Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport — kollaborazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’tip ta’ kollaborazzjoni hemm bejn l-Aġenzija Sapport u l-grupp SPERO? Fejn qed jitlaqqgħu l-membri ta’ dan il-grupp, u x’taħriġ qed jingħataw? Kemm hemm persuni li jagħtu taħriġ u kif jintgħażlu dawk li jingħataw it-taħriġ? Tista’ l-Ministru tagħti dwar kif inhu aċċessibbli l-post li fih qed isir it-taħriġ preżentement?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport toffri servizz lil persuni li għandhom nuqqas ta’ vista permezz ta’ servizz ta’ matul il-jum li huwa outsourced minn SPERO. Il-persuni li jagħmlu użu mis-servizz jiltaqgħu fil-faċilitajiet tal-koperattiva li l-Aġenzija Sapport għandha l-kuntratt magħha għall-provediment ta’ dan is-servizz. It-taħriġ jinkludi programmi dwar ħiliet relatati mal-ħajja indipendenti, ħiliet relatati mat-teknoloġija tal-informatika u l-użu tal-Braille, ħiliet artistiċi u wkoll programmi soċjali. Bħalissa fi ħdan il-kumpanija hemm 6 ħaddiema li jagħtu t-taħriġ u minn żmien għal żmien jiġu mistiedna professjonisti li joffru taħriġ ieħor varjat. Il-persuni li jattendu SPERO kollha jipparteċipaw fi programmi u taħriġ skont il-bżonnijiet partikolari tagħhom. Il-post kurrenti fejn qiegħed jiġi provdut dan is-servizz huwa aċċessibbli permezz ta’ taraġ u lift.

Segretarjat Privat tal-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — karozzi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il karozza hemm fis-Segretarjat Privat tagħha u x’inhi l-għamla tagħhom? Tista' tgħid jekk inħarġitx tender għall-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha? Jekk ma nħarġet l-ebda tender, tista' tgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha; jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozzi tas-Segretarjat Privat tagħha u mingħand min?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-Segretarjat tal-Ministru ma jagħmlux użu minn vetturi mikrija, għaldaqstant m’hemm l-ebda informazzjoni x’tingħata f’dan ir-rigward.

Aġenzija Sapport — lista ta’ stennija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qiegħed isir sabiex il-lista ta’ stennija fil-każijiet ta’ servizzi ta’ Ċentri ta’ Matul il-Jum, is-Servizz ta’ Ħidma Soċjali kif ukoll l-Access Communication Technology Unit (ACTU) jiġu mnaqqsa drastikament?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija qed taħdem biex timxi mal-prinċipji tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, u għalhekk fejn jidħlu servizzi taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, kif ukoll djar residenzjali, timxi fuq il-konċett ta’ de-istituzzjonalizzazzjoni. Dan jimxi pari passu ma’ “general comment number 5” li jitkellem dwar l-importanza li persuni b’diżabilità mhux biss jgħixu fil-komunità iżda jkunu parti integrali mill-komunità. Huwa għalhekk li l-Aġenzija qed taħdem biex il-programmi offruti fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum jindirizzaw tagħlim u ħiliet li għandhom bżonn persuni b’diżabilità biex jgħixu ħajja aktar indipendenti. Fejn hemm lok, naraw ukoll li jidħlu fid-dinja tax-xogħol, anke permezz tal-programm Way to Work li tħaddem l-istess Aġenzija u b’aktar kollaborazzjoni ma’ Lino Spiteri Foundation. Fejn jidħlu ħaddiema soċjali li jridu jaħdmu fis-settur tad-diżabilità, skont l-interess tagħhom, l-Aġenzija qed tara li kemm hu possibbli żżid dawn il-ħaddiema fi ħdanha. Fl-istess ħin tagħmel mezz li l-ħaddiema soċjali jagħmlu xogħol relatat biss mal-ħidma soċjali. Għar-rigward tal-ACTU l-Aġenzija qed taħdem flimkien ma’ entitajiet governattivi fosthom il-P&SD biex il-professjonisti li jaħdmu f’din it-taqsima u lil hinn minnha fl-Aġenzija jkollhom paga u grad indaqs mal-kollegi tagħhom fl-Allied Health. Fl-aħħar tmien xhur l-Aġenzija Sapport ħarġet ukoll tliet sejħiet għal professjonisti. Fl-ewwel żewġ sejħiet ma kien hemm l-ebda applikazzjoni. Fl-aħħar sejħa applikaw u ġew magħżula żewġ Occupational Therapists li ser jibdew jaħdmu u jieħdu t-taħriġ speċifiku fuq l-assessjar tal-communication aids biex fi żmien sitt xhur ikunu jistgħu jingħaqdu mal-erba’ professjonisti l-oħra u għalhekk tkompli tiġi indirizzata l-lista ta’ stennija.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — paġni, profili u gruppi fuq Facebook

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-paġni, profili u gruppi fuq Facebook amministrati mill-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u mill-entitajiet kollha li jaqgħu taħtha jew minn persuni oħrajn jew kumpaniji f'isem il-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur u f'isem l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Tista' tagħti l-isem tal-imsemmija paġni, profili u gruppi u tindika għal kull wieħed minnhom il-Uniform Resource Locator (URL) tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi – arbitri u każijiet deċiżi

Question

B’referenza għall-Avviż Legali Nru 15 tal-2023, tista’ l-Ministru tgħid jekk ir-rimunerazzjoni lill-arbitru ta’ ħlas ta’ €150 għal kull każ hijiex irrispettivament min-numru ta’ seduti li jsiru f’kull każ? Tista’ l-Ministru tgħid kemm attwalment hemm arbitri fir-rigward tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi, u f’kull każ meta tiġi fi tmien il-ħatra ta’ kull wieħed minnhom? Tista’ tgħid ukoll tul l-2022 kemm ġew deċiżi każijiet mit-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi u f’kemm minn dawn il-każijiet ġew ukoll mogħtija danni morali a tenur tal-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur, Kap. 378?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas ta’ €150 għal kull każ huwa irrispettivament min-numru ta’ seduti li jsiru mill-Arbitri. L-Avviż Legali 15 tal-2023 huwa ċar f’dan ir-rigward fejn jgħid li din ir-rata tapplika għal kull każ, kemm jekk deċiż, ċedut jew irtirat u ma hemmx referenza għan-numru ta’ seduti. Rigward l-informazzjoni mitluba fuq l-Arbitri tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi, ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm sitt arbitri u hawn taħt hawn id-dettalji mitluba, inkluż it-tmiem tal-ħatra ta’ kull arbitru: · Dr. Martha Mifsud - 10 ta’ Mejju 2023 · Dr. Michela Spiteri - 16 ta’ Ġunju 2023 · Dr. Mattia Felice - 5 ta’ Settembru 2024 · Dr. Charmaine Cherrett - 11 ta’ Diċembru 2025 · Dr. Deborah Schembri - 11 ta’ Diċembru 2025 · Dr. Richard Sladden - 22 ta’ Jannar 2026 Bħala risposta għall-aħħar mistoqsija, ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2022 ġew deċiżi ħamsa u sebgħin (75) każ u ma kien hemm l-ebda każ fejn ġew mogħtija danni morali a tenur l-artikolu 21 tal-Att dwar l-Affarijiet tal-Konsumatur.

Persuni eleġibbli għall-Blue Badge

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom jiġi deċiż jekk persuna hijiex eleġibbli għall-Blue Badge? Tista' tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn il-kriterji?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi għall-Att 560 tal-2017, artikolu 13, fejn wieħed jista’ jsib il-kriteriji tal-eleġibilità biex wieħed ikun jista’ japplika għall-Blue Badge.

Bord tal-Appell għall-blue sticker – persuni li ma jkunux eleġibbli għall-Blue Badge

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’inhu l-metodu li bih il-Bord tal-Appell għall-blue sticker jevalwa l-appelli li jirċievi wara li persuna tkun ġiet informata li mhijiex eleġibbli għall-Blue Badge?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Bord tal-Appelli tal-Blue Badge huwa bord awtonomu taħt is-CRPD bħala regolatur. Huwa maħtur skont dak li jipprovdi l-artikolu 10 tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta. Il-metodu addottat minn dan il-bord huwa dak li ġej; Persuna illi ġiet infurmata li mhijiex eliġibbli għall-Blue Badge u li tippreżenta appell skont ma hu pprovdut fis-subartikolu 9(3) tal-Att biex jipprovdi għal Konċessjonijiet ta’ Parkeġġjar għal Persuni b’Diżabilità, Kap. 560 tal-Liġijiet ta’ Malta, tiġi mistiedna sabiex tressaq il-każ tagħha quddiem il-bord u biex tippreżenta l-informazzjoni kollha illi hi tħoss illi tista’ ssostni l-każ tagħha. Minbarra illi l-bord ikollu fil-pussess tiegħu il-fajl tal-persuna, li jinkludi l-informazzjoni ppreżentata mill-persuna fl-applikazzjoni oriġinali, hija tingħata l-opportunità illi tressaq l-informazzjoni (inkluż dokumentazzjoni) kollha li għandha (anke dik illi kisbet wara li ġiet evalwata fl-ewwel istanza) sabiex tagħmel il-każ tagħha u tispjega għalfejn fl-opinjoni tagħha hi għandha tingħata l-Blue Badge. F’każ illi l-persuna tiddikjara illi għandha informazzjoni illi iżda ma tkunx ġabitha magħha, tingħata l-opportunità illi tippreżentaha f’seduta oħra u d-deċiżjoni tal-bord tiġi posposta għal dik is-seduta. Ġaladarba l-bord ikollu l-informazzjoni kollha, il-persuna tkun ressqet il-każ tagħha u tkun wieġbet għall-mistoqsijiet li jistgħu jsiru mill-membri tal-bord, il-persuna tiġi mistiedna tħalli l-kamra. Il-bord imbagħad jiddiskuti internament il-każ u tittieħed deċiżjoni. Is-Segretarju tal-bord iħejji l-ittra li għandha tintbagħat bid-deċiżjoni tal-bord, din tiġi ffirmata miċ-Ċerpersin tal-bord u tintbagħt bil-posta lill-persuna li tkun ressqet l-appell.

MCCAA – passi kontra l-abbuż fil-prezzijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ħadet jew ser tieħu l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) biex jitwaqqfu abbużi fejn kummerċjanti jew negozji qed jgħollu l-prezzijiet tal-ikel u prodotti oħrajn u li allura qegħdin jikkawżaw biex ħafna prodotti tal-ikel jogħlew?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li taħt il-liġijiet li tamministra l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur, abbuż fil-prezzijiet jirriżulta biss meta ż-żieda fil-prezzijiet ikun riżultat ta’ ftehim antikompettitiv bejn in-negozji, fejn żewġ kumpaniji jew aktar jiftiehmu biex jgħollu l-prezzijiet jew meta ż-żieda ssir minn kumpanija li qiegħda f’pożizzjoni dominanti u din tabbuża minn dik il-pożizzjoni fejn timponi prezzijiet li jitqiesu eċċessivi. Mill-monitoraġġ tal-prezzijiet fis-suq ta’ numru ta’ prodotti tal-ikel li tagħmel l-Awtorità, ma hemmx indikazzjoni ta’ ksur potenzjali tal-liġi, f’dan ir-rigward.

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur – medja ta' każijiet li jinstemgħu minn arbitru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-medja ta’ każijiet li kull arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ fis-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Arbitru tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumatur jisma’ medja ta’ 95 każ fis-sena. Din il-medja hija bbażata fuq is-sena 2022.

Healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabilitajiet komuni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq diżabiltajiet komuni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport hija Aġenzija speċjalizzata fuq il-qasam soċjali tal-persuni b'diżabilità u għalhekk tħaddem numru ta’ Occupational u Speech Therapists. Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat dwar dak li għandu x’jaqsam mal-aspett mediku.

Healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm healthcare professionals speċjalizzati fuq acquired disabilities bħall-kundizzjonijiet tal-Fibromyalgia, Parkinson's u ALS fost oħrajn?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5256.

Direttiva (EU) 2020/1828

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex waslet il-ħidma dwar it-traspożizzjoni tad-Direttiva (EU) 2020/1828 li suppost kellha tiġi trasposta fil-Liġi Maltija sal-aħħar tas-sena 2022?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Abbozz ta’ Liġi rigward it-traspożizzjoni tad-Direttiva (EU) 2020/1828 għandha titressaq quddiem il-Parlament fiż-żmien qarib.

Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — karozza uffiċjali u s-second car tagħha

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-għamla tal-karozza uffiċjali kif ukoll tas-second car tagħha? Tista' tgħid jekk inħarġitx tender għall-għażla tal-karozzi uffiċjali li tuża hi u min rebaħ dan it-tender? Jekk ma nħareġ l-ebda tender, tista' tgħid: a) mingħand min inxtraw u kemm ġew jiswew il-karozza uffiċjali u s-second car tagħha; u/jew b) kemm qed jinkrew kuljum il-karozza uffiċjali u s-second car tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għamla tal-karozza uffiċjali hija Mercedes E Class. Dan il-kuntratt li kien inbeda fl-2017 ġie estiż b’sena f’Settembru li għadda sakemm isiru l-arranġamenti neċessarji biex tkun tista’ tinkera vettura elettrika. Il-vettura hija leased mingħand Burmarrad Commercials għall-prezz ta’ €28 kuljum. Il-kumpanija kienet intgħażlet abbażi tal-orħos offerta wara li kienu nġiebu numru ta’ kwotazzjonijiet. Il-Ministru ma tagħmilx użu mis-second car u għaldaqstant m’hemm l-ebda informazzjoni x’tingħata f’dan ir-rigward.

ACTU — Impjegati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5942, tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pjan biex jiġu ngaġġati iktar ħaddiema sabiex it-Taqsima tal-Aċċess għall-Komunikazzjoni u t-Teknoloġija (ACTU) jkollha l-full complement?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa interess ta’ Aġenzija Sapport li din it-taqsima jkollha fi ħdanha n-numru ta’ professjonisti (Occupational Therapists u Speech and Language Therapists) adegwati biex tintlaħaq id-domanda tal-assessjar. Fl-aħħar xhur saret ħidma biex jiġu attirati iżjed professjonisti lejn l-ACTU, kif ukoll saret ħidma biex jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-pakkett finanzjarju ta’ dawn il-professjonisti. Issir ħidma kontinwa wkoll ma’ studenti li jkunu qed jistudjaw għal Speech Therapists u anke Occupational Therapists, biex jiżdied l-interess b’mod speċifiku f’dan il-qasam tal-aċċess għall-komunikazzjoni u t-teknoloġija assistiva. L-ingaġġ ta’ iżjed terapisti jiddependi minn kemm jiggradwaw terapisti u kemm minnhom ikunu interessati li jaħdmu f’dan il-qasam speċifiku.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — ħaddiema b’diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati b'diżabilità fil-Ministeru tagħha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-terminu ‘persuna b’diżabilità’ huwa wieħed vast u mhux limitat għall-diżabilità fiżika biss. Għal fini ta’ protezzjoni tad-data personali tali informazzjoni ma tistax tiġi provduta.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — ħaddiema taċ-Ċivil - vacation Leave

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru tagħha għad għandhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 21 ħaddiem taċ-Ċivil fil-Ministeru li kien fadlilhom vacation leave mhux użat fi tmiem id-data tal-vacation leave.

Naxxar – Disability Hub – allokazzjoni ta’ fondi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif inhu ppjanat li jintefqu t-€300,000 allokati għad-Disability Hub fin-Naxxar għal din is-sena?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 3655, l-ammont hu disponibbli għal bdil fid-disinn u l-kunċett tal-proġett li, fost affarijiet oħrajn, irid jirrispetta l-obbligi tal-Konvenzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.

Parkeġġi tad-diżabilità personalizzat

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3329, li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiiet tat-Tfal u li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid, raħal b'raħal, kemm hawn parkeġġi tad-diżabilità personalizzati u dak li hu communal disabled parking?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – impjegati ġodda f’awtoritajiet u entitajiet

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont ta' kemm ġew impjegati persuni ġodda fl-awtoritajiet u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha minn Marzu 2022 sal-lum, f'liema awtorità/entità ġew ingaġġati u mil-liema lokalitajiet huma dawn il-ħaddiema?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.