issa ġiet riferuta lilu u jagħti spjega tal-ħidma tal-Programm Budz li, skont il-budget tas-sena 2009 (paġna 71) kellha toffri ħidma lil diversi żgħażagħ li huma meqjusin li qegħdin fil-periklu? Kemm ġew allokati fondi għall-Programm Budz? Kemm intnefqu fondi għall-Programm Budz? Kemm kien in-numru ta' żgħażagħ li gawdew minn dan il-programm?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #13785 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: ANGLU FARRUGIA To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħaddiema tal-IPSL fl-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jitħallsu l-ħaddiema ta’ l-IPSL impjegati fl-Isptar Mater Dei ?

Response (DALLI, JOHN)

Il-paga bażika tal-ħaddiema tal-IPSL titħallas mill-IPSL, filwaqt li l-allowances jitħallsu mill-Isptar Mater Dei.
Leg 11 PQ #13846 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Proġett ta' slum clearance ġewwa Bormla

Question

Peress li hemm proġett ieħor ta' slum clearance ġewwa Bormla, jista' il-Ministru jgħid meta jaħseb li ser jinbeda x-xogħol? Kemm ser idum biex jitlesta dan il-proġett u fiex ser ikun jikkonsisti ?

Response (DALLI, JOHN)

Informat li t-tieni fażi tal-proġett ta’ Urban Renewal fl-inħawi ta’ Triq Santa Liena Bormla tikkonsisti fit-twaqqiegħ ta’ żewġ blokki eżistenti u bini ta’ blokka ġdida b’56 appartamenti u garaxxijiet. S’issa għad ma ġiex ipproġettat meta ser jinbeda x-xogħol fuq dan il-proġett.
Leg 11 PQ #13847 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Bormla — Dar li twieled u trabba fiha ex prim ministru ta' Malta

Question

Peress li fil-proġett ta' slum clearance proġettat għal Bormla hemm id-dar li fiha twieled u trabba l-Perit Duminku Mintoff, ex Prim Ministru ta' Malta, ma jaħsibx il-Ministru li hemm bżonn isir xi ħaġa sabiex din id-dar tiġi salvata u restawrata bħala parti mill-istorja ta' persuna li għamlet storja f'pajjiżna ?

Response (DALLI, JOHN)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-indirizz eżatt u jagħti aktar dettalji dwar il-valur storiku tal-post imsemmi sabiex tkun tista’ ssir verifika.
Leg 11 PQ #13850 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti f'Jannar 2009 u kemm hi issa ?.

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-waiting list għall-operazzjonijiet tal-kataretti fl-aħħar ta' Jannar 2009 kienet 5951, filwaqt li bħalissa qiegħda 5735.
Leg 11 PQ #13851 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Ħaddiema jaħdmu mal-privat li ġew miċħuda l-paga

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena 2009 kellux rapporti minn ħaddiema mal-privat li ġew imċaħħda mill-paga dovuta lilhom ? Jista' l-Ministru jgħid x'jista' isir meta persuna tiġi miċħuda l-paga ?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li matul is-sena 2009, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg irċieva numru ta’ rapporti/allegazzjonijiet minn ħaddiema mal-privat li ħassew li ġew imċaħħda il-paga dovuta lilhom. F’dawn il-każijiet, id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg jagħmel l-investigazzjonijiet meħtiega dwar l-post tax-xogħol konċernat. Jekk jirriżulta li l-pagi ma tħallsux, issir talba lill-prinċipal biex iħallas l-ammonti dovuti lill-ħaddiema. Jekk dawn il-pagi jibqgħu ma jkunux imħallsa, kif ikun talab id-Dipartiment, jittieħdu l-passi neċessarji kontra l-prinċipal quddiem il-Qorti talli jkun naqas li jħallas il-pagi skond il-liġi.
Leg 11 PQ #13976 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Persuni li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10847 u jgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kemm kien hemm persuni residenti f’Malta u Għawdex separatament li kienu qed jirċievu benefiċċji mhux kontributorji bħala: · Pensjoni/ allowance ta’ diżabilita’ · Assistenza soċjali · Assistenza medika? Jista’ jagħti l-ispiża relattiva għal kull benefiċċju għal Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Leg 11 PQ #13978 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Frodi ta' benefiċċji soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 11545 u jagħti breakdown lokalità lokalità tat-3,750 każ ta’ frodi ta’ benefiċċju soċjali li ġew investigati mid-Direttorat għall-Frodi ta’ Benefiċċju u għall-Investigazzjoni f’dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jagħti dan it-tagħrif maqsum tliet xhur, tliet xhur u bl-ammonti li ġew frankati lokalità lokalità? Jista’ jgħid ukoll kemm benefiċċji ġew sospiżi f’kull lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #13979 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Qasam tax-xogħol f'Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 5176 u jagħti l-informazzjoni hawn taħt mitluba rigward il-qasam tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena mill-2000 sal-2007 u fl-aħħar ta’ Settembru 2008: a) in-numru ta’ nies (i) jaħdmu għal rashom u (ii) impjegati, (iii) nies qiegħda u (iv) nies inattivi skond il-grupp ta’ l-eta’ tagħhom(15-24, 25-34, 35-44, 45-54, 55-64); b) ir-rata ta’ attività tal-popolazzjoni attiva kif ukoll skond il-grupp ta’ l-età tagħhom; ċ) in-numru ta’ nies jaħdmu klassifikati skond l-attività ekonomika; u d) id-dħul gross annwali medju tan-nies jaħdmu skond l-attività ekonomika tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni mitluba rigward il-qasam tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, fl-aħħar ta’ Diċembru ta’ kull sena mill-2000 sal-2007 u fl-aħħar ta’ Lulju 2008. TABELLA ‘A’ – Turi n-numru ta’ nies maqsuma skond il-grupp ta’ l-eta’ mitluba, li jaħdmu għal rashom, impjegati, nies qiegħda, nies inattivi u r-rata ta’ attività tal-popolazzjoni attiva. Il-grupp ta’ dawk li għandhom età minn 65 'il fuq mhumiex inklużi f’din it-tabella. TABELLA ‘B’ – Turi n-numru ta’ nies jaħdmu klassifikati skond l-attività ekonomika. Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u t-Taħriġ ma jkollhiex informazzjoni dwar id-dħul gross annwali tan-nies jaħdmu. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli interpellant, li l-aħħar statistika ppubblikata hi dik ta’ Lulju 2008.
Leg 11 PQ #13980 Sitting 181 2010-01-18 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Pagamenti tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 6662 u jgħid kemm kien l-ammont totali ta' pagamenti ta' sigurtà soċjali lil residenti f'Għawdex kull sena mill-1999 sal-2009?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.