Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ċittadinanza Maltija - Att tat-twelid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm notifikazzjonijiet (local & foreign notification section) quddiem id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ joħroġilhom att tat-twelid wara li jkunu kisbu ċ-ċittadinanza Maltija? Jista’ jgħid ukoll kemm idum il-proċess sabiex jinħareġ l-att tat-twelid?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li reġistrazzjoni ta' att tat-twelid skont Artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), tkun dwar persuni Maltin li twieldu barra l-pajjiż. Għalhekk d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ma jżomm ma jagħmel l-ebda distinzjoni bejn persuni li diġà jkunu, jew li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija, meta jipproċessa reġistrazzjoni ta' Atti tat-Twelid. F’dawk il-każijiet fejn l-applikanti jissottomettu ċertifikat tat-twelid għar-reġistrazzjoni skont l-Artikolu 244 tal-Kodiċi Ċivili (Kap. 16 tal-Liġijiet ta’ Malta), dawn normalment jiġu pproċessati fi żmien ta’ sitt sa tmien ġimgħat mid-data li fiha tintlaqa’ l-applikazzjoni. Dan il-perjodu ta’ proċessar jista’ jiġi estiż f’ċirkustanzi fejn is-Sezzjoni teħtieġ konferma ulterjuri fuq id-dokumenti sottomessi, inkluż li tivverifika l-awtentiċità taċ-ċertifikat tat-twelid ippreżentat. Minkejja dan kollu, infurmat li dawk l-applikazzjonijiet għal reġistrazzjoni ta’ ċertifikati tat-twelid li jkunu meqjusa bħala urġenti, b’mod partikolari meta jkunu involuti konsiderazzjonijiet mediċi, jingħataw prijorità assoluta u jiġu finalizzati fi ftit jiem.

Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Medja tal-Kamra r-rapport annwali tal-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni għas-snin 2023 u 2024?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r- rapporti annwali mill-Aġenzija għas-Servizzi ta’ Detenzjoni għas-snin 2023 u 2024 qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra.

Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li kif twieġeb  f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Bridging the Gap Scheme – Persuni li aċċettaw li jieħdu sehem

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29230, jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew identifikati minn Jobsplus matul l-2025 sabiex ikunu jistgħu jingħataw is-sapport skont l-iskema ‘Bridging the Gap’? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-persuni hekk identifikati, fil-fatt aċċettaw li jieħdu sehem f’din l-iskema?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Diċembru 2025, wieħed u għoxrin (21) persuna ġew identifikati u aċċettaw li jieħdu sehem f’din l-iskema. L-iskema tal-Bridging the Gap tiġi offrutha lil kull persuna b’diżabilità jew vulnerabbli li għandha bżonn esperjenza ta’ xogħol.

Bridging the Gap Scheme - Persuni li qed jibbenefikaw

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 29228 u 29229 jista’ l-Ministru jgħid kif inbidlu n-numri ta’ persuni li bbenefikaw mill-‘Bridging the Gap Scheme’, matul l-2025? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-benefiċċji maħsuba f’din l-iskema jiġu estiżi għal persuni oħra jew għal persuni b’kundizzjonijiet oħra?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Diċembru 2025 wieħed u għoxrin (21) persuna ibbenefikaw minn din l-iskema matul is-sena. Din l-iskema hi miftuħa għal persuni b’diżabilità jew vulnerabbli biss. Persuni oħra jistgħu jibbenefikaw minn skemi simili oħra offruti minn Jobsplus.

Suldati Għawdxin jaħdmu Malta - Talba għal trasferiment biex jaħdmu Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm suldati Għawdxin li jaħdmu Malta fil-lista biex jaħdmu f’Għawdex?  Jista’ jgħid ukoll kemm-il sena kull wieħed u waħda minnhom ilhom jaħdmu Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li l-ammont ta’ suldati residenti f’Għawdex li jservu f’Malta hija kif qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Jien infurmat ukoll li l-esperjenza turi li mhux is-suldati Għawdxin kollha jkunu interessati li jitilgħu jservu Għawdex, filwaqt li fejn dan l-interess ikun hemm, l-opportunità li wieħed iservi f’Għawdex tingħata skont opportunitajiet diversi u l-esiġenżi tas-servizz.

Donazzjoni ta’ katavru - Studji xjentifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32516 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva u jgħid kemm kien hemm katavri li ngħataw għall-istudji xjentifiċi matul l-2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jressaq din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Persuni li tneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni tneħħielhom l-istatus ta’ refuġjat matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, matul is-sena 2025, 340 persuna kellhom l-istatus ta’ refuġjat tagħhom revokat. Minn dawn, 335 ġew revokati fuq il-bażi li l-protezzjonii tagħhom kienet skadiet skont ir-regolament 13A tar-Regolamenti dwar l-Istandards ta’ Proċedura għall-Għoti u l-Irtirar tal-Protezzjoni Internazzjonali.

Vjolenza Domestika – Rapporti – Sena 2025

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ kemm ġew irrappurtati każijiet ta’ vjolenza domestika matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li t-tagħrif huwa kif qed jitpoġġa fuq il-mejda tal-kamra. Il-vjolenza domestika hija pjaga fis-soċjetà li rridu nibqgħu niġġielduha ta’ kuljum bħala soċjetà lkoll flimkien. Huwa għalhekk li hemm għaddejjin inizjattivi minn entitajiet differenti fi ħdan il-Gvern. Li hu żgur li rridu nibqgħu noħolqu l-kuxjenza u l-ambjent fejn wieħed ma jiddejjaqx jersaq ‘il quddiem u jirrapporta. Kien għalhekk li fl-2020 għall-ewwel darba l-Korp tal-Pulizija ħatar skwadra speċjalizzata, il-Gender Based and Domestic Violence, biex jagħti servizz aħjar u aktar speċjalizzat lil vittmi ta' vjolenza domestika. Dan hu servizz mutli dixxiplinarju li ma jinkludix biss lill-pulizija, iżda wkoll professjonisti oħra. Dan wassal biex infetħu hub f’Santa Luċija u ieħor f’Għawdex biex jingħata dan is-servizz speċjalizzat. Issa lestejna x-xogħol ukoll fl-Imtarfa, fejn se jinfetaħ hub ieħor u jibda jopera f'dawn il-jiem. Fost inizjattivi oħra minn dan il-Ministeru, is-sena li għaddiet  beda jingħata wkoll servizz ta' panic alarms u komplejna nsaħħu s-servizzi li jingħataw mill-Victim Support Agency.

Sptar Mount Carmel – priġunieri li jużaw is-servizz ta’ Psychiatric In-Reach Services

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li qegħdin jiggwadanjaw mis-servizz ta’ Psychiatric In-Reach Services? Kemm kien hemm priġunieri li kellhom jiġu rriferuti għall-kura ġewwa l-Forensic Unit tal-Isptar Mount Carmel?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li sal-aħħar tas-sena 2025, 234 priġunier kienu qed jiġu segwiti minn psikjatra fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Matul l-istess perjodu, kien hemm 202 ċirkostanza fejn priġunieri kellhom bżonn jiġu riferuti għall-kura fil-Forensic Unit, li minnhom 173 kienu fil-sezzjoni tal-irġiel u 29 fis-sezzjoni tan-nisa. Dan in-numru jinkludi priġunieri li ġew riferuti aktar minn darba.

Persuni l-ħabs - nuqqas ta’ ħlas ta’ manteniment

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm-il persuna weħlet il-ħabs għax ma żammitx mal-obbligazzjonijiet tagħha li tħallas il-manteniment fis-sena 2025 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li, sa l-aħħar tas-sena 2025, kien hemm 11-il persuna li matul l-2025 daħlet il-ħabs dwar manteniment.

Każijiet ta' bullying u cyber bullying

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ bullying u ta' cyber bullying f’dawn l-aħħar tliet snin, maqsuma sena b’sena u x’kienu l-etajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każi huma kif qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat li dawn it-tip ta’ każi ssibhom rapportati taħt forom diversi skont kif jirriżulta mill-Kodiċi Kriminali, kien kif jidher fit-tabella ma’ din it-tweġiba. Dwar cyber bullying , infurmat illi fis-sistema tal-Pulizija kategorija speċifika ta’ dan ir-reat ġiet miżjuda wara li fil-5 ta’ Awissu 2025 ġew introdotti provedimenti ġodda tal-liġi fil-Kodiċi Kriminali Kap 9, u ċioe l-Artiklu 251BC.

Każijiet ta’ omiċidiji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31216, jista’ l-Ministru jipprovdi informazzjoni aġġornata dwar kemm omiċidji twettqu u ġew solvuti fl-aħħar 25 sena?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat illi kif indikat fit-tabella, n-numru ta’ każi ta’ omiċidji li ġew irreġistrati mal-Pulizija bejn is-sena 2000 u l-aħħar ta’ Diċembru tas-sena 2025 kienu skont it-tabella hawn taħt. Kif jidher fit-tabella l-omiċidji kollha fl-aħħar tmien snin kollha ġew solvuti. Każijiet ta’ Omiċidju – Mis-sena 2000 sas-sena 2025 Numru ta’ każi Status Sena Solvuti Mhux solvuti 2000 4 4 0 2001 7 6 1 2002 6 5 1 2003 0 0 0 2004 7 7 0 2005 4 4 0 2006 0 0 0 2007 4 3 1 2008 7 4 3 2009 4 3 1 2010 4 3 1 2011 3 3 0 2012 10 7 3 2013 6 4 2 2014 6 2 4 2015 4 2 2 2016 5 3 2 2017 9 5 4 2018 6 6 0 2019 3 3 0 2020 6 6 0 2021 2 2 0 2022 8 8 0 2023 3 3 0 2024 5 5 0 2025 3 3 0

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Offender Assessment Board

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew diskussi u ppreparati rapporti mill-Offender Assessment Board ai termini tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fis-sena 2025 ġew diskussi u preparati rapporti mill-Offender Assessment Board ai termini tal-Att dwar Ġustizzja Riparatriċi mat-tlieta u ħamsin (53) rapport.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Parole Dossiers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreparati Parole Dossiers ai termini tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi matul is-sena 2025?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li fis-sena 2025 ġew preparati u cioe’ saħansitra deċizi mill-Bord tal-Parole ħamsin (50) Parole Dossiers.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi – Bord tal-Parole - Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali mill-Bord tal-Parole għall-2025 għaddiex għandu skont is-subartikolu (3) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2025 ser jiġi preżentat fi żmien li ġej.

Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi - Bord tal-Parole – Rapport annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rapport annwali mill-Bord tal-Parole għall-2025 ġiex ippreżentat skont is-subartikolu (4) tal-artikolu 9 tal-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninsab infurmat li r-rapport annwali għas-sena 2025 ser jiġi preżentat fi żmien li ġej.

LESA - Tqegħid ta’ cameras

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il camera twaħħlet mil-LESA madwar Malta u Għawdex matul l-aħħar sena, kemm twaħħlu f’kull lokalità, u fejn twaħħlu? Jista’ jgħid ukoll ma’ min saret il-konsultazzjoni għal dak li jikkonċerna t-tqegħid ta’ dawn l-istess cameras, x’ser ikun l-użu ta’ dawn il-cameras, u min ser ikollu l-kontroll tal-filmati li ser ikunu qegħdin jinġibdu?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif imħabbar fil-Budget l-Aġenzija LESA qed tinvesti fi proġetti teknoloġiċi, inkluż bl-użu ta’ cameras imqabbdin mal-control room tal-aġenzija u l-Korp tal-Pulizija, sabiex iservu mhux biss ta’ deterrent iżda wkoll ta’ azzjoni kontra l-abbuż u l-azzjonijiet kriminali. Infurmat li matul is-sena li għaddiet, kif ukoll fil-bidu ta’ din is-sena, l-Aġenzija LESA installat 46 kamera ġewwa San Ġiljan u 31 kamera f’San Pawl il-Bahar. F’din il-lokalità, ix-xogħol għadu għaddej skont il-programm stabbilit mill-Aġenzija, u huwa mistenni li jitwaħħlu madwar 50 kamera oħra f’20 żona oħra. Ninsab infurmat ukoll li s-siti u ż-żoni fejn ġew installati l-kameras intgħażlu wara ricerka u analiżi li permezz tagħhom ġew identifikati l-aktar żoni sensittivi għall-kriminalit, u saret anke konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali rispettivi, mal-Pulizija fosthom tad-Distrett u tal-Komunità. Dawn il-kameras huma intiżi kemm biex iservu bħala deterrent kif ukoll biex jassistu lill-Pulizija fi kwalunkwe investigazzjoni relatata. Infakkar lill-Onor. Interpellant li Malta tpoġġiet ukoll mal-iktar 12-il pajjiż sigur fid-dinja fil-World Justice Project Rule of Law Index. Dan għaliex ittieħdu diversi miżuri ta’ prevenzjoni u preżenza kontinwa fil-komunitajiet. Dan ma jfissirx li nistgħu nistrieħu fuq il-ħidma li saret, anke għaliex illum jeżistu realtajiet ġodda li rridu nindirizzaw bi strateġiji ċari fuq quddiem nett dawk ta’ prevenzjoni.