WSC/T/118/2023 — WORKS – TRENCHING AND PIPELAYING WORKS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER BY THE WSC - CONSOLIDATION OF SEWER AND POTABLE WATER NETWORKS IN BIRZEBBUGA, PRETTY BAY AREA’ - Xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru tgħid meta ser jibdew u meta huma mistennija li jkunu kompluti, ix-xogħlijiet li għalihom inħareġ it-tender ‘WSC/T/118/2023 - WORKS – TRENCHING AND PIPELAYING WORKS IN AN ENVIRONMENTALLY FRIENDLY MANNER BY THE WSC - CONSOLIDATION OF SEWER AND POTABLE WATER NETWORKS IN BIRZEBBUGA, PRETTY BAY AREA’ inkluż is-senjalazzjoni tat-traffiku?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20817. Ninsab infurmata li għaddejjin diskussjonijiet biex jitfassal pjan dwar it-twettiq ta’ dawn ix-xogħlijiet biex isiru wkoll xogħlijiet għat-tisħiħ tad-distribuzzjoni tal-elettriku fl-istess inħawi.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19323, tista' l-Ministru tikkonferma li kull wieħed mill-istabbilimenti li jiffurmaw parti mill-kumpless tat-Teatru Rjal u/jew imissu miegħu, inkluż il-faċilitajiet kummerċjali mikrija lil privat għandhom arloġġ tad-dawl irreġistrat separatament?
Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Public Service Expo 2024 - Stands
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa l-istand tal-Ministeru tagħha fil-Public Service Expo 2024? Tista’ tgħid ukoll jekk minbarra l-istand tal-Ministeru tagħha kienx hemm stands ta’ entitajiet oħra li jaqgħu taħt il-Ministeru tagħha?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istand tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir fl-Expo 2024 ġiet tiswa €62,490 u kopriet il-parteċipazzjoni ta’ bosta entitajiet fosthom l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Ambjent Malta, il-kumpanija ARMS, Enemalta, il-Korporazzjoni għar-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, Project Green, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma u Wasteserv. F’din l-istand kien hemm esebizzjonijiet u attivitajiet interattivi dwar id-diversi oqsma li jaqgħu taħt il-Ministeru u kif dawn l-oqsma jolqtu l-ħajja ta’ kuljum tal-poplu tagħna. Permezz tal-istand tal-Ministeru tqajmet ukoll kuxjenza dwar il-ħarsien ambjentali u l-ħtieġa li kulħadd ikun parteċipi sabiex nilqgħu għall-isfidi ambjentali li qed tħabbat wiċċha magħhom id-dinja tagħna.
L-Expo tas-Servizz Pubbliku żaruha 55,000 persuna u kella t-tema ‘Ħiliet’. L-istess attività serviet ta’ tieqa għall-avvanzi li saru fl-amministrazzjoni pubblika f'dawn l-aħħar snin b’aċċenn fuq rizorsi umani, teknoloġija u kwalità.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ Stop and Compliance mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) xahar b’xahar mill-2016 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19660 u dawk preċedenti, tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proċess ta’ ratifika tal-Landscape Convention?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta’ ratifikazzjoni ta’ din il-Konvenzjoni għadu għaddej.
Tender for the provision of Monitoring and Enforcement Services for the Environment and Resources Authority
Question
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-Tender for the provision of Monitoring and Enforcement Services for the Environment and Resources Authority, li l-Awtorità operat taħtu għal dawn l-aħħar snin biex tingaġġa ħaddiema għall-monitoraġġ u infurzar?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi kopja tad-dokument mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan biex tiġi kontrollata l-popolazzjoni tal-crayfish u x’sar s’issa f’Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) f’dan ir-rigward?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal Wied il-Qlejgħa hemm fis-seħħ Ftehim ta’ Tmexxija bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), l-Awtorità għall-Enerġija u l-Ilma u Nature Trust Malta għaż-żamma u r-restawr tal-ambjent naturali tas-sit. Wieħed mill-objettivi huwa t-tneħħija ta’ speċi aljeni u invażivi mill-wied fosthom iċ-ċkala tal-ilma ħelu (crayfish). Bl-isforzi li saru matul l-aħħar sentejn tneħħew madwar 4,500 minn din l-ispeċi u l-pjan hu li dan l-isforz jibqa’ għaddej biex tkompli tiġi kontrollata l-popolazzjoni tagħha.
Tista’ l-Ministru tgħid meta ser ikun lest ix-xogħol f’Wied il-Qlejgħa (Chadwick Lakes) wara li tliet snin ilu t-triq biswit il-wied kienet ġarrbet ħsara, u issa għaddew sentejn mindu fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari simili li kienet saret dak iż-żmien kien intqal li x-xogħol kien waqaf minħabba li għamlet ix-xita fis-sajf?
Response (DALLI, MIRIAM)
Infakkar lill-Onor. Interpellant li wara l-mistoqsija parlamentari li qed jirreferi għaliha, huwa stess kien għamilli mistoqsijiet oħrajn fejn perjodikament staqsa dwar fiex wasal ix-xogħol f’Wied il-Qlejgħa u kull darba tajtu tweġiba billi spjegajt l-andament ta’ dan il-proġett. Fid-dawl ta’ dan, nirreferih partikolarment għat-tweġibiet li tajtu għall-mistoqsijiet parlamentari 11541, 14426 u 20240.
Barra minn hekk, ftit tal-ġimgħat ilu nħarġet ukoll stqarrija pubblika bejn il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi x-xogħol, li fiha wkoll ġie spjegat fiex wasal il-proġett li qed isir b’kollaborazzjoni bejn Infrastructure Malta (IM) u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma (EWA). Filwaqt li qed inpoġġi kopja ta’ din l-istqarrija fuq il-Mejda tal-Kamra, inżid li meta jitlestew ix-xogħlijiet strutturali, ikun imiss li l-mejnijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma li għaddejjin tul it-triq jiġu trasferiti fi struttura apposta li nbniet għalihom taħt it-triq u wara jsiru x-xogħlijiet finali tal-wiċċ tat-triq u l-bini mill-ġdid tal-ħajt tas-sejjieħ.
Ir-Rabat, Malta – Barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar minn meta saret mistoqsija parlamentari 6616 f’Marzu 2023 biex jieqaf l-abbuż u ma tibqax tikber il-muntanja ta’ terrapien f’barriera fil-limiti ta’ Santa Katerina, ir-Rabat (ordnijiet tal-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi: OWK0025/19)? Tista’ tgħid meta saru spezzjonijiet fuq is-sit u jekk ħarġux xi ordnijiet jew multi?
Response (DALLI, MIRIAM)
B’żieda mat-tweġiba li tajt lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari 7079, li kien għamel sussegwentement għal 6616, inżid ninformah li l-Ordni ta’ Waqfien u Konformità (OWK) li ħarġet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fuq is-sit għadha fis-seħħ. Minn Marzu 2023 sad-data tar-risposta, l-ERA wettqet 8 spezzjonijiet fil-barriera msemmija - 4 spezzjonijiet fl-2023 u 4 oħra matul l-2024.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20821 u tgħid meta hemm il-ħsieb li jitwassal in-new water fl-inħawi ta' Ħal Far u Ħal Blandun u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta ta’ kif se tkun is-sistema tad-distribuzzjoni fl-inħawi?
Ħal Far — Triq Ħal Far u ż-żona ta’ Ħal Blandun - Xogħlijiet
Question
Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 20820 u tgħid meta se jitlestew ix-xogħlijiet fi Triq Ħal Far, f’Ħal Far u fiż-żona ta' Ħal Blandun?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet min-naħa ta’ Enemalta tlestew u t-triq reġgħet ingħatat l-asfalt skont il-permess maħruġ minn Transport Malta.
Birżebbuġa – Bajja ta’ San Ġorġ – Sistema tad-drenaġġ
Question
Peress li mill-bidu tas-sajf il-Bajja ta' San Ġorġ f’Birżebbuġa kellha tingħalaq darbtejn minħabba żbroff ta' drenaġġ, tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' upgrade tas-sistema ta' drenaġġ f'dawn l-inħawi, u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra pjanti relatati ma' dan l-upgrade?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ntqal u kien rappurtat pubblikament aktar minn darba, dak li qed jirreferi għalih fil-mistoqsija tiegħu ma kienx relatat ma’ nuqqasjiet fl-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Wieħed mill-inċidenti seħħ minħabba rimi llegali li sar minn terzi u l-ieħor minħabba żbroff f’latrina pubblika. Qed npoġġji fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ rapporti li dehru fil-midja. Il-Korporazzjoni qed taħdem bla heda fuq proġett ta’ tisħiħ tan-newterk tad-drenaġġ fl-akwata kollha, bħala parti mill-Pjan ta’ Investiment Nazzjonali tagħha.
Tista' l-Ministru tgħid jekk is-sistemi attwali b’użu ta’ blajjet kbar, tal-konkos jew mill-barrieri, humiex l-aħjar għażla għax-xogħlijiet ta' riabilitazzjoni tal-idroloġija li nsibu fil-kampanja tal-bliet u l-irħula ta’ dawn il-gżejjer?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 20769.
Tista’ l-Ministru tgħid fuq liema bażi l-esperti tal-Gvern Malti u l-awtoritajiet kollha involuti għażlu s-sistemi attwali għax-xogħlijiet fil-widien flok it-teknoloġija tal-Box Gabions?
Response (DALLI, MIRIAM)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20769, ninformah li kwalunkwe intervent dirett li jwettqu l-entitatjiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir isir skont il-permessi u l-method statements approvati li f’kull ċirkostanza jieħdu kunsiderazzjoni sħiħa tal-kuntest tas-sit, is-sensittività tiegħu u s-sostennibiltà tal-intervent.
Tista’ l-Ministru tgħid fid-dettall il-vantaġġi tal-konkos, blajjet kbar tal-konkos jew blajjet tal-ġebel tal-franka fix-xogħol tal-widien u rdumijiet meta pparagunati mat-teknoloġija tal-Box Gabions?
Offshore floating windfarms — Sejħa għal investiment
Question
Tista’ l-Ministru tgħid f’liema stadju wasal il-proċess biex tiġi ppubblikata sejħa għal investimenti f'sistemi ta’ offshore floating windfarms fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta? Tista’ tgħid ukoll jekk il-Gvern hux qed jagħmel investiment fl-infrastruttura pubblika bi preparazzjoni għal dawn il-proġetti u oħrajn simili tagħhom, ġaladarba t-teknoloġija ta’ offshore floating windfarms ingħatat prominenza kbira fil-konsultazzjoni pubblika ‘National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy’?
Response (DALLI, MIRIAM)
F’dawn l-aħħar xhur, ix-xogħol ta’ preparazzjoni għas-sejħa għal investimenti f'sistemi ta’ offshore floating windfarms fiż-żona esklussiva ekonomika ta’ Malta baqa’ għaddej b’ritmu konsistenti. Wara li ġew identifikati sitt żoni potenzjali għall-iżvilupp ta’ teknoloġija rinnovabbli fin-National Policy for the Deployment of Offshore Renewable Energy, din il-policy ġiet suġġetta għal Strategic Environmental Assessment (SEA).
Is-sitt żoni ġew sussegwentement studjati minn konsulenti tekniċi, li permezz ta’ desktop studies, iddeterminaw il-parametri tal-proġett, inklużi s-siti l-iktar vantaġġjużi ekonomikament u li jimminimizzaw l-impatt ambjentali. Ġiet analizzata wkoll il-maturità tat-teknoloġiji varji għall-fond tal-ibħra Maltin biex tinstab l-iktar teknoloġija adattata għas-siti stabbiliti.
B’hekk, issa ġew identifikati żewġ siti biex wara sejħa pubblika wieħed minnhom ikun utilizzat biex tiġi ġġenerata l-enerġija rinnovabbli mir-riħ. Bħalissa għaddej studju marittimu fuq il-batimetrija ta’ dawn iż-żewg siti u r-riżultati ġeofiżiċi se jkunu annessi fid-dokumenti tal-proċess kompettitiv. Dawn l-istudji, li jridu jkunu ulterjorment kollaborati b’analiżi ġeotekniċi u ġbir ta’ informazzjoni lokali, huma meħtieġa biex jitnaqqsu l-inċertezzi u r-riskji tekniċi u finanzjarji minn fuq il-proġett.
Interconnect Malta bdiet stħarriġ ġeofiżiku ta’ żoni speċifiċi fiż-Żona Ekonomika Esklussiva (EEZ) ta’ Malta. L-istħarriġ, permezz ta’ vapur mgħammar apposta, għandu l-għan li jfassal il-batimetrija, jiddentifika il-karatteristiċi tal-qiegħ tal-baħar, oġġetti antropoġeniċi, u jiġbor informazzjoni sismika ta' kwalità għolja minn qiegħ il-baħar. Dan l-istħarriġ huwa parti mill-investiment kontinwu mwettaq mill-Gvern Malti biex iħeġġeġ il-ġenerazzjoni ta' elettriku minn sorsi rinnovabbli. Barra minn hekk, entitajiet tal-gvern, fosthom Enemalta u Interconnect Malta qegħdin jikkollaboraw flimkien sabiex l-investiment fl-infrastruttura pubblika meħtiega għal dawn il-proġetti tkun lesta fiż-żmien opportun, u b’hekk l-enerġija ġġenerata minn wieħed minn dawn is-siti tkun trid tiġi distribwita fil-grid lokali.
Tista’ l-Ministru tagħti iżjed tagħrif dwar il-kundizzjonijiet ta’ indafa, in-numru ta’ magni, u disponibbiltà tal-magni li l-Gvern fil-ftehim li għamel mal-privat rabat bihom lill-operatur privat li jħaddem l-iskema bħal tal-BCRS? Tista’ tispjega jekk dawn l-obbligi humiex kwantifikabbli u tanġibbli biżżejjed li jistgħu jiskattaw xi forma ta’ infurzar jew penali jekk joħroġ illi skont l-obbligi imposti fuqu, l-operatur qiegħed jonqos li jagħti servizz denju?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li n-numru ta’ magni (RVMs) li hawn installati madwar Malta u Għawdex huwa ta’ 342. Dawn jinkludu tmien magni li fihom wieħed jista’ jiddisponi minn kontenituri tal-plastik f’daqqa (in bulk), waqt li qegħdin isiru l-preparamenti neċessarji biex tigi installata d-disa’ magna ta’ dan tip f’Għawdex. Id-disponibbiltà tal-magni hija regolata mill-Ftehim tal-Liċenzjar, li jistipula li 80% tal-magni jridu jkunu operattivi mit-Tnejn sas-Sibt bejn it-8:00 am u s-7:00 pm, filwaqt li, fil-ħinijiet l-oħra, d-disponibbiltà għandha tkun ta’ mhux inqas minn 10%. Ir-Regolatur tal-Iskema jissorvelja s-servizz offrut mill-magni biex jiżgura li s-servizz mogħti mill-Operatur Liċenzjat jeċċedi dawn l-obbligi vis-à-vis d-disponibbiltà. Fil-fatt, ninsab infurmata li l-livelli minimi stabbiliti fil-ftehim qed jintlaħqu. Fejn imbagħad jirrigwardja l-indafa, ninsab infurmata li l-Operatur Liċenzjat għandu ftehim mad-diviżjoni tat-tindif kif ukoll m’operaturi privati oħrajn sabiex jiġi żgurat li l-indafa tal-madwar u l-viċinanzi tal-magni tingħata priorità. Fil-fatt, isir knis u ħasil tal-magni kemm minn barra u minn ġewwa, u li l-frekwenza tiżdied fix-xhur tas-sajf.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu rapporti ta’ ħsarat relatati mar-Reverse Vending Machines (RVMs) mill-ġurnata li bdiet titħaddem l-iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Il-ħsara li potenzjalment jista’ jkollhom il-magni (RVMs) hija responsabbiltà tal-Operatur Liċenzjat tal-Iskema għar-Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb. Ninsab infurmata li minn informazzjoni li ġabret l-aġenzija Circular Economy Malta mingħand l-operatur, bejn Lulju 2023 u Settembru 2024, dan irċieva 3,691 ilment relatati ma’ ħsarat u dawn jinkludu lmenti li setgħu saru minn sorsi differenti dwar l-istess ħsara. L-aġenzija kienet infurmata li l-operatur, minħabba limitazzjonijiet tekniċi ta’ natura ta’ klassifikazzjoni tal-ilmenti, li kienet ġiet innutata u indirizzata sa Mejju 2023, ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-informazzjoni relattiva għall-perjodu Novembru 2022 u Ġunju 2023.