Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol ta’ rinovar li tlesta reċentement fis-sala St Joseph Ward 1, fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul? Jista’ jgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ kmamar għall-koppji f’din is-sala?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biż-żmien l-infrastruttura ta’ din is-sala ma baqgħetx tajba u allura kellu jsir tibdil strutturali importanti. Dan wassal għal tneħħija ta’ kuriduri u b’hekk infetħu aktar spazji komuni, kmamar tal-anzjani akbar u aperturi li jagħtu aktar dawl naturali. F’din is-sala nsibu kmamar b’medja ta’ 20 metru kwadru. Apparti li ssebbħet id-dehra ġenerali tas-sala, b’ambjenti u kuluri aktar moderni, sar titjib konsiderevoli u nqalgħu s-servizzi kollha, bħal servizzi ta’ ilma, elettriku, drenaġġ, pavimentar ta’ vinyl aktar iġeniku, sistemi ta’ nurse call, dawl, sistemi ta’ alarm tan-nirien u ta’ emerġenza, sistemi ta’ Public Address u ġie introdott ossiġenu mediku fil-kmamar. Ġew ristrutturati kompletament il-kmamar tal-banju u l-post kollu ġie adattat għall-persuni bid-dimensja. Saru wkoll sistemi tal-arja kundizzjunata u ventilazzjoni ġodda permezz ta’ fondi ta’ ERDF. Anke l-purtieri saru ġodda kif ukoll aperturi ġodda tal-aluminjum bi ħġieġ doppju, aperturi tal-injam u għamara ġdida. Ġiet mibdula wkoll il-bitħa ta’ din is-sala għal waħda aktar aċċessibbli u sigura. Inbidel ukoll it-tagħmir kollhu mediku, minn sodod ġodda tal-elettriku għal lifters, trolleys u oħrajn li għandhom x’jaqsmu mal-kura diretta tal-anzjani.

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – xogħol ta’ rinovar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min għamel ix-xogħol kollu ta’ rinovar fuq is-sala St Joseph Ward 1 fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul? Jista’ jipprovdi lista tal-persuni/entitajiet/kumpaniji kollha li kienu involuti f’dan ix-xogħol kif ukoll tal-ħlasijiet li saru lil kull persuna/entità/kumpanija li ħadmet fuq dan ix-xogħol ta’ rinovar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-lista ta’ kumpaniji li kienu involuti f’dan ix-xogħol ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ammont ta’ kemm intefaq fuq ix-xogħol minn dawn il-kumpaniji jammonta għal €638,261.36. Magħhom hemm ukoll il-kuntratt tas-sistema tal-ventilazzjoni u l-arja kkundizzjonata li kienu parti mill-proġett b’fondi Ewropej, ERDF, fl-ammont ta’ €102,498.18. Barra minn hekk, sar xogħol mill-ħaddiema fir-Residenza San Vinċenz de Paul. B’kollox ħadmu 39 ħaddiem u l-materjal użat jammonta għal €270,028.

San Vinċenz de Paul – St Joseph Ward 1 – plakka kommemorattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn tpoġġiet l-ewwel plakka kommemorattiva tal-ftuħ oriġinali tas-sala St Joseph Ward 1 fil-faċilità tal-kura tal-anzjani San Vinċenz de Paul u dan peress illi m’għadhiex imwaħħla fil-post fejn kienet qabel ma sar ix-xogħol ta’ rinovar?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li waqt li kienu qed isiru alterazzjonijiet strutturali, din il-plakka kellha tinqala’. Peress li din ma kenitx imwaħħla sew, ġarrbet xi ħsara. Għaldaqstant se ssir replika ta’ din il-plakka u din ser tkun lesta fil-ġimgħat li ġejjiin.

Taħriġ lill-ħaddiema taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx taħriġ lill-ħaddiema taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum tal-Anzjani, meta sar din it-taħriġ u dwar xiex ingħata dan it-taħriġ?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ingaġġ ta’ persuni għal servizzi ta’ fotografija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ingaġġax persuni full-time jew part-time, u kemm persuni ingaġġa, biex joffru servizzi ta' fotografija matul l-2022? Jista' jgħid l-ammont ta' flus li l-Ministeru nefaq fuq servizzi ta' fotografija matul l-2022?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Anzjanità Attiva ma ingaġġax persuni biex joffru servizz ta’ fotografija matul l-2022.

Residenza San Vincenz de Paul – Allied Health Professionals

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Allied Health Professionals jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm minnhom huma barranin?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 61 Allied Health Professionals jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, li 2 minnhom huma barranin.

Residenza San Vinċenz de Paul – applikazzjoni għal-leave

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi prassi tintuża sabiex impjegat li jaħdem fir-Residenza f’San Vinċenz de Paul japplika għal-leave? Jista’ jgħid kemm jiem qabel l-impjegat irid japplika għal leave kif ukoll jekk l-impjegat jintalabx isib sostitut biex jidħol minfloku sabiex ikun jista’ jieħu dan il-leave?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull impjegat li jaħdem f’San Vinċenz De Paul irid japplika għal-leave permezz tas-sistema onlajn ‘My Portal’ u dan jiġi approvat mill-head of unit jew line manager rispettiv. Leave għal perjodu qasir għandu jiġi applikat mhux anqas minn tlett (3) ijiem qabel u leave fit-tul għandu jiġi applikat mhux anqas minn ħamest ijiem qabel. Din il-proċedura hi stipulata fil-Public Service Management Code, Sezzjoni 3.1.6. L-impjegat qatt ma jiġi mitlub isib sostitut minfloku meta japplika għal-leave.

Ċentru Servizz Anzjan — ħaddiema f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8474 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8307 jista' l-Ministru jkun aktar ċar u jgħid kemm qed jiswa s-servizz li qed jingħata mit-tliet kuntratturi fiċ-Ċentru Servizz Anzjan fi Triq ir-Repubblika, fir-Rabat, Għawdex?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn huma r-rati fis-siegħa li qed jiġu mħallsa lill-kuntratturi tas-servizz kif spjegat hawn taħt: Servizz ta’ tindif – €12.42 fis-siegħa Servizz ta’ Clerks – €10.31 fis-siegħa Security Services – €10.31 fis-siegħa NB: Ir-rata tas-servizz ta’ tindif tinkludi kull apparat/makkinarju u materjal bħal deterġenti li l-kuntrattur obbligat jipprovdi kif meħtieġ.

CommCare – servizz ta’ nurse

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7993, li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu, jista l-Ministru jgħid f’liema ħinijiet jingħata s-servizz ta’ nurse tal-CommCare (HealthMark)? Jista’ jgħid ukoll jekk mediċina preskritta minn konsulent biex tingħata wara s-6.00 p.m. ikunux jistgħu jagħtuha fil-ħin rakkomandat?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ nurse u carer tal-CommCare li jiġi pprovdut mill-kuntrattur, HealthMark, jiġi pprovdut filgħodu bejn is-sebgħa u s-siegħa u filgħaxija bejn l-erbgħa u s-sebgħa. F’każ li jinqala’ bżonn għal servizz ta’ nurse urġenti, bejn is-siegħa u l-erbgħa, dan jingħata xorta waħda. Dan is-servizz ma jingħatax wara s-sebgħa ta’ filgħaxija.

Residenza San Vinċenz de Paul – salarji tal-carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-salarji tal-carers li jaħdmu mal-Gvern ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paul humiex identiċi għas-salarji tal-carers li jaħdmu mal-kuntrattur ġewwa l-istess Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra s-salarji u l-perkaċċi tal-carers kollha li jaħdmu f’din ir-Residenza?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-carers li jaħdmu mal-Gvern fir-Residenza San Vinċenz De Paul jitħallsu salarji fi skala skont il-grad kif stipulat fl-MOU ffirmat mat-Trade Unions rappreżentattivi fl-2018. L-iskala tas-salarji tvarja minn skala 17 sa skala 12 skont il-grad. Il-carers jibbenefikaw minn allowances kif stipulat fil-ftehim dwar in-Nursing Support Services grades iffirmat fis-06 ta’ Marzu 2008. Fir-Residenza ta’ San Vinċenz De Paul hemm numru ta’ Care and Support Workers li jiġu ingaġġati mill-kuntrattur fi skala 17 u jitħallsu skont ir-rata ta’ dik l-iskala.

Residenza San Vinċenz de Paul – kondizzjonijiet tax-xogħol tal-carers

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kondizzjonijiet ta’ xogħol li għandhom il-carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, kemm dawk li jaħdmu mal-Gvern kif ukoll dawk li jaħdmu mal-kuntrattur?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ftehim tal-kundizzjonijiet tal-carers li jaħdmu mal-Gvern f’San Vinċenz de Paul qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Care and Support Workers tal-kuntrattur mhumiex impjegati tal-Gvern u l-kundizzjonijiet tagħhom jiġu speċifikati mill-kuntrattur.

Residenza San Vinċenz de Paul – kwalifiċi tal-carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiċi jrid ikollhom il-carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul, kemm dawk li jaħdmu mal-Gvern kif ukoll dawk li jaħdmu mal-privat?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-kwalifiċi tal-carers li jaħdmu mal-Gvern f’San Vinċenz De Paul huma dawn: Health Carer I: Ċertifikat jibda minn MQF Level 2 Health Carer II: Ċertifikat MQF Level 3 Senior Health Carer: tinħareġ applikazzjoni interna għal dawk il-Health Carers II fil-pussess ta’ Ċertifikat MQF Level 4 Il-Care and Support Workers li jaħdmu mal-kuntrattur hu rikjest li jkollhom ċertifikat ta’ Support Carers Course (MQF Level 3)

Residenza San Vinċenz de Paul – taħriġ lil carers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’taħriġ qed jingħata lill-carers li jaħdmu fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Jista’ jagħti d-dettalji ta’ kemm-il darba jingħata, meta jingħata u jekk dan it-taħriġ huwiex ‘ongoing’?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kull impjegat irid ikollu għarfien bażiku bħala carer f’livell mhux inqas minn MQF 3. Hemm skeda ta’ taħriġ kontinwu organizzat mit-Training Centre ta' San Vinċenz de Paul li tinkludi: 1. Sessjonijiet ta’ Taħriġ l-Ħadd – prinċipalment dawn jikkonsistu f’ refresher courses 2. On-site training jiġifieri taħriġ fis-swali fuq il-lant tax-xogħol 3. Taħriġ individwali kif ikun meħtieġ 4. Kors tad-dimensja li huwa kors immirat għal dawk l-impjegati li jkunu jridu ikabbru l-għarfien tagħhom fuq persuni bid-dimenzja. Temi li jiġu trattati frekwentement fil-programmi ta' taħriġ huma ħafna fosthom: 1. Użu ta’ tgħamir protettiv (Use of personal protective equipment) 2. Kif nikkontrallaw l-infezzjonijiet u ħasil tal-idejn adegwat (Infection control and proper Hand hygiene techniques) 3. Transferiment ta’ resident mis-sodda għal fuq pultruna eċċ u lura (Moving and handling of residents) 4. Iġjene tal-ikel (Food handling) 5. Għarfien u kura ta' feriti (Pressure ulcer awareness and use of pressure relief equipment) 6. Taħrig fuq il- kontinenza, użu tal-prodotti għall-inkontinenza u kura ta persuni li jagħmlu użu minnhom. (Incontinence Care and Care of a resident with a urinary catheter)

Taħriġ għall-carers barranin fil-lingwa Maltija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7370, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-carers kollha barranin jintalbux joqogħdu għall-‘Maltese Proficiency Test’?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità għandha fil-kuntratt li is-Service Provider irid jipprovdi minimu ta’ 25 % tal-carers matul il-jum u 10 % tal-carers matul il-lejl li huma kapaċi jikkomunikaw b’mod fluwenti kemm fil-lingwa Maltija kif ukoll f’dik Ingliża. B’hekk anzjani li ma jikkomunikawx bl-Ingliż huma żgurati li jkun hemm carers li jistgħu jikkomunikaw magħhom bil-Malti.

Residenza San Vinċenz de Paul – sodod u carers fis-swali

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ kemm hemm sodod f’kull sala fir-Residenza San Vinċenz de Paul u ta’ kemm hu n-numru ta’ carers li jaħdmu f’kull shift f’kull sala?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ sodod fis-swali jvarja minn 17 sa 38 u għaldaqstant in-numru tal-carers ġo kull sala ivarja a pari man-numru tas-sodod u anke mal-funzjoni partikolari tas-sala jiġifieri. Sala Ġenerali għandha ratio ta’ 1:5 u 1:7 jiġifieri carer wieħed għal kul ħames jew seba’ anzjani rispettivament skont il-ħin tal-ġurnata filwaqt li Sala għall persuni bid-dimensja għandha ratio ta' 1:4 il-ġurnata kollha.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — ħaddiema First Aiders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandu impjegati, fid-dekasteru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, li huma First Aiders?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’kollox hemm 469 impjegat li huma First Aiders fil-Ministeru u fid-dekasteru u entitajiet li jaqgħu taħti.

Residenza San Vinċenz de Paul — applikanti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul? Kemm hemm applikanti li qed jistennew biex jidħlu f'dar tal-anzjani fil-komunità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ anzjani li qed jistennew biex jidħlu San Vinċenz de Paul huwa 4 u li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani fil-komunità huma 1556.

Anzjani li qed jistennew biex jidħlu f’dar tal-anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma d-dati tal-applikanti li ilhom l-iktar jistennew biex jidħlu fir-Residenza San Vinċenz de Paul u/jew fi djar tal-anzjani fil-komunità?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data li ilhom jistennew biex jidħlu San Vinċenz de Paul hija 8 ta’ Marzu 2023.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva — Impjegati ġodda

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6784 dwar persuni ġodda impjegati fl-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Anzjanita Attiva, jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta' impjegati minn kull lokalità msemmija fit-tweġiba?

Response (ETIENNE ABELA, JO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.