B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 9407 jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa mistenni li jieħu żmien biex dan il-każ jiġi investigat u deċiż mill-Independent Police Complaints Board?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Il-Kumissarju tal-Pulizija talab lill-Independent Police Complaints Board biex jinvestiga dan il-każ u l-Bord beda jeżamina d-dokumenti relattivi. Huwa ttamat li l-investigazzjoni msemmija mill-Interpellant tiġi magħluqa fi żmien relattivament qasir.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — miri tal-Horizon 2020
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9286 u b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9279, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija oriġinali u jgħid:
a) jekk dawn il-miri hux ser jintlaħqu sa ftit xhur oħra;
b) kemm aħna ‘l bogħod minn dawn il-miri; u
ċ) u x’qed isir mill-Ministeru tiegħu sabiex jintlaħqu l-miri t’hawn fuq?
Jista' jgħid ukoll kemm hu l-persentaġġ ta':
a) nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni; u
b) nisa fuq advisory board?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 9458.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament hux intitolat għal persuna ta’ sigurtà? Jekk iva, jista’ jiġi indikat jekk dan hux qed jitħallas mill-Gvern? Jista’ jindika wkoll kemm qamet l-ispiża s’issa u kemm ilu b’dan l-arranġament? Jista’ jindika x’inhi preċiżament id-‘detail’ ta’ dawn il-persuni ta’ sigurtà? Jista’ jindika jekk fid-‘detail’ ta’ dawn il-persuni ta’ sigurtà hemmx indikat li dawn il-persuni jintużaw ukoll bħala ‘drivers’ għal dan l-individwu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li waqt li huwa kkonfermat li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament jingħata sigurtà, ma nħossx li aktar tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar din is-sigurtà, għandu jkun ippubblikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il mara ġiet akkużata fil-Qorti li kkaġunat l-abort fuqha nfisha jew li tkun qagħdet għall-użu tal-mezzi li bihom l-abort ġie ikkaġunat, sena b'sena, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jagħti l-età u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu indikat mill-Onor. Interpellant u ċjoè mis-sena 2000 sal-ahhar ta’ Frar 2019 kien hemm tliet każi fejn nisa ġew akkużati fil-Qorti li kkaġunaw l-abort fuqhom infushom jew li qagħdu għall-użu tal-mezzi li bihom l-aborti ġew ikkaġunati. L-ewwel każ kien fl-2006 li kien jikkonċerna mara Maltija ta’ 23 sena, li ngħatat ordni ta’ Probation għal tliet snin. It-tieni każ kien fis-sena 2014 u kien jikkonċerna mara barranija ta’ 29 sena li ġiet issentenzjata 18-il xahar ħabs sospiżi għal sentejn. L-aħħar każ kien fis-sena 2014 ukoll u kien jikkonċerna mara barranija ta’ 30 sena u li kienet issentenzjata sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin.
Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il rapport irċeviet il-Pulizija dwar telefonati qarrieqa sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' l-Ministru jgħid minn liema pajjiż ġie rrapurtat li saru dawn it-telefonati u x'azzjoni ħadet il-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar telefonati qarrieqa kif mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinżamx taħt forma ta’ statistika u mhux possibbli li din tinġabar. Infurmat li sal-lum il-pulizija għad ma kelliex istanzi fejn l-investigazzjonijiet fuq dawn ir-rapporti ntemmu b’suċċess u għalhekk mhux possibbli li wieħed jindika minn fejn oriġinaw dawn it-telefonati, għalkemm jidher li dawn ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Bħalma jsir fil-każi ta’ one ring scams imsemmija f’mistoqsija oħra mill-Onor. Interpellant, il-Pulizija tagħmel dak kollu possibbli biex toħloq għarfien dwar dan ir-reat bħala prevenzjoni u meta jkollha numri ta’ telefonati minn dawn, tikkordina mas-service providers tat-telefonija lokali, biex fejn hu possibbli jieħdu dawk il-passi u jipprevenu li dawn in-numri jibqghu jintużaw, bil-mezzi tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċeviet il-Pulizija dwar one ring scams u ċjoè meta persuna jċemplilha xi ħadd u jaqta', biex imbagħad il-persuna ċċempel lura u tispiċċa tħallas premium rate għat-telefonata, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid minn liema pajjiż ġie rrapurtat li saru dawn it-telefonati u x'azzjoni ħadet il-Pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar one ring scams kif mitluba mill-Onor. Interpellant ma tinżammx taħt forma ta’ statistika u mhux possibbli li din tinġabar. Infurmat li sal-lum il-pulizija għad ma kelliex istanzi fejn l-investigazzjonijiet fuq dawn ir-rapporti ntemmu b’suċċess u għalhekk mhux possibbli li wieħed jindika minn fejn oriġinaw dawn it-telefonati, għalkemm jidher li dawn ġejjin minn barra l-Unjoni Ewropea. Madankollu, il-Pulizija tagħmel dak kollu possibbli biex toħloq għarfien dwar dan ir-reat bħala prevenzjoni u meta jkollha numri ta’ telefonati minn dawn, tikkordina mas-service providers tat-telefonija lokali, biex fejn hu possibbli jieħdu dawk il-passi u jipprevenu li dawn in-numri jibqghu jintużaw, bil-mezzi tagħhom.
Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali — Green Leaders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, jekk hemm, Green Leaders fid-Dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Green Initiatives huma parti integrali mill-politika tal-Gvern.
Il-miżuri favur l-ambjent ma jistriħux fuq il-persuna, iżda fuq l-inizjattivi li jieħu l-Gvern.
Fost il-miżuri favur l-ambjent li ttieħdu f’dawn l-aħħar snin kien hemm:
· tisħiħ tal-Green Public Procurement;
· introduzzjoni tal-Online Government, li qed iwassal biex inqas nies ikollhom għalxiex jinqalgħu minn djarhom u jużaw il-karozzi;
· installazzjoni tal-pannelli;
· Il-flessibilità mogħtija lill-ħaddiema fil-qadi ta’ dmirijiethom.
Jista' l-Ministru jgħid meta kien l-aħħar li suldati Għawdxin li qatt ma kienu ħadmu f'Għawdex ġew trasferiti minn Malta lejn Għawdex? Jista' jgħid meta hu maħsub li jiġu trasferiti suldati Għawdxin lejn Malta issa meta hu magħruf li l-ħaddiema Għawdxin li jaħdmu mal-Gvern f'Malta aktar minn ittriplaw f'dawn l-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-aħħar sena (2018) ħarġet applikazzjoni u sar proċess sħiħ ta’ selezzjoni sabiex ħdax-il membru ġdid, u li qatt ma kienu ħadmu f’Għawdex mal-Forzi Armati ta’ Malta, jitilgħu jaħdmu Għawdex u jiffurmaw komponent ta’ salvtaġġ marittimu u uffiċjali tal-EOD, sabiex jiġu estiżi tali servizzi lejn Għawdex u b’hekk ikun aċċertat rispons aktar malajr f’każ ta’ bżonn.
Suldati Għawdxin – eleġibbiltà għal promozzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex suldati stazzjonati f’Għawdex mhumiex eleġibbli għal promozzjonijiet sakemm ma jkunx hemm xi ħadd li jirtira minn fost is-suldati li jaħdmu Għawdex? Ma jaħsibx li din hija diskriminazzjoni kontra suldati Għawdxin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi li tirregola l-FAM teħtieġ li jingħataw promozzjonijiet sabiex jimtlew postijiet vakanti. Il-postijiet vakanti jiġu ġġenerati meta suldati jiġu promossi, trasferiti, jinħallu mis-servizz, jew l-establishment jitkabbar. Il-liġi hija applikata b'mod ugwali madwar il-FAM. Din l-amministrazzjoni kabbret l-establishment f'Għawdex billi żiedet komponenti ta’ salvataġġ marittimu u tal-EOD. B'hekk żiedu l-opportunitajiet għas-suldati Għawdxin. Barra minn hekk, postijiet vakanti kienu regolarment disponibbli f'Għawdex matul l-aħħar snin.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fuq il-laneċ li hemm fil-Port tal-Imġarr f'kull shift hemm biss tmien suldati assenjati meta dawn il-laneċ ma jistgħux jitħaddmu b'anqas minn seba' suldati u għalhekk kull darba li xi wieħed minnhom ikun kors, training jew fuq xi impenn ieħor l-ebda wieħed mis-suldati l-oħra ma jista' jieħu leave? Jaf il-Ministru li dan prattikament qed jagħmilha diffiċli immens li dawn is-suldati jieħdu l-leave tagħhom?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lil-Onor. Interpellant illi l-ebda suldat membru fil-FAM, inkluż dawk irreferuti għalihom li jaħdmu ġewwa Għawdex, ma ġie micħud id-dritt tagħhom tal-leave. Dan dejjem jingħata lilhom meta jitolbu ħlief jekk l-esiġenzi tas-servizz ma jkunux jippermettu. Meta dan ikun il-każ l-individwu jingħata ċ-ċans li jieħu l-leave tiegħu mal-eqreb opportunità.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9365 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kienu t-tipi ta’ reati kriminali rrapurtati lill-pulizija fis-sena 2017 u fis-sena 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9371 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet irreferuta lilu u jgħid kemm hemm priġunieri fit-Taqsima Forensika ta’ Ħ’Attard u x’inhi l-ispiża ta’ kull sena relatata ma’ dan is-servizz f’dan il-post?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Korp tal-Pulizija – rapport dwar vandaliżmu fuq proprjetajiet f’San Ġiljan
Question
Jista' l-Ministru jgħid, kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar vandaliżmu fuq proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta' San Ġiljan sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq f'San Ġiljan seħħew l-atti ta' vandaliżmu li ġew irrapurtati lill-Pulizija u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, ir-rapporti li ġew reġistrati dwar vandaliżmu taħt il-kategorija ta’ Ħsara Volontarja (Wilful damage), jew bħala Arson, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2019 fuq proprjetajiet fil-lokalità ta' San Ġiljan kienu kif jidher fit-tabellali qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll it-toroq fejn dawn seħħew. Ir-rapporti jinkludu kull rapport li sar iżda informazzjoni dwar jekk il-proprjetà involuta kienetx pubblika jew privata kif ukoll dettalji dwar jekk persuni tressqux il-Qorti, ma tinżammx taħt forma ta’ statistika.
Korp tal-Pulizija – rapport dwar vandaliżmu fuq proprjetajiet fil-Gżira
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar vandaliżmu fuq proprjetà pubblika u privata fil-lokalità tal-Gżira, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq fil-Gżira seħħew l-atti ta' vandaliżmu li ġew irrapurtati lill-Pulizija u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, ir-rapporti li ġew reġistrati dwar vandaliżmu taħt il-kategorija ta’ Ħsara Volontarja (Wilful damage), jew bħala Arson, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2019 fuq proprjetajiet fil-lokalità tal-Gżira kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll it-toroq fejn dawn seħħew. Ir-rapporti jinkludu kull rapport li sar iżda informazzjoni dwar jekk il-proprjetà involuta kienetx pubblika jew privata kif ukoll dettalji dwar jekk persuni tressqux il-Qorti, ma tinżammx taħt forma ta’ statistika.
Korp tal-Pulizija – rapport dwar vandaliżmu fuq proprjetajiet f’Pembroke
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar vandaliżmu fuq proprjetà pubblika u privata fil-lokalità ta' Pembroke, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq f'Pembroke seħħew l-atti ta' vandaliżmu li ġew irrapurtati lill-Pulizija u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, ir-rapporti li ġew reġistrati dwar vandaliżmu taħt il-kategorija ta’ Ħsara Volontarja (Wilful damage), jew bħala Arson, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2019 fuq proprjetajiet f’Pembroke kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll it-toroq fejn dawn seħħew. Ir-rapporti jinkludu kull rapport li sar iżda informazzjoni dwar jekk il-proprjetà involuta kienetx pubblika jew privata kif ukoll dettalji dwar jekk persuni tressqux il-Qorti, ma tinżamx taħt forma ta’ statistika.
Korp tal-Pulizija – rapport dwar vandaliżmu fuq proprjetajiet f’Baħar iċ-Ċagħaq
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċieva l-Korp tal-Pulizija dwar vandaliżmu fuq proprjetà pubblika u privata f'Baħar iċ-Ċagħaq fil-limiti tal-lokalità tan-Naxxar, sena b'sena mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid f'liema toroq f'Baħar iċ-Ċagħaq seħħew l-atti ta' vandaliżmu li ġew irrapurtati lill-Pulizija u jgħid ukoll jekk kienx hemm persuni li tressqu l-Qorti b'rabta ma' dawn il-każijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija, ir-rapporti li ġew reġistrati dwar vandaliżmu taħt il-kategorija ta’ Ħsara Volontarja (Wilful damage), jew bħala Arson, mis-sena 2013 sal-aħħar ta’ Jannar 2019 fuq proprjetajiet fin-Naxxar li tinkludi f’Baħar iċ-Ċagħaq, kienu kif jidher fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, li tinkludi wkoll dettalji tat-toroq fejn dawn seħħew. Ir-rapporti jinkludu kull rapport li sar iżda informazzjoni dwar jekk il-proprjetà involuta kienetx pubblika jew privata kif ukoll dettalji dwar jekk persuni tressqux il-Qorti, ma tinżammx taħt forma ta’ statistika.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġiet akkużata fil-Qorti li b'xi mezz ikkaġunat l-abort ta' mara tqila sena b'sena, mis-sena 2000 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jagħti l-età, is-sess u n-nazzjonalità tal-persuni li ġew akkużati, kemm-il persuna nstabet ħatja u x'kienet il-piena li ngħatat mill-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infumat li bejn is-sena 2000 u l-aħħar Frar 2019 kien hemm żewġ każi fejn persuni ġew akkużati fil-Qorti li b'xi mezz ikkaġunaw l-abort ta' nisa tqal. L-ewwel każ kien fis-sena 2014 fejn persuna barranija, femminili ta’ 35 sena ġiet akkużata b’dan ir-reat u weħlet tmintax-il xahar ħabs sospiżi għal tliet snin. It-tieni każ kien fis-sena 2017 fejn persuna barranija, maskili ta’ 26 sena kien tressaq il-Qorti fuq reat simili. Il-każ għadu sub judice. Ma’ din il-persuna kien hemm suspettat ieħor barrani, li sal-lum għadu mfittex u huwa suġġett ta’ mandat ta’ arrest internazzjonali.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ġew rappurtati delitti ġewwa l-Għassa ta’ Wied il-Għajn tul is-sena 2018 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalità ta’ Marsaskala u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija jammonta għal tliet mija u wieħed u erbgħin (341). Minn dawn mija u tnax (112) kienu każijiet ta’ serq.
Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra kemm ġew rappurtati delitti ġewwa l-Għassa tal-Birgu tul is-sena 2018 u kemm minnhom kienu dawk ta’ serq?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ delitti (crime reports) li seħħew fil-lokalità tal-Birgu u li ġew reġistrati fis-sistema kompjuterizzata tal-Pulizija jammonta għal disgħa u tmenin (89). Minn dawn tletin (30) kienu każijiet ta’ serq.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9310, jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport ta' serq sar fil-Mosta f’dawn l-aħħar xahrejn (Jannar u Frar 2019)?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ serqiet rapportati lill-Pulizija u li seħħew fil-lokalità tal-Mosta matul l-ewwel xahrejn tas-sena 2019 juri tnaqqis fuq dak irrappurtat fis-snin ta’ qabel u huwa ta’ tnejn u għoxrin (22).