Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Marsa – Ħsejjes irrappurtati mir-residenti – Identifikazzjoni tas-sors

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hawnx apparat sabiex issir investigazzjoni teknika u monitoraġġ adegwat biex jiġi identifikat is-sors tal-ħoss li r-residenti ta’ Triq il-Ħaddiem fil-Marsa qed jisimgħu regolarment u li jaffettwa wkoll iż-żona fil-viċinanzi tal-ERA? Jekk ma hawnx dan l-apparat, x’passi ser jittieħdu biex jinġieb l-apparat jew jitqabbdu l-esperti meħtieġa biex jidentifikaw is-sors ta' dan il-ħoss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3189.

Il-Marsa – Ħsejjes irrappurtati mir-residenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar matul din l-aħħar sena u x’qed isir bħalissa, biex jiġi identifikat is-sors tal-ħoss li r-residenti ta’ Triq il-Ħaddiem fil-Marsa qed jisimgħu regolarment u li qed jaffettwa wkoll iż-żona fil-viċinanzi tal-ERA? Fid-dawl li l-Kunsill Lokali tal-Marsa ressaq din il-problema quddiem diversi entitajiet iżda għadha ma ġietx solvuta, tista’ tagħti time-frame ċar dwar meta se jsiru aktar testijiet u investigazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3189.

Baħar iċ-Ċagħaq – Ġnien it-Tbissim – Investiment

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-investiment li sar fi Ġnien it-Tbissim f’Baħar iċ-Ċagħaq, inkluż id-daqs tal-ispazju miftuħ, is-siġar imħawla u l-faċilitajiet ġodda, u tispjega kif il-proġett indirizza x-xewqat tar-residenti u tat-tfal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ġnien it-Tbissim, f’Baħar iċ-Ċagħaq, huwa wieħed minn tliet proġetti ta’ spazji miftuħa li għadhom kemm infetħu fil-jiem li għaddew. Riċentement tlestew u ġew inawgurati wkoll Ġnien il-Larinġ, f’Ħal Lija u t-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita li hija parti minn pjan fit-tul biex dan il-post nagħmluh wieħed mill-akbar parks pubbliċi f’pajjiżna, fuq medda ta’ aktar minn 90,000 metru kwadru. Din il-ġimgħa stess se nkunu qed niftħu ġnien ieħor ġdid fl-Imqabba, li huwa Ġnien il-Mitħna. Ir-rispons immedjat li kien hemm mill-pubbliku għal Ġnien it-Tbissim, sa mill-ewwel jiem tal-ftuħ tiegħu, jixhed li l-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna. Il-ġnien li jinsab fi Triq il-Kosta mhux biss qed iservi bħala żona ta’ mistrieħ u divertiment għar-residenti li jabitaw fil-madwar, imma qed ikun frekwentat ukoll minn bosta familji oħrajn li jkunu għaddejjin mill-inħawi, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa. It-tagħmir tal-logħob li hemm fih mhuwiex biss divertenti iżda wkoll aċċessibbli għal kulħadd, b’attenzjoni speċjali għal logħob inklussiv. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR261635) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fil-5 t’Ottubru 2026 li fiha d-dettalji dwar il-proġett ta’ Ġnien it-Tbissim.

Proġett Pannelli bla Bejt

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar il-proġett Pannelli bla Bejt, inkluż il-ġibjuni involuti, il-progress fix-xogħlijiet ta’ installazzjoni, meta l-familji jkunu jistgħu japplikaw, u x’se jkunu l-kundizzjonijiet finali tal-parteċipazzjoni u l-benefiċċji finanzjarji mistennija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-iskema Pannelli bla Bejt hija inizjattiva innovattiva mnedija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) li l-għan ewlieni tagħha huwa li tagħti l-opportunità lil persuni li m’għandhomx aċċess għal bejt adattat għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi sabiex jipparteċipaw direttament fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa. Permezz tal-iskema, il-pannelli fotovoltajċi jiġu installati fuq infrastruttura tal-KSI, inklużi ġibjuni koperti, binjiet operattivi u artijiet tal-korporazzjoni, filwaqt li l-KSI tkun responsabbli mill-installazzjoni, il-konnessjoni mal-grid, il-manutenzjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-assi. Is-siti identifikati għall-ewwel fażi tal-proġett jinsabu Marsaxlokk, in-Naxxar, iż-Żurrieq, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Kordin, ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar. L-investiment propost jikkorrispondi għal madwar tmien pannelli fotovoltajċi kull applikant bi produzzjoni stmata ta’ madwar 7,500 kWh fis-sena. Skont il-projezzjonijiet indikattivi tal-iskema: ·    Id-dħul annwali huwa stmat għal madwar €840 fis-sena. ·    Id-dħul kumulattiv fuq perjodu ta’ 20 sena huwa stmat għal madwar €16,788. ·    L-iskema hija mfassla bħala investiment passiv mingħajr ebda responsabbiltà ta’ ġestjoni jew manutenzjoni tas-sistemi għall-parteċipanti. Dawn il-projezzjonijiet jibqgħu suġġetti għall-Feed-In Tariff finali li tiġi assenjata permezz tal-proċess regolatorju. Matul il-fażi tal-Espressjoni ta’ Interess, aktar minn 800 familja esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fl-iskema, u dan juri l-interess qawwi tal-pubbliku għal din l-inizjattiva. Fil-preżent, il-KSI qed tipparteċipa fil-proċess tal-Invitation to Bid (ITB) mar-Regulatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) sabiex jiġu assigurati l-Feed-In Tariff (FIT) meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva. Fl-istess ħin, qed jitkompla x-xogħol fuq l-infrastruttura elettrika meħtieġa għas-siti kollha identifikati, filwaqt li l-permessi kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-farms fotovoltajċi fuq is-siti diġà nkisbu. L-applikazzjonijiet formali għall-iskema ser jinfetħu fiż-żmien opportun ladarba jiġu konklużi u finalizzati dawn il-proċessi regolatorji u infrastrutturali, sabiex il-proġett ikun jista’ jitnieda fuq bażi soda u sostenibbli.

Ħal Tarxien – Ġnien Ovindoli – Tappieri

Question

Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, tista’ l-Ministru tgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

San Pawl il-Baħar - Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1989, fejn qed jingħad li ser ikun hemm iktar tisħiħ fis-sistema tal-cables tal-Enemalta fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, tista’ l-Ministru tagħti indikazzjoni dwar fejn huma mistennija jitqiegħdu l-cables indikati? Tista’ tgħid ukoll meta hu mistenni li jsir dan ix-xogħol?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta qed tippjana li tqiegħed cable ġdid ta’ vultaġġ għoli fi Triq San Pawl, San Pawl il-Baħar. Dan il-proġett jinvolvi t-tqegħid ta’ madwar 750 metru ta’ cables ġodda ta’ vultaġġ medju u huwa wieħed mill-proġetti li Enemalta se tkun qed twettaq immedjatament. It-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku huwa proċess kontinwu. Enemalta tibqa’ tevalwa u tippjana l-interventi meħtieġa sabiex tkompli ssaħħaħ in-network u tagħmlu aktar reżiljenti, bil-għan li ttejjeb l-affidabbiltà tal-provvista tal-elettriku fil-lokalitajiet kollha, inkluż San Pawl il-Baħar.

Armada LNG Mediterrana – Inventarju Fiżiku tal-LNG

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-inventarju fiżiku attwali ta’ gass naturali likwifikat (LNG) abbord il-bastiment Armada LNG Mediterrana fil-mument tal-quċċata ta’ 741 MW, eskluż kwalunkwe volum ta’ LNG li kien ikkalkulat biss minħabba li kien fi tranżitu (in transit)?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni mitluba f’din il-mistoqsija parlamentari hija ta’ natura sensittiva għas-sigurtà nazzjonali. L-Onor. Interpellant diġà ġie kuntattjat personalment, f’dan ir-rigward.

Interconnector – Kapaċità Kontinwa u ta’ Emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-kapaċitajiet uffiċjali kontinwi u dawk ta’ emerġenza (continuous and emergency ratings) tal-Interconnector, u tindika għal kemm ħin huwa permess operazzjoni fil-livell ta’ madwar 225 MW?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li 225MW hija l-kapaċitá kontinwa tal-Interconnector u allura m’hemmx limitu ta’ ħin fuq dan il-livell.

Domanda Massima għall-Elettriku – Riżerva Residwa u Kontinġenza N-1

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’kienet il-kontinġenza formali N-1 definita għal dak il-perjodu tal-ogħla domanda (peak demand), u x’kien il-livell eżatt ta’ riżerva residwa (residual reserve) li kien fadal wara li ġiet ikkunsidrata din il-kontinġenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2531.

Domanda Massima għall-Elettriku – Sajf 2026

Question

Tista’ l-Ministru tgħid il-ħin eżatt meta d-domanda tal-elettriku laħqet il-quċċata (peak) ta’ 741 MW dan is-sajf, kemm kien il-volum ta’ megawatts (MW) iġġenerati rispettivament minn: i.    Delimara 3 (D3), ii.    Delimara 4 (D4), iii.    l-Interconnector, iv.    Sistemi Fotovoltajċi (PV), u v.    minn impjanti ta’ ġenerazzjoni temporanji jew ta’ emerġenza jew impjanti oħra? Tista’ tgħid ukoll kemm kien fadal kapaċità fissa u disponibbli mhux użata (unused firm MW) minn kull sors ta' ġenereazzjoni msemmi, f’dak il-ħin partikolari tal-quċċata (peak demand)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ogħla domanda laħqet is-741MW fit-22 ta’ Lulju 2026, fit-15:27. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamara li turi d-domanda u l-kapaċità residwa minn kull sors ta’ ġenerazzjoni.

Delimara – Provvista ta’ New Water

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jibda jiġi provdut is-servizz tal-ilma tan-New Water fl-inħawi tad-Delimara fid-dawl li l-kaxxi għas-servizz u l-katusi ilhom f'posthom għal numru ta’ snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-servizz fl-inħawi indikati mistenni jkun komplut fix-xhur li ġejjin. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li kull bidwi li għandu aċċess jista’ jagħmel użu minn dan is-servizz minn kull dispenser attiv fin-network.

Project Green – Park l-Inħawi – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex wasal il-proġett ta' Park l-Inħawi li qed jitwettaq minn Project Green, u tindika meta hu mistenni li jitlesta dan il-proġett? Tista’ tgħid ukoll fiex waslu x-xogħlijiet relatati mal-parking ħdejn il-ground, x’inhi r-raġuni għad-dewmien fix-xogħlijiet u meta hu mistenni li dan il-parking jitlesta?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijet fl-ispazju miftuħ ta’ Park l-Inħawi fil-Fgura jinsabu għaddejjin f'partijiet differenti li jgħaqqdu mal-Park tal-Familja ta’ San Klement f’Ħaż-Żabbar. Dawn jinkludu l-iżvilupp ta’ spazju apposta għat-tfal, mgħammar b’faċilitajiet moderni, siguri u adattati għal etajiet differenti, bil-għan li jinkoraġġixxu l-logħob fil-beraħ, l-attività fiżika u l-interazzjoni soċjali fost it-tfal. Il-proġett jinkludi wkoll żona għall-pikniks fejn il-familji u l-individwi jkunu jistgħu jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien, jirrilassaw u jgawdu l-ambjent naturali. Huwa previst li l-ewwel fażi tal-proġett titlesta lejn l-ewwel nofs tas-sena d-dieħla. Waqt ix-xogħlijiet instabu fdalijiet arkeoloġiċi u għalhekk Project Green talbet l-għajnuna tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Is-Sovritendenza pprovdiet linji gwida li Project Green imxiet magħhom, inluż rakkomandazzjonijiet li wasslu għal bidliet fid-disinn. Fir-rigward taż-żona li tinkludi l-grawnd tal-futbol u l-parkeġġ relatat, ukoll kien meħtieġ reviżjoni tad-disinn oriġinali minħabba restrizzjonijiet fuq l-iskavar relatati ma’ fdalijiet arkeoloġiċi. Bħalissa għaddejja kordinazzjoni mal-awtoritajiet konċernati, inkluż Transport Malta, dwar il-pjanti riveduti u x-xogħlijiet meħtieġa biex jiġu implimentati dawn il-bidliet.

Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Infiq fuq reklamar

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Ministeru tagħha u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tagħha, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll tipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li tispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor, Interpellanta li l-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Ruġenerazzjoni tal-Port il-Kbir flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services, li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Enemalta – Cables f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana, hux il-prassi li l-Enemalta tħalli cables telgħin b'dan il-mod mal-bini (ritratt anness)? Tista' tgħid ukoll x'sar mill-policy imħabbra fil-passat li f'dawn iż-żoni l-cables jitniżżlu taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 81 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi kif l-infrastruttura tas-servizzi tista’ tiġi installata. Il-liġi ma timponix obbligu ġenerali li tali infrastruttura titqiegħed taħt l-art. Ix-xogħlijiet tal-Enemalta jsiru skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-permessi applikabbli, fejn tali permessi jkunu meħtieġa. Il-politika tal-kumpanija tibqa’ li, fejn hu teknikament possibbli u operattivament fattibbli, aktar infrastruttura elettrika titqiegħed taħt l-art, inkluż f’żoni storiċi u żoni ta’ konservazzjoni urbana. Madankollu, il-mod kif titqiegħed l-infrastruttura jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ u jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi partikolari tas-sit, fosthom il-konfigurazzjoni tat-triq u tal-bini, l-ispazju disponibbli għal servizzi taħt l-art, il-preżenza ta’ infrastruttura eżistenti ta’ utilitajiet oħrajn, konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u aċċessibbiltà, kif ukoll il-ħtieġa li tinżamm l-affidabbiltà u l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku.

Produzzjoni tal-ilma

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hija l-enerġija medja kkunsmata u kemm tiswa (f’termini pekunjarji) għal kull metru kubu fil-produzzjoni ta’: i.    ‘new water’ mill-impjanti tat-trattament tad-drenaġġ; ii.    ilma potabbli (tajjeb għax-xorb) prodott mill-impjanti RO/desalination; u iii.   ilma potabbli minn estrazzjoni mill-ilma tal-pjan (aquifer)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Elettriku u ilma – Sorsi ta’ produzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tindika l-proporzjonijiet tas-sorsi ta’ produzzjoni tal-ilma u tal-elettriku bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena, jiġifieri: i.    għall-ilma: estrazzjoni tal-ilma tal-pjan (aquifer), ilma minn impjanti tad-desalinizzazzjoni, u ‘new water’; u ii.   għall-elettriku: ġenerazzjoni lokali u enerġija permezz tal-interconnector?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Pawl il-Baħar – Proġett tal-mina

Question

B'referenza għall-proġett tal-mina f'San Pawl il-Baħar, tista' l-Ministru tagħti rendikont tax-xogħlijiet li twettqu sal-lum, ix-xogħlijiet li għadhom iridu jsiru u tindika x'inhu l-istadju li jmiss fl-implimentazzjoni tal-proġett?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li tlestew jinkludu l-kostruzzjoni tal-jacking u receiving shafts, aġġustamenti fil-mina minħabba l-infiltrazzjoni tal-ilma, kif ukoll saru konnessjonijiet oħra man-network eżistenti tad-drenaġġ.  Ix-xogħlijiet li fadal jinkludu t-tlestija ta’ xogħlijiet fil-mina bl-ewwel Lot dieħel fil-fażi finali tiegħu filwaqt li għaddejjin ix-xogħlijiet tal-microtunnelling. Meta jitlesta, dan il-proġett se jkun qiegħed iservi bħala l-infrastruttura ewlenija tas-sistema tad-drenaġġ fiż-żona.

San Pawl il-Baħar – Triq Cassarino – Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' xogħlijiet qed isiru fi Triq Cassarino, f’San Pawl il-Baħar, f'liema stadju waslu u meta huma mistennija li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet biex jinbidlu l-mejnijiet kemm tal-ilma kif ukoll tad-drenaġġ fit-triq indikata waslu fl-aħħar fażi.

San Pawl il-Baħar – Triq San Martin – Xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'tip ta' xogħlijiet qed isiru fi Triq San Martin, f’San Pawl il-Baħar, f'liema stadju waslu u meta mistennija jitlestew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2588.

Vetturi elettriċi – Iċċarġjar f’garaxxijiet ma’ djar privati

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx rati favorevoli jew skemi oħra fis-seħħ, li minnhom jistgħu/qegħdin jibbenefikaw sidien ta' vetturi elettriċi li jiċċarġjaw il-vetturi tagħhom f’garaxxijiet privati mad-djar tagħhom, bl-istess meter tal-elettriku li jforni lid-djar privati? Tista' tgħid ukoll jekk dawn is-sidien humiex qed jinqabdu b'rati tal-elettriku ogħla minħabba li bl-iċċarġjar tal-vetturi qed jinqabeż l-ammont ġeneralment ikkonsmat mill-użu tad-djar biss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-iċċarġjar ta’ vetturi elettriċi f’residenzi privati, japplikaw ir-rati u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Electricity Connection and Supply Regulations (ECSR). Hija għażla tal-klijent jekk jinstallax meter dedikat għall-iċċarġjar ta’ vettura elettrika. Fejn jiġi installat tali meter, tapplika rata off-peak ta’ €0.1298/kWh, filwaqt li barra l-ħinijiet off-peak japplikaw it-tariffi residenzjali normali skont kif stabbiliti fl-ECSR.