Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-pajjiżi Ewropej li ma tagħhom il-prezzijiet tal-mediċini li jinbiegħu f'Malta huma mqabbla sabiex jiġi stabbilit il-prezz medju Ewropew skont il-ftehim milħuq bejn il-gvern u l-importaturi tal-mediċini? F'liema kategoriji huma kklasifikati dawn il-pajjiżi cioè high, average u low? Jista' għal kull mediċina li traħħset f'Malta minn April 2008 s'issa, jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prezzijiet tal-mediċini rispettivi li kienu jinbiegħu f'dawn il-pajjiżi kif ukoll il-prezz medju kif ikkalkulat mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-prezz kif effettivament il-mediċina traħset f'Malta?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur — Każijiet reġistrati mat-Tribunal
Question
B'referenza għat-tweġiba mgħotija għall-mistoqsija parlamentari 34264, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk il-każijiet li ġew reġistrati mat-Tribunal ġew deċiżi mit-Tribunal għas-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Għas-snin imsemmija, kemm minn dawk id-deċiżjonijiet meħuda mit-tribunal ġew onorati mill-partijiet konċernati u x'għamel dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u llum l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur biex jara li d-deċiżjonijiet meħuda minn dan it-tribunal jiġu osservati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-gvern fuq l-ex Pixxina Nazzjonali f'Wied il-Għajn? F'idejn min qiegħed il-pussess ta' din l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament? Jekk kien hemm trasferiment tal-pussess mill-gvern favur terza persuna, x'kundizzjonijiet kien hemm għal tali trasferiment? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv? Min hu s-sid taż-żona prestina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament, liema żona pristina tibqa' tieħdok sax-Xgħajra? Hemm xi piżijiet/drittijiet reali favur terzi f'din iż-żona?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-proprjeta li fuqa inbniet l-ex Pixxina Nazzjonali f’Wied il-Għajn tinsab fil proċess li tiġi Akkwistata. Il-Pixxina hija mikrija lil M’Scala Sports Club. Dwar it-talba biex kopja tal-kirja titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, l-Onor. Interpellant japprezza ċertament li dan hu kuntratt ta’ natura personali/privata mhux pubblika. Għalhekk tlabt lid-Dipartiment jitlob il-kunsens tal-inkwilin konċernat biex tali skrittura titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din il-propjeta’ llum hija amministrata mill-Kunsill Malti Għall-Isport.
Rigward iz-zona pristina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali, nikkonferma li din l-art
hija art tal-Gvern li bħalissa mhix mikrija.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jiġi ffirmat il-kuntratt ta' rikkonoxximent bejn il-Gvern ta' Malta u l-NGO ta' C.S.A.F Senglea li jieħdu ħsieb l-istray cats tal-Kottonera?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-permess ta’ ‘encroachment’ a favur l-organizzazzjoni C.S.A.F, qiegħed jitħejja mid-Dipartiment tal-Propjetà tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34750 u jgħid meta mistenni jiġi ffirmat il-kuntratt ta' rikkonoxximent bejn il-Gvern ta' Malta u l-NGO ta' C.S.A.F Senglea li jieħdu ħsieb l-istray cats tal-Kottonera?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34750.
nutara li mhumiex jiddepozżtaw il-kopji tal-kuntratti
Question
Jista' l-Ministru jgħarraf lil Kamra kemm hemm nutara li mhumiex jiddepozżtaw il-kopji tal-kuntratti minnhom ippubblikati fl-arkivju miżmuma minn nutar tal-gvern? X'passi ttieħdu kontra nutara li mhumiex qed jimxu skont il-liġi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Joint Office u tal-Lands Department fil-konfront ta' sidien li jkollhom proprjetà li ma tkunx residenza privata u lanqas villeġjatura, li tkun suġġetta għal ċens temporanju u dak iċ-ċens jiskadi jew ikun wasal biex jiskadi fis-sena li jmiss?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari W78 datata 23 ta' Lulju 2010 u cioè ladarba l-Gvern qed jinnegozja x-xiri tal-isptar St Philips, għaliex ma saritx sejħa pubblika għall-interess jew sejħa għall-offerti għal dawk interessati li jipprovdu servizz simili, jew anke bejgħ ta' faċilitajiet simili, ta' dak l-isptar St Philips
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara l-każ ta' anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li peress li r-raġel tagħha kien marid bil-kanċer, neħħiet il-permess tal-bejgħ u issa skopriet li hemm xi kontijiet pendenti tal-istess permess?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-persuna in kwistjoni ħallset l-aħħar miżata tal-liċenzja fit-2007. Kull sena mis-sena 2008 sas-sena 2011 intbagħtiela kont ta’ €23.29. Fil- 21 ta’ Novembru tas-sena 2011 id-Dipartiment tal-Kummerċ irċieva applikazzjoni għall-kanċelazzjoni tal-liċenzja. Din kienet akkumpanjata b’ittra li saret għan-nom tal-persuna liċenzjata. L-ittra ukol talbet li l-persuna liċenzjata tiġi eżentata milli tħallas il-liċenzja għas-snin imsemmija minħabba raġunijiet indikati fl-istess ittra.
Il-liġi vigenti LS 441.07 Regolamenti dwar il-Liċenzji tal-Kummerċ tgħid li wara li issir applikazjoni mid-detentur għat-tħassir tal-liċenza , is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ għandha tinforma lid-detentur li tkun laqghet it-talba tiegħu ghat-tħassir, għanda immedjatament titlob għall-arretrati kollha dovuti
sad-data
tal-applikazzjoni mill-applikant. Jekk l-applikant jonqos milli jħallas l-arretrati dovuti, ma’ l-applikazzjoni għat-tħassir, is-Sezzjoni Liċenzi tal-Kummerċ għandha tieħu l-azzjoni legali neċessarja għall-pagament tal-arretrati.
Il-ligi fil-fatt tinsisti fuq dan il-punt u tgħid ukol li minkejja li t-tħassir tal-liċenza jkun approvat, id-detentur tal-liċenza għandu jibqa’ responsabbli għall-ħlas ta’
kull
dritt għal liċenza dovut qabel ma tingħata dik l-applikazzjoni għat-tħassir.
Il-liġi ma tipprovdi għall-ebda eċċezzjoni u għall-ebda possibilta’ ta’ eżenzjoni. Għaldaqstant id-Dipartiment ma kellu l-ebda alternattiva ħlief li jitlob il-ħlas dovut.
Ftit ġimgħat ilu l-Gvern nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar proposta ta’ regolamenti ġodda li ħa jemendaw il-liġi sussidjarja imsemmija iktar qabel. Din il-proposta hija intiża biex tnaqqas mill-piżijiet fuq in-negozjanti. Fost l-emendi hemm emenda li tissuġġerixxi li ħlas dovut ta’ liċenzja jkun ikkalkulat sa dik id-data li jitwaqqaf l-operat kummerċjali u mhux sa d-data li ssir għall-applikazzjoni għat-tħassir tal-liċenzja. B’hekk, in-negozjant li għal xi raġuni jew oħra ma jkunx għamel l-applikazzjoni għat-thassir fid-data li waqqaf l-operat, ikun qed jiffranka l-ammont li huwa dovut skond il-liġi, ghal dak il-perjodu mid-data tat-twaqqif tal-operat sad-data tat-tħassir. Għaldaqstant ġie deċiż li:
a) d-Dipartiment ma jibqax jipproċedi bil-każ sakemm tgħaddi l-liġi sussidjarja;
b) d-Dipartiment jagħmel kuntatt mal-persuna liċenzjata biex tforni lid-Dipartiment bi provi li ma kienitx qiegħda tiġġestixxi attivita’ kummerċjali tul l-aħħar erba’ snin.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar kemm tnaqqsu l-ħlasijiet għall-użu tal-karrijiet tal-mejtin waqt il-funerali minn meta saret il-liberalizzazzjoni ta' dan is-settur? Kemm-il darba nġabret, minn dak li kien id-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni u issa mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur, informazzjoni marbuta ma' dan ix-xogħol mil-liberalizzazzjoni sal-lum? F'liema stadju waslet l-analiżi li kellha ssir sabiex jiġi evalwat jekk l-operat fis-suq in kwistjoni huwiex konformi mal-Att dwar il-Kompetizzjoni u mal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur? Din l-informazzjoni, jew rapport, anke f'format mhux kunfidenzjali, jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li dak li kien d-Dipartiment tal-Konsumatur u tal-Kompetizzjoni kien iltaqa’ mal-operaturi fis-suq sabiex jispjegalhom u jagħtihom parir ta’ kif dawn għandhom joperaw fuq is-suq biex ikunu konformi mal-Liġi dwar il-Kompetizzjoni u l-Liġi dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur. Illi bl-intervent tad-Dipartiment kienet inħarġet ċirkolari mid-Direttur Ġenerali tad-Divizjoni Servizzi tas-Saħħa (Ċirkulari Numru DH 63/09) fejn ġibed l-attenzjoni tal-imjegati kollha fil-qasam tas-saħħa li m’għandha tingħata ebda informazzjoni lill-kummissjonanti tal-funerali dwar imwiet ġewwa l-isptarijiet u djar tal-anzjani tal-Gvern.
Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur — investigazzjoni rigward ix-xandir ta’ sports
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33659 u in vista tan-numru ta' ilmenti pendenti hekk kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 33657, jista' l-Ministru jelenka dawk is-swieq li bħalissa qed jiġu investigati u huma meqjusa bħala prijorità quddiem l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur? X'inhuma l-prattiċi fis-suq li għaldaqstant bħalissa qed jiġu investigati inkluż indikazzjoni ta' dik il-proviżjoni tal-Att dwar il-Kompetizzjoni li allegatament qed tiġi miksura? Kemm-il darba dawn il-każijiet huma meqjusa bħala prijorità, x'inhu bħalissa l-impatt fuq il-konsumatur bħala konsegwenza ta' dawn il-prattiċi? Meta beħsiebu l-Uffiċċju jikkonkludi dawn l-investigazzjonijiet f'dawk is-swieq li bħalissa jgawdu prijorità quddiem l-Uffiċċju?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, waqt li l-Uffiċċju tal-Kompetizżjoni fi ħdan Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur jistabilixxi l-prioritajiet li jimxi bihom, ma jkunx prudenti li l-Uffiċċju jiddikjara b’mod pubbliku s-setturi u l-każijiet li hu jkun qed jagħti prijorità dan għax din l-informazzjoni tista’ tippreġudika l-investigazzjonijiet li l-Uffiċċju jkun qed jagħmel jew bi ħsiebu jagħmel. Apparti dan jista’ jagħti messaġġ lil setturi oħra li huma mhux ser jiġu investigati. Jingħad ukoll li l-prijoritajiet li jkollu l-Uffiċċju mhumiex fissi u jistgħu jinbidlu anki minn ġurnata għall-oħra skond iċ-ċirkostanzi li jafu ma jkunux fissi f’kull suq, inkluż dak lokali. L-Onorevoli Interpellant pero` huwa assigurat li l-Uffiċċju qiegħed jiffoka fuq dawk il-prattiċi l-aktar li joħonqu l-kompetizzjoni.
L-impatt fuq il-konsumatur jkun spjegat u joħroġ mid-deċiżjoni finali stess ta’ l-Uffiċċju. Żgur li l-Uffiċċju ma jistax jgħid x’inhu l-impatt fuq il-konsumatur qabel ma l-każ ikun magħluq b’deċiżjoni.
Rigward iż-żmien ta’ konklużjoni ta’ l-investigazzjonijiet quddiem l-Uffiċċju nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ingħatat fil-mistoqsija parlamentari 33659 fejn ġie spjegat li minħabba n-natura ta’ dawn il-każijiet ma jkunx possibli li wieħed jipprova jiddetermina meta ser jiġi konkluż il-każ waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33657, fejn fost oħrajn intqal li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur għamel ħafna xogħol fuq liġijiet, jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-liġi sussidjarja elenkata iktar 'l isfel ma ġietx aġġornata u jekk humiex se jiġu aġġornati peress li uħud minnhom jew għadhom jagħmlu referenza għal strutturi li kienu jeżistu qabel ma ġie emendat l-Att dwar il-Kompetizzjoni s-sena l-oħra jew skadew jew dalwaqt jiskadu? Sa meta beħsiebu l-Uffiċċju, jekk huwa l-każ, jaġġorna din il-liġi sussidjarja rigward:
a) L.S. 379.02 - Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali);
b) L.S. 379.04 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali);
ċ) L.S. 379.05 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali);
d) L.S. 379.06 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali); u
e) L.S. 379.07 - Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali)?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li r-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar Riċerka u Żvilupp (Eżenzjoni Ġenerali) u r- Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar l-Ispeċjalizzazzjoni (Eżenzjoni Ġenerali) fil-fatt għadhom in vigore sa l-aħħar ta' Ġunju 2012.
Ir-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim Orizzontali (Eżenzjonijiet Ġenerali) m'għandhomx data ta' skadenza għalihom infushom imma jitkellmu dwar iż-żmien li fih għandhom effett ir-Regolamenti Orizzontali imsemmija fl-Avviż Legali.
L-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex infurmat bir-raġunijiet għaliex dik li kienet qabel id-Divizzjoni tal-Konsumatur u l-Kompetizzjoni ma kinitx estendiet ir-Regolamenti dwar Ftehim Vertikali u Prattiċi Miftiehma (Eżenzjonijiet Ġenerali) u r-Regolamenti dwar Pattijiet ta' Ftehim dwar it-Trasferiment ta' Teknoloġija (Eżenzjoni Ġenerali).
Madankollu, fost ix-xogħol fuq liġijiet li qed jagħmel l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni, hemm proprju eżerċizzju ta' riċerka fuq l-iżviluppi li saru fuq livell ta' l-Unjoni Ewropea u xi Stati Membri dwar dawn ir-Regolamenti li jipprovdu għal Eżenzjonijiet Ġenerali biex janalizza kif l-aħjar jimxi fuq din il-materja għas-suq Malti. Dan l-istudju intern fil-fatt wasal fi stadju avvanzat. Skond l-eżitu ta' dan l-eżercizzju, isir ukoll kull aġġornament rigward l-istrutturi meħtieġ. Però fil-frattemp, l-Att dwar l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (Kap. 510) jipprovdi li d-Direttur ta' l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni Ġusta gie sostitwit bid-Direttur Ġenerali għall-Kompetizzjoni u li l-Kummissjoni għall-Kummerċ Ġust ġiet sostitwita bit-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt mal-koppja li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament li fl-24 ta' Marzu 2007 ħallsu £M1,493 biex jifdu ċ-ċens u ma ġewx kkuntatjati iżjed? Għaliex huma u oħrajn ġirien tagħhom qed jitħallew jistennew? X'inhuma l-problemi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-onorevoli interpellant, li ma tistax tingħata tweġiba għad-domanda tiegħu peress li mill-kotba tad-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern ma nstab li hemm l-ebda proprjetà fuq isem il-koppja li d-dettalji tagħha ngħataw separatament. Ninforma lill-onorevoli interpellant biex jekk għandu xi dettalji ulterjuri jista’ jgħaddihom lid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u jingħata tagħrif jekk hemmx xi problemi.
Billi l-prezz tal-mediċini li qegħdin jitraħsu qiegħed jiġi maħdum skont il-prezz medju kif qiegħed jinbiegħ f’ċerti pajjiċi membri tal-Unjoni Ewropeja, jista' l-Ministru jagħti l-isem tal-pajjiżi u l-prezzijiet li ntużaw biex ġie stabbilit il-prezz tal-medicina LYRICA 25 mg capsules x 56, li mill-prezz ta' €106.94 tniżżel għal €75.44, meta l-prezz ta’ din l-istess mediċina, skont il-lista mogħtija mill-Ministru fil-mistoqsija parlamentari 33749, qiegħda tinbiegħ għall-prezz ta’ €23.14 fl-Italja u €15.88 fil-Portugall?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li minħabba l-fatt li preżentement hemm transizzjoni mill-ftehim l-antik għall-ftehim il-ġdid, għadhom ma bdewx in-negozjati bejn l-Awtorita u l-importatur konċernat fuq il-prezz tal-prodott Lyrica 25mg capsules (x 56).
Minkejja dan u anke b’xhieda tal-koperazzjoni li ssedqet bejn il-Gvern u l-importaturi tal-mediċina f’dawn l-aħħar snin, l-importatur għażel li jraħħas il-prezz ta’ dan il-prodott minn jeddu. Dan ma jippreġudikax il-fatt li jkun hemm negozjati biex jitraħħas il-prezz skont il-ftehim.
Il-prezz preżenti ta’ dan il-prodott fil-pajjiżi li jintużaw biex tinħadem il-medja huwa kif gej:
Ingilterra € 104.10, Italja €23.14, Irlanda €110.29, Portugal €15.88, Franza €18.79, Cipru € 23.13, Germanja €54.64, Danimarka €22.08 u Norvegja €20.52.
Atti pubbliċi dwar trasferiment ta' proprjetà immobbli
Question
Jista’ l-Ministru jivverifika t-tagħrif li ta fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32204 u jikkonferma kemm saru atti pubbliċi dwar trasferiment ta’ proprjetà immobbli f’Għawdex kull xahar fl-2011?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi d-Dipartiment Proprjeta’ tal-Gvern ivverifika t-tagħrif mogħti fit-tweġiba Parlamentari 32204 u jikkonferma li f’dan id-Dipartiment, gew ippublikati kuntratti kif indikati f’dik ir-risposta jigifieri:
Jannar…………….1
Frar……………….1
Marzu…………….1
April…………….Nil
Mejju……………..3
Gunju……………..4
Lulju………………2
Awwissu………….1
Settembru…………1
Ottubru…………...Nil
Novembru……….Nil
Dicembru………..Nil
Pero’, bi żvista, tħallew barra kuntratti ippublikati mill-Uffiċċju Kongunt fejn ġew
mifdija diversi ċnus fuq residenzi f’Għawdex. Xahar b’xahar kienu ippublikati dawn ilkuntratti ta’ fidi ta’ cens:
Jannar………….2
Frar…………….1
Marzu…………Nil
April………… 2
Mejju…………..Nil
Gunju…………. 3
Lulju………… Nil
Awwissu……….2
Settembru………1
Ottubru…………Nil
Novembru…… 8
Dicembru……….3
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond tal-Joint Office, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, huwiex vojt jew le? Jekk huwa vojt hemm il-ħsieb li jinbiegħ jew jinkera?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi l-fond li id-dettalji tiegħu ntbagħtu separatament, kien trasferit lill-Gvern mill-Awtoritajiet Ekklesjastiċi bħala mikri, però minkejja li iċ-ċwievet qatt ma ġew ritornati, jidher li min kien jgħix f’ dan l-appartament ma għadux hemmhekk. Għal dan il-għan, id-Dipartiment se jieħu azzjoni biex jikseb lura dan il-fond. Kif iċ-ċwievet ikunu għaddispożizzjoni tad-Dipartiment, il-prassi hija li dawn jgħaddu għand l-Awtorita tad-Djar biex jaraw jekk il-fond jistax jintuża bħala Akkomodazzjoni Soċjali, u jkun biss jekk l-Awtorita’ tad-Djar jiddeċiedu li ma jkunx tajjeb għal Akkomodazzjoni Soċjali, li id-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern jiddeċiedi kif jiddisponi minnu.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ir-retailer huwa marbut li jkollu fuq kull invoice u fuq kull item it-tracability tal-prodott fil-kuntest tal-expiry date u batch number u fl-istess waqt l-aġenti mhumiex marbuta li jagħmlu dan fuq l-invoices li jingħataw lir-retailers? Jista' jgħid hux ippjanat li dan li jorbot lir-retailer jorbot ukoll lil aġent?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mis-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità.
Birżebbugia — Wesgħa Ramon Perellos - akkwist ta' art
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li parti żgħira minn site akbar ġewwa Wesgħa Ramon Perellos il-Qajjenza Birżebbugia li hija mmarkata u ndikata fuq il-Marsaxlokk Bay Local Plan sabiex isservi għal skopijiet ta' rikreazzjoni se tiġi akkwistata mill-Gvern Ċentrali? Jista' jgħid din il-parti li minnu se tiġi akkwistata, għal liema skop se sservi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li l-propjeta in kwistjoni ntalbet mid-Dipartiment tat-Toroq sabiex tinbena triq f’Lulju tal-1976, u saħansitra t-triq inbniet fl-istess sena.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena kemm-il biċċa art ġiet esproprijata matul l-aħħar għaxar snin sabiex tinfetaħ jew titwessa' xi triq ġo żona indikata għall-iżvilupp fejn tali triq tkun skemata mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jista' jagħti l-isem tat-triq u l-lokalità għal kull biċċa art rispettiva?
Kemm tħallsu flus mill-gvern sabiex inxtrat kull biċċa minn dawn l-artijiet?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'titolu għandu l-gvern fuq l-ex Pixxina Nazzjonali f'Wied il-Għajn? F'idejn min qiegħed il-pussess ta' din l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament? Jekk kien hemm trasferiment tal-pussess mill-gvern favur terza persuna, x'kundizzjonijiet kien hemm għal tali trasferiment? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt relattiv? Min hu s-sid taż-żona prestina li hemm biswit l-ex Pixxina Nazzjonali preżentament, liema żona pristina tibqa' tieħdok sax-Xgħajra? Hemm xi piżijiet/drittijiet reali favur terzi f'din iż-żona?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.