Legislature:
Category:
Reset
Active:

pjanijiet ta' kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-European University

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi pjanijiet ta’ kollaborazzjoni bejn il-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-European University peress li fi żjara li għamel il-kap ta’ dik l-hekk imsejħa università, wara laqgħat mal-Prim Ministru u mal-Ministru tal-Edukazzjoni kien intqal li se jkun hemm kollaborazzjoni bejn iż-żewġ partijiet għall-ġid tal-edukazzjoni f’pajjiżna? Fiex tikkonsisti din il-kollaborazzjoni, jekk hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-20 ta’ Marzu 2006 l-amministrazzjoni tal-European Institute talbet lill-Ministeru tal-Edukazzjoni għal laqgħa bejn Dr Dirk Craen, President tal-European University, il-Prim Ministru u l-Ministru tal-Edukazzjoni. Din il-laqgħa saret f’April 2006. Fis-27 ta’ April, l-amministrazzjoni tal- European Institute ippreżentat proposta ta’ kollaborazzjoni mal-MCAST fuq korsijiet speċifiċi. Din il-proposta ġiet studjata mill-Ministeru, u b’komunikazzjoni interna tat-18 ta’ Lulju 2006 il-konsulenti tal-Ministeru rrakkomandaw li l-MCAST ma kellux jidħol f’din it-tip ta’ kollaborazzjoni.

European Institute of Education — studenti ingannati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-Ministeru tal-Edukazzjoni jew minn xi struttura li taqa’ taħtu biex jiftħu għajnejn studenti li ħallsu ħafna flus għall-korsijiet ma’ ċentri edukattivi privati bħall-European Institute of Education f’Ta’ Xbiex bil-wegħda li se jieħdu MBA ipprovduta mill-European University u li se tkun rikonoxxuta akkademikament imbagħad sabu li ġew ingannati? Fiex kienu jikkonsistu dawn il-passi? Saret xi kampanja pubblika ta’ informazzjoni biex jinfetħu għajnejn studenti oħra minn inganni simili?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fuq talba ta’ individwu, il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki li jaqa taħt il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport għamel valutazzjoni permezz ta’ eżerċizzju komparattiv ta’ din il-kwalifika. Ir-rapport ingħata lil dan l-individwu kif wkoll lil European Institute of Education. Minn żmien għal żmien, il-Kunsill Malti għall-kwalifiki iqassam fuljett informattiv dwar kif individwi jistgħu jitolbu informazzjoni dwar programmi ta’ taħriġ u ta’ stduju li jkun qed jagħmel jew li beħsibhom jagħmlu. Kopja ta’ dan il-fuljett qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Kunsill Malti għall-Kwalifiki jieħu kull opportunità biex jieħu sehem f’attivitajiet pubbliċi bħal fieri, Freshers Week , Trade Fair u Europe for You kif wkoll programmi fuq il-mezzi tax-xandir u konferenzi li għalihom ħafna drabi jkun mistieden il-pubbliku in ġenerali. Iż-żieda sostanzjali fin-numru ta’ kwalifiki għal verifika huwa xhieda li l-messaġġ tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki qed ikun effettiv.

Università ta’ Malta — sejħa għal sitt post-doctoral fellowships

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk f’Marzu li għadda l-Università ta’ Malta għamlitx sejħa għal sitt post-doctoral fellowships finanzjati parzjalment mill-Fond Soċjali Ewropew, għall-perjodu ta’ tliet snin: tnejn fl-ICT, tnejn fil-Life Sciences u tnejn fil-Physical Sciences?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Marzu li għadda l-Università ta’ Malta għamlet sejħa għal sitt post-doctoral fellowships iffinanzjati parzjalment mill-Fond Soċjali Ewropew f’dawn l-oqsma speċifiċi: - Bioinformatics - Biotechnology - Alternative Energy - Particle Physics - Marine Software and Systems Engineering - Science and Technology Transfer

Università ta' Għawdex — korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm u liema huma l-korsijiet li l-Università ta' Għawdex toffri għall-istudenti Maltin u Għawdxin? Kemm minn dawn il-korsijiet huma full-time u kemm minnhom huma part-time?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-korsijiet li bħalissa qed jiġu offruti fil-Campus tal-Università ta’ Malta f’Għawdex huma 11: · Diploma in Commerce (Course Group 2009-2010) FULL TIME EVENING* · Diploma in Commerce (Group 2008-2010) PART TIME EVENING · Bachelor of Commerce (Course Group 2009-2012) PART TIME EVENING · Bachelor of Commerce (Course Group 2007-2010) PART TIME EVENING · Bachelor of Arts PART TIME EVENING · Bachelor of Arts (Hons) in Criminology PART TIME EVENING · Master of Arts in ISSS (Course Group 2008-2010) PART TIME EVENING · Master of Arts in ISSS (Course Group 2009-2011) PART TIME EVENING · Master of Arts in Hospitaller Studies PART TIME EVENING · Master in Translation PART TIME EVENING · Master in Business Administration (Executive) PART TIME EVENING * beda fit-13 ta’ Novembru 2009

kunsilli lokali — ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isport

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma dawk il-kunsilli lokali li applikaw biex isir ftehim mal-Kunsill Malti għall-Isport biex isir investiment fil-faċilitajiet ta' l-iskejjel filwaqt li jagħmlu użu minnhom wara l-ħin ta' l-iskola? Meta hu mistenni li jsir dan il-ftehim ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-lum kien hemm talba waħda li diġà ntlaqgħet u ġiet implimentata. Il-Kunsill Lokali Birgu applika biex jagħmel investiment f’UEFA Mini Pitch fil-bitħa tal-iskola primarja tal-lokalità.

Skejjel primarji u sekondarji — Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar in-numru ta' Learning Support Assistants li huma impjegati fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Attwalment in-numru ta’ Learning Support Assistants li huma impjegati fl-iskejjel primarji u sekondarji tal-Gvern huwa ta’ 1,188. Skejjel Primarji - 703 Skejjel Sekondarji - 478 Pool - 7 It-total hawn fuq imsemmi ma jinkludix 102 Learning Support Assistants li huma attwalment impjegati fl-iskejjel speċjali tal-Istat.

Għawdex — edukazzjoni terzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'edukazzjoni tal-fażi terzjarja tiġi offruta f'Għawdex? Minn liema fakultajiet, entitajiet edukattivi jew istituzzjonijiet, sew jekk huma privati u sew jekk huma pubbliċi? Kemm hemm studenti li qed isewgu xi wieħed minn dawn il-korsijiet, kors b'kors f'Għawdex u f'liema sena tal-kors jinsabu? Kemm mill-istudenti huma Għawdxin u kemm minnhom huma Maltin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid: a) Kemm kien l-ammont ta' studenti li spiċċaw l-edukazzjoni obbligatorja (jiġifieri Form 5) qabel is-sajf tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008 u 2009? b) Kemm kien l-ammont globali ta' studenti li bdew xi kors fi kwalunkwe istituzzjoni post-sekondarja, sew jekk hi privata, tal-Knisja jew pubblika għas-snin skolastiċi li bdew f'Settembru/Ottubru 2004, Settembru/Ottubru 2005, Settembru/Ottubru 2006, Settembru/Ottubru 2007, Settembru/Ottubru 2008 u Settembru/Ottubru 2009?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Petizzjoni ffirmata mill-istudenti dwar xogħlijiet fil-Junior College

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se jagħmel il-Gvern in vista tal-petizzjoni li ġiet iffirmata minn madwar elf student tal-Junior College u li ngħatat lill-Amministrazzjoni tal-Kulleġġ biex tieħu azzjoni fuq diversi punti dwar kif qed jinżamm dan il-kulleġġ. B'mod konkret, kif se jagħmel il-Gvern biex: a) ikompli s-servizz ta' Wi-Fi internet li beda għal xi xahar biss u li twaqqaf ftit wara? b) ikabbar l-attivitajiet li jistgħu jsiru mill-għaqdiet ta' l-istudenti? c) jissokta l-programm ta' xogħlijiet ta' manutenzjoni bħala parti mill-estensjoni tal-Kulleġġ? Meta hu ppjanat li jitlestew dawn ix-xogħlijiet? Kemm kienet in-nefqa ppjanata? Kemm jidher li se tkun in-nefqa finali? d) jitranġaw is-soqfa tal-kulleġġ li fihom jidhru wkoll ix-xorok?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żejtun — kindergarten - tapit l-aħdar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12910, tista' l-Ministru tagħti prijorità lil dan ix-xogħol u tgħid ukoll meta ser isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-talba għal dan ix-xogħol tpoġġiet mal-lista tax-xogħlijiet. L-ewwel trid issir evalwazzjoni ta’ din it-talba u skont il-prijoritajiet, isir ix-xogħol.

European Institute of Education — żjarat mill-pulizija

Question

Peress li fis-snin li għaddew (1997) kien hemm każ fejn tuition centre kien qed jagħti lezzjonijiet tal-privat mingħajr ma l-bini kien għad kellu permess tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u kienu żaruh il-pulizija għax kien qed jikser il-liġi, tista’ l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm-il darba l-pulizija żaret il-bini tal-European Institute of Education f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) fejn jingħataw lezzjonijiet/korsijiet u l-bini m'għandux permessi tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex jopera bħala tuition centre? Jekk saru dawn iż-żjarat meta saru u x’passi ttieħdu? Jekk ma sarux dawn iż-żjarat għax ma sarux meta l-użu abbużiv tal-bini f’Ta’ Xbiex kien reklamat fuq il-ġurnali u l-website tal-imsemmi istitut?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Qala — Istitut tal-Istudji Turstiċi - studenti li segwew xi korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li qed isegwu xi kors fl-Istitut tal-Istudji Turstiċi fil-Qala? Xi kwalifiki\kriterji tad-dħul intużaw biex jingħażlu għall-korsijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nitlob l-Onor. Interpellant jirreferiha lill-Ministru kkonċernat. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, r-regoli dwar dħul ta’ studenti huwa pubblikat fil-prospett tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi . Dan il-prospett ikun ippubblikat kull sena u fih l-informazzjoni meħtieġa dwar korsijiet full-time li joffri l-Istitut tal-Istudji Turistiċi fost dawn:- Dħul : metodu ta’ applikazzjoni Kreditu għal Tagħlim li student ikun irċieva qabel applika Kreditu għal xogħol li student jista’ jkun wettaq qabel applika Profil tal-istudent u regoli dwar l-għażla . Il-prospett tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa approvat mill-Bord tal-Istudji tal-Istitut.

European Institute of Education — bini li m'għandux permessi

Question

Peress li l-bini f’Ta’ Xbiex (Sir Ugo Mifsud Street, Ta’ Xbiex Terrace) qed jintuża mill-European Institute of Education bħala tuition centre u jinżammu fih lezzjonijiet u korsijiet meta l-bini m'għandux il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dan l-użu, tista’ l-Ministru tgħid x’passi se tieħu l-pulizija kontra dan il-ksur tal-ligi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Qala — Istitut tal-Istudji Turstiċi - postijiet ta' kap u ta' għalliema

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sejħiet saru biex jimtlew il-postijiet ta' kap u ta' għalliem fl-Istitut tal-Istudji Turstiċi fil-Qala? Xi kwalifiki ntalbu? Kemm applikaw? Min applika u b'liema kwalifiki? Min intagħżel u b'liema kwalifiki?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

European Institute of Education — kwestjoni ma' klijent

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-pulizija wara li persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament (a), kitbet lill-Assistent Kummissarju, li ismu qed jintbagħat separatament (b), bid-data tad-19 ta’ Awwissu 2009 fejn talabha tieħu passi kontra l-European Institute of Education għax ħassu ngannat wara li ħallashom iżjed minn €10,000 biex mingħalih jagħmel kors li jġiblu kwalifika tal-MBA u mbagħad irriżulta li l-kors mhux rikonoxxut bħala post graduate degree kif kien reklamat u l-European University li organizzatu lokalment permezz tal-European Institute of Education mhix università xejn u mhix rikonoxxuta mkien mill-ebda awtorità edukattiva serja fid-dinja? Jekk għadhom ma ttieħdux passi s’issa, jista’ jgħid meta se jittieħdu dawn il-passi? X’passi se jittieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport ħa l-passi kollha meħtieġa biex jassigura kontroll akbar fil-proċess ta’ liċenzjar ta’ tution centres. Qed ukoll titfassal liġi speċifika biex jiġu salvagwardati d-drittijiet taċ-ċittadin meta minn jeddu, jagħżel tagħlim u taħriġ barra l-istituzzjonijiet pubbliċi. Din il-liġi se tħares b’mod partikolari l-kwalità u r-rikkonoxximent tal-kwalifiki.

skola sekondarja — studenti li għandhom aċċess għat-taħriġ tal-kompjuter

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li jmorru skola sekondarja u għandhom aċċess għat-taħriġ tal-kompjuter? Tista' tgħid sa liema livell jasal dan it-taħriġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tfal kollha fl-iskejjel statali sekondarji, jiġifieri 15,049 student/a, jitħarġu fl-użu tal-kompjuter u preżentament, fl-aħħar tliet snin tal-iskola sekondarja, jagħmlu l-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence magħruf aħjar bħala ECDL. Minn dan in-numru, bħalissa hemm 1,949 student/a li għażlu li jispeċjalizzaw fl-istudju tal-kompjuter. Fl-aħħar sena tas-sekondarja dawn l-istudenti jagħmlu l-eżami tas-SEC fil- Computer Studies . Fl-iskejjel sekondarji tal-Knisja hemm 7,550 student li jitħarġu fl-użu tal-kompjuter, filwaqt li fl-iskejjel sekondarji indipendenti hemm 2,301, għal total ta’ 9,851. Fl-aħħar tliet snin dawn qagħdu għall-eżamijiet tal-European Computer Driving Licence. Minn dan in-numru, bħalissa hemm 1,749 student fl-iskejjel tal-Knisja u 567 student fl-iskejjel indipendenti li jispeċjalizzaw fl-istudju tal-kompjuter. Fl-aħħar sena tas-sekondarja dawn l-istudenti jagħmlu l-eżami tas-SEC fil- Computer Studies .