Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sezzjoni tal-Aerodrome Standards

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat illi s-sezzjoni tal-Aerodrome Standards tiġi amalgamata ma' dik tal-Air Navigation Servces?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi huwa ppjanat illi minħabba li f’Malta hawn ajruport wieħed, litteralment żgħir, is-sezzjonijiet tal-Aerodrome Standards u tal-Air Navigation Services se jkunu amalgamati fil-futur.

Ajruport Internazzjonali ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jirregola l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta jew jieħu ħsieb l-infrastruttura tal-fire section kwantu jirrigwarda l-infrastruttura tal-aerodrome stante l-fatt illi s-sezzjoni tal-aerodrone standards mhijix operabbli peress illi hija sprovista min-nies?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li d-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili għandu sezzjonijiet tekniċi oħrajn minbarra l-Aerodrome Standardisation Unit (ASU) u għalkemm persuna mill-istaff tal-ASU qiegħdha fuq leave ta' qabel l-irtirar mix-xogħol u l-persuna l-oħra irriżenjat mill-impjieg tagħha b'mod immedjat u mingħajr notifika xi ġranet ilu, d-Direttorat regolarment jagħmel spezzjonijiet u awditjar kemm tal-Malta International Airport u anke tat-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-Ajruport. Mill-verifiki li saru, sal-lum dawn iż-żewġ operaturi qegħdin jissodisfaw l-obbligazzjonijiet tagħhom. Ta' min wieħed isemmi wkoll, illi xi ġimgħat ilu d-Direttorat impjega persuna oħra fl-ASU u għalkemm qiegħdha tieħu t-taħriġ meħtieġ, din il-persuna għandha l-esperjenza f'dan il-qasam. Persuna oħra qiegħdha tiġi mpjegata bħala Assistent Kap waqt li persuna oħra ġiet impjegata biex tibda xogħol f’din is-sezzjoni fil-ġranet li ġejjin. Qegħdin isiru wkoll arranġamenti ma’ organizzazzjonijiet ta’ taħriġ barra minn Malta biex isiru korsijiet speċifiċi biex jiċċertifikaw persuni tad-direttorat biex ikunu jistgħu jirregolaw dawn l-operaturi.

Ċitazzjonijiet maħruġa minn cameras

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet tas-7, 11 u t-12-il distrett elettorali hemm cameras fissi li jistgħu jagħtu ċ-ċitazzjonijiet u meta ġew approvati tali cameras?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fl-arkivji ta’ Transport Malta, rriżulta li fis-7 distrett elettorali hemm speed camera fissa fi Triq l-Imdina Ħaż-Żebbuġ li ġiet approvata fl-1 ta’ Novembru 2005, fil-11-il distrett elettorali hemm speed camera fissa fi Triq Nutar Żarb Ħ’Attard li ġiet approvata fit-13 t’April 2006, u fit-12-il distrett elettorali hemm speed camera fissa fi Triq Burmarrad San Pawl il-Baħar li ġiet approvata fit-2 ta’ Frar 2006.

Mosta — Wied il-Għasel - żieda maċ-ċnut

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36321 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu d-deċiżjoni sabiex isir ix-xogħol li jwassal sabiex ċnut fuq il-postijiet li jaqsmu Wied il-Għasel tiżdidilhom filata ma' dak li hemm fil-preżent, peress li l-punt li jaqsam Wied il-Għażel f'Triq il-Kostituzzjoni illum jitqies periklu u huwa baxx ħafna, filwaqt li l-pont il-Kbir li jaqsam Wied il-Għasel li hemm f'tarf Triq il-Fortizza jkun utli li dan tiżdidlu filata ma dak li hemm fil-preżent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dan is-servizz ma ntuża qatt għax ma kienx hemm il-bżonn.

MITA — Chairman - Contract of Service u Letter of Appointment

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37273 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Contract of Service u l-Letter of Appointment taċ-Chairman preżenti tal-Aġenzija MITA?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Ċhairman tal-MITA m'għandux contract of service bħala Ċhairman tal-MITA. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-minuta tal-Cabinet relattiva taċ-Ċhairman preżenti tal-MITA.

xatt ta' Bormla u Dock 1 — xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema tenders ingħataw matul dawn l-aħħar 6 xhur marbuta mal-proġett tax-xatt ta' Bormla u Dock 1? Jista' jgħid għal kull każ fiex kienu jikkonsistu, min kienu dawk li tefgħu applikazzjoni, min ħa kull tender u kemm kien l-ammont għal kull każ?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Birgu — Xatt ir-Risq - ħnejja

Question

Peress li l-parti ta' Xatt ir-Risq, in-naħa tal-Birgu, jidher li x-xogħol kważi lest, jista' il-Ministru jgħid x'sar minnha t-tip ta' ħnejja li kienet tfakkar Jum il-Ħelsien? Jista' jgħid jekk hux se terġa' titpoġġa f'postha?

Response (GATT, AUSTIN)

Il-ħnejja li semma l-Onor. Interpellant tinsab f’wieħed mill-imħażen fuq is-sit tal-baċir numru wieħed. Sa issa għadu ma' ġiex definit fejn din ser terġa’ titpoġġa.

tranġar ta' linji

Question

Jista' l-Minsitru jara li jiġu rranġati l-linji fl-area li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li hemm min qed jilmenta u anke wara li l-kunsilli lokali kkuntatja lil Transport Malta, xorta waħda baqa' ma sar xejn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma naħsibx li għandi ngħaddi din l-informazzjoni personali sakemm ma jkollix il-kunsens tal-individwu konċernat.

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — membri ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom ‘political appointment’. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala ‘external’. Fl-aħħar xhur / ġimgħat ebda membru tas-Segretarjat privat tiegħi ma' ġew ngaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħi, ta' ħaddieħor - sa fejn naf jien - jew xi enti li taqa' taħt il-Ministeru tiegħi.

Xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37383, 36750 u 36573 u jgħid kemm intefqu flus fuq xogħlijiet fuq toroq arterjali u distributorji matul din is-sena sal-lum, kull triq separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa — Triq Diċembru Tlettax - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministur jgħid meta hu ppjanat li se jitlesta l-underpass fi Triq Diċembru Tlettax fil-Marsa għax milli jidher fuq is-sit ir-ritmu tax-xogħol naqas b'mod sostanzjali f'dawn l-aħħar jiem?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Xogħlijiet ta' kostruzzjonijiet tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema huma t-tenders li hemm pubblikati preżentement, għal xogħol ta' kostruzzjoni tat-toroq li jrid isir f'kull waħda mil-lokalitajiet tat-12 il-distrett elettorali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-preżent m’hemm l-ebda tenders pubblikati għal xogħol ta' kostruzzjoni tat-toroq tat-12 il-distrett.

Ħaż-Żabbar — Triq il-Dliela - ħsarat fil-basements minħabba triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex it-triq li tinsab f'Ħaż-Żabbar u li tlestijiet bosta snin ilu, meta tagħmel ix-xita, fil-flats li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament jidħol ħafna ilma b'konsegwenza ta' ħsarat fil-basement minhabba xogħol ħażin li kien sar fi triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal — Luqa stage mhux użat

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilmenti tar-residenti Luqin dwar stage li mhux qed jintuża fi Triq il-Ġdida kantuniera ma' Triq San Ġużepp u Triq Tarxien? Jista' l-Ministru jgħid għaliex r-rotta tal-linja 72 meta tiġi ddevjata waqt l-għeluq tal-ħinijiet tal-iskola mhux qed twaqqaf lin-nies fuq dan l-istage?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fi Triq il-Ġdida kantuniera ma' Triq San Ġużepp u Triq Tarxien hemm bus stop bl-isem ĠAKMU li huwa servut mir-Rotta 72 fi triqitha mill-Belt lejn il-Qrendi u r-Rotta 118 mill-isptar Mater Dei lejn iż-Żurrieq. Infurmat ukoll li dan il-bus stop xorta jibqa' servut anke fil-ħinijiet li tingħalaq Triq Sant' Andrija fil-ħinijiet tal-iskola. Madankollu jien irreferejt l-ilmenti tal-Onor. Interpellant lil Transport Malta sabiex din tassigura li dan is-servizz jingħata kif suppost.

ilment dwar aċċess għall-ilma ta' ġibjun

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-ilment ta' dan il-bidwi, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament li nagħlaqlu aċċess għall-ilma tax-xita mit-Triq il-Kunsil tal-Ewropa, Ħal Luqa fejn kien jimla l-ġiebja tiegħu biex isaqqi 16-il tomna raba u dan meta sar ix-xogħol fuq din it-triq u minkejja li kien ilmenta mal-kuntratturi? Jista' jara li Transport Malta issib soluzzjoni biex dan l-ilma tax-xita jerġa' jinġabar fil-ġibjun ta' dan il-bidwi milli jintrema' fl-ispactions li jagħtu għall-baħar?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bidwi in kwistjoni, għalkemm kien għamel ilmenti ta' natura oħra ma' Transport Malta, qatt ma ressaq xi ilment dwar il-ħażna tal-ilma. Transport Malta se tinvestiga s-sitwazzjoni u tara jekk issa li x-xogħol fuq it-triq huwa lest, jistax isir xi ħaġa jew le.

Port il-Kbir u Marsaxlokk — xogħlijiet

Question

Jista l-Ministru jghid x’sar matul l-2012 uq ix-xogħol ta’ tiswija fuq il-breakwater ta’ Marsaxlokk u fuq id-Deep Water Quay tal-Port il-Kbir ? X’kienet l-ispiza minfuqa dawn il-progetti b’mod separat ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi x-xogħol matul is-sena 2012 fuq il-breakwater ta’ Marsaxlokk sar primarjament fuq il-ħajt ta’ barra (wave wall) tal-breakwater. Il-pagamenti fuq dan il-proġett li saru matul l-2012 sal-lum ammontaw għal €2,092,904.74 (VAT eskluża). Il-ħidma fuq il-proġett tad- Deep Water Quay kienet prinċipalment konnessa mad-disinn tal-proġett, proċess ta’ tender għax-xogħlijiet u fuq studju ta’ Cost Benefit Analysis . Mill-bidu tas-sena 2012 sal-lum tħallsu €29,965 (VAT eskluża).

Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar sitt xhur fi ħdan il-Ministeru tiegħi kienet biss Transprt Malta li rrikorrew għandha persuni neqsin mid-dawl jew mis-smigħ. Fil-fatt b' kollox kien hemm sitt persuni li ħamsa minnhom il-komunikazzjoni saret kollha bil-miktub u f'każ wieħed il-persuna kienet mgħejjuna bi hearing aid u setgħet issir komunikazzjoni verbali.

Garaxxijiet tal-VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi studju għamlet biex Transport Malta waslet għal konklużjoni li mhemmx bżonn aktar garaxxijiet tal-VRT f'Malta u Għawdex? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan l-istudju, jekk sar, li jispjega r-raġunijiet wara din il-konklużjoni? Jista' jikkwota dik il-parti tal-liġi li tillimita in-numru ta' garaxxijiet tal-VRT għal erbgħin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi kien sar studju biex jiġi ddeterminat in-numru ta' test lanes li huma meħtieġa biex ikunu eżaminati vetturi f’Malta u f’Għawdex, u dan kien tħejja minn konsulent barrani f’Lulju tas-sena 1996, liema konsulent kien imqabbad mid-Dipartiment tal-Liċenzji u l-Ittestjar fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u Portijiet ta’ dak iż-żmien. Dan l-istudju, li kien intitolat “Vehicle roadworthiness testing in Malta”, kien irrakkomanda illi jekk it- test lanes ikunu qed joperaw b’kapacità medja, in-numru ta’ dawn it- test lanes kellu jkun limitat għal 20. Jidher illi din ir-rakkomandazzjoni kienet intlaqgħet mill-Ministru responsabbli ta’ dak iż-żmien (l-Onorevoli Joe Debono Grech), tant illi fi stqarrija għall-istampa li ħarġet fit-3 ta’ Settembru 1997, li fiha ġiet ippreżentata l-White Paper bl-isem “White Paper li Tipproponi l-Introduzzjoni ta’ Eżami ta’ Vetturi għat-Triq (VRT)”, l-ex Ministru Debono Grech stqarr illi abbażi tad-daqs ta’ Malta, huwa stmat illi jkunu meħtieġa 20 test lane . Minkejja dan, bejn is-sena 1999 (meta daħlu fis-seħħ ir-regolamenti għall-ewwel darba) u s-sena 2003, l-Awtorità ta’ dak iż-żmien ħarġet total ta’ 40 awtorizzazzjoni, u sal-lum in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet baqa’ dak ta’ 40. Minn dak iż-żmien li sar dan l-istudju 'l hawn, l-Awtorità ma' kkummissjonat ebda studju ieħor dwar in-numru ta’ test lanes jew in-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li għandhom jinħarġu. Biss jekk wieħed juża l-istess analiżi li saret fl-istudju tal-1996 u jestrapola il-kalkoli li saru fl-istess studju għaż-żmien tal-lum, jirriżulta illi biex l-istazzjonijiet ikunu qed joperaw b’kapacità medja, hemm bżonn ta’ mhux aktar minn 40 test lane . Ninsab infurmat ukoll illi fir-Regolamenti dwar Testijiet biex Jiċċertifikaw li Vetturi bil-Mutur huma Tajba għat-Triq (L.S. 65.15), m’hemm l-ebda provediment li jillimita n-numru ta’ awtorizzazzjonijiet li għandhom jinħarġu. Fil-fatt, Transport Malta, flimkien mal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, qiegħdha fil-proċess li tressaq notifika u proposta għall-emenda fir-Regolamenti msemmija lill-Kummissjoni Ewropea, bil-għan li dan in-numru jibqa’ limitat għal 40. Din in-notifika qed issir skont il-provedimenti tad-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern, u speċifikament skont Artiklu 15 tal-istess Direttiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti elenkati hawn taħt: 1. Kopja tal-istudju intitolat “Vehicle roadworthiness testing in Malta”, li tħejja f’Lulju tal-1996; 2. Kopja tal-Istqarrija għall-Istampa intitolata “White Paper on Vehicle Roadworthiness Testing Presented”, maħruġa fit-3 ta’ Settembru 1997; u 3. Kopja tal-White Paper intitolata “White Paper li Tipproponi l-Introduzzjoni ta’ E¿ami ta’ Vetturi għat-Triq (VRT)”, datata Settembru 1997.