Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tas-Sliema - Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant'Agata – Qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qed iwassal biex numru ta' djar fl-inħawi ta' Triq San Ġwann il-Battista u Triq Sant' Agata f’Tas-Sliema, qed jinqagħtalhom id-dawl b'mod frewkenti, madwar tliet darbiet f'xahar, inkluż okkażjoni fejn ir-residenti damu 17-il siegħa mingħajr enerġija? Tista' tgħid ukoll meta hu ppjanat li din il-problema tissolva għal kollox?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fit-toroq indikati, l-qtugħ fil-provvista kien skont ma jiġri f’ċirkostanzi normali, jew minħabba ħsarat lokalizzati li jinqalgħu minn żmien għal żmien, jew inkella s-sospensjonijiet tas-servizz kienu ppjanati biex issir manutenzjoni li tkun meħtieġa perjodikament u li jitħabbru minn qabel. F’kull każ, l-Enemalta tagħmel l-almu kollu biex is-servizz jerġa’ lura għan-normal fl-inqas ħin possibbli. Infurmata wkoll li fir-rigward taċ-ċirkostanza partikolari li qed issir referenza għaliha fil-mistoqsija, l-ħsara dak inhar ġrat kaġun tal-maltempata ‘Harry’ li laqtet lill-pajjiż fejn ġew ikkawżati numru ta’ ħsarat bir-riħ qawwi fuq l-linji tat-triq. Madankollu, it-tiswijiet setgħu jiskattaw biss kif naqset il-forza tar-riħ biex tkun imaħrsa s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema minħabba li biex issir it-tiswija kien hemm bżonn li jintużaw ‘cherry pickers’. Ladarba l-maltemp beda jnaqqas, inbeda x-xogħol u ngħatat lura l-provvista tal-elettriku.

Nefqa PR u Marketing - Project Green

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tispjega kif qed jitkejjel is-suċċess ta' investiment qawwi fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studju jew informazzjoni li turi li din in-nefqa qed tagħti riżultati tanġibbli u proporzjonati għas-somma li l-Gvern qed joħroġ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li iktar ma jinfetħu spazji miftuħa ġodda, iktar ma ssir konsultazzjoni dwar proġetti differenti u iktar ma jkunu organizzati attivitajiet, kif spjegat fi tweġiba 33119, iktar l-informazzjoni għall-pubbliku hija importanti. L-effettività ta’ dawn il-kampanji tirriżulta mill-fatt li r-rispons għall-inizjattivi ta’ Project Green qed ikun wieħed tajjeb, il-parteċipazzjoni fil-konsultazzjoni hi waħda wiesgħa u l-attivitajiet li jsiru jkunu suċċess.

Project Green - Nefqa PR u Marketing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33119, tista’ l-Ministru tagħti break down dettaljat ta' kif kienet imqassma n-nefqa minn Project Green ta’ kważi €627,000 f'informazzjoni, u speċifikament kemm intefqu fuq reklamar fil-mezzi tax-xandir, kemm fuq il-midja soċjali, u kemm fuq materjal stampat? Tista' tindika wkoll min kienu l-benefiċjarji ta' dawn il-pagamenti (kumpaniji, aġenziji jew individwi) u tgħid jekk dawn intgħażlux permezz ta' tenders jew direct orders?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Project Green - Marketing

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tan-nefqa fil-marketing u PR mill-aġenzija Project Green mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-marketing u l-PR minn Project Green, għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija, ammonta għal €17,895 (eskluża l-VAT).

ARMS - Qari tal-meters

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 33857 u tgħid kemm hu n-numru ta’ meters li l-qari tagħhom jasal regolari b’mod awtomatiku għand l-ARMS?  Tista’ tgħid ukoll kemm hu n-numru ta’ meters li l-konsumaturi jridu jagħtu l-qari tagħhom huma jew jistennew meter reader?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Birkirkara - Triq l-Imsida - Xogħlijiet fuq il-culvert

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex culvert fi Triq l-Imsida (il-parti li tagħti għal Triq Mannarino) ma kienx komplut u lest mill-Enemalta meta kienu qed isiru xogħlijiet mill-istess entità ftit tal-ġimgħat ilu fl-istess triq u b’konsegwenza ta’ hekk, kellu jitranġa mill-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet li saru mill-Enemalta biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni bit-tqegħid ta’ cables ġodda taħt l-art, bl-ebda mod ma affettwaw il-culvert fit-triq indikata. Il-culverts mhumiex responsabbiltà tal-Enemalta.

BCRS – Fliexken li ma ġewx imsarrfa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm fliexken li ma ġewx imsarrfa fil-magni BCRS fl-2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fis-sena 2025 tqiegħdu fis-suq madwar 283 miljun kontenitur taħt l-iskema tal-BCRS. Ir-rata ta’ ġbir ikkonfermata mill-operatur hija li aktar minn 85 fil-mija ta’ dawn ġew aċċettati mill-magni tal-BCRS, b’numru ekwivalenti ta’ vouchers maħruġa. Ir-rata ta’ rimbors tal-vouchers qabżet ukoll it-98 fil-mija. Ninsab infurmata wkoll li l-magni tal-BCRS jirreġistraw biss in-numru ta’ tentattivi miċħuda (reject attempts). Dan għaliex kontenitur wieħed jista’ jiġi ppruvat diversi drabi, jew jiġi miċħud f’magna u mbagħad aċċettat f’oħra. Ir-rati ta’ ġbir u rimbors juru li l-iskema qed taħdem b’mod effiċjenti u mpenjati biex din tkompli tittejjeb. Nirringrazzja lill-pubbliku għall-kollaborazzjoni tiegħu u nħeġġeġ biex flimkien inkomplu nagħmlu użu sħiħ mis-sistema tad-depożitu, inkluż is-servizz speċjali provdut lil persuni anzjani u persuni vulnerabbli permezz tad-Diviżjoni tal-Indafa u l-Manutenzjoni.

Project Green – Ġonna ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-ġonna ppjanti li jinfetħu minn Project Green fis-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 33918, ninforma lill-Onor. Interpellant li anke matul din is-sena, l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għaddejjin b’ħidma fuq diversi proġetti li jvarjaw minn dawk ta’ skala nazzjonali bħal parks u proġetti ta’ afforestazzjoni għal oħrajn fil-komunità, bħalma huma ġonna u spazji miftuħa ġodda fil-lokalitajiet. Huwa mmirat li matul din is-sena jitlestew numru sabiħ ta’ proġetti oħrajn li mistennija jinkludu dak tar-Riserva Naturali tas-Simar (San Pawl il-Baħar), Ġnien Dun Nicholas Cachia (Siġġiewi), Ġnien Misraħ Karmelitani (Żurrieq), estensjoni tal-Park tal-Familja f’Bengħajsa (Birżebbuġa), Ġnien il-Larinġ (Ħal Lija), Ġnien il-Madonna tal-Vitorja (Pembroke), Park tal-Mitħna (Mqabba), Park ta’ Baħar iċ-Ċagħaq (Naxxar), Ġnien il-Koppin (Ħal Kirkop), Ġnien Għarram (Ħaż-Żebbuġ), Ġnien iż-Żgħożija (Imtarfa), Ġnien it-Tabib Mario Tabone (Swieqi), Għaxaq Picnic Site (Ħal Għaxaq), Rainwater Harvesting Park (Għajnsielem), parti minn Park l-Inħawi (Fgura), proġett f’Għajnsielem u ieħor f’San Ġiljan li qed isiru bħala parti mill-Iskema ta’ Tħaddir Urban għall-Kunsilli Lokali, Proġett Silva f’żewġ żoni afforestati fl-Aħrax ta’ Ġewwa u l-Miżieb (Mellieħa), xogħlijiet ta’ tisbiħ fiż-żona Saver Zarb f’San Ġiljan, fil-Barrakka ta’ Fuq u fil-Barrakka t’Isfel, Roof Garden fuq il-binja tal-Liċeo l-Ħamrun, Ċentru tal-Vizitaturi (Marfa), ġnien u spazju miftuħ fid-daħla tal-Birgu u l-proġett ta’ Green Living Hub Malta (Ħaż-Żebbuġ).

Project Green – Ġonna ġodda

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tal-ġonna ġodda kollha li ġew inawgurati fl-2025 minn Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32727, inżid ninfurmah li l-proġetti li saru mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Ambjent, mill-bidu tal-leġiżlatura sa tmiem l-2025, ammontaw għal 68 proġett differenti madwar il-pajjiż. Sa tmiem is-sena, tlestew ukoll il-proġetti ta’ Ġnien tal-Fuklar f’Ħ’Attard, Wied ta’ Ġnien Ħira fl-Imdina, Ġnien tal-Famlija f’Ħal Għaxaq u tlesta wkoll ir-Razzett tat-Tfal (ċentru edukattiv biex jippromwovi s-sostenibbiltà) fi Ġnien Romeo Romano f’Santa Venera.

Ir-Rabat, Malta – Dwal fiż-żona tal-Lunzjata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta ser jerġa’ jinxtegħel id-dawl fejn id-dar tal-irtiri fil-Lunzjata, fil-limiti tar-Rabat?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ħsara inkwistjoni kienet ikkawżata mill-maltempata ‘Harry’ u l-Enemalta diġà għamlet it-tiswijiet meħtieġa.

Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa - Laqgħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għal liema laqgħat attendiet fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Ewropa u dawk li mistennija tattendi għalihom f’dawn l-ewwel sitt xhur tas-sena 2026?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa din is-sena,  attendejt għal-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent li saret f’Ċipru fil-5 u s-6 ta’ Frar. Għax-xhur li ġejjin, kif diġà spjegajt diversi drabi, bħala prassi u sa fejn ikun possibbli, jien ser nattendi l-laqgħat kollha li jsiru fi ħdan l-Unjoni Ewropea u li jkunu intenzjonati għall-Ministri responsabbli mit-temi partikolari tal-portafoll ministerjali tiegħi.

Segretarjat għall-Indafa Pubblika – Direct orders ta’ inqas minn €5,000

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 maħruġa mis-Segretarjat Parlamentari għall-Indafa Pubblika, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, matul Diċembru 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33928.

Xrobb l-Għaġin - Park Naturali - Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema xogħlijiet ġew esegwiti fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin matul is-sena 2025?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, matul is-sena 2025, ix-xogħlijiet li saru fil-Park Naturali ta’ Xrobb l-Għaġin, f’Marsaxlokk, kienu varji u ffukati fuq il-konservazzjoni ambjentali, ir-restawr strutturali, u l-modernizzar infrastrutturali.  Saru xogħlijiet fuq il-ġestjoni ekologika tal-park, fejn tħawwlu diversi siġar u arbuxelli, ittejbet is-sistema tal-irrigazzjoni, qtugħ tal-ħaxix, żbir tas-siġar, restawr tal-ħitan tas-sejjieħ, tneħħija ta’ pjanti invażivi u tisbiħ ġenerali fiż-żoni tal-pikniks. Flimkien mal-isforzi ambjentali, saru interventi fuq l-assi strutturali tal-park fejn saru titjib u manutenzjoni meħtieġa. L-interventi li saru ġewwa s-sala tal-konferenzi u l-hostel, jinkludu installazzjoni ta’ diversi units tal-arja kundizzjonata, fannijiet ġodda, tibdil ta’ hand dryers, tneħħa l-membrane qadim minn fuq is-saqaf tas-sala tal-konferenzi u tpoġġa ieħor ġdid, tibdil ta’ madum, tikħil u tibjid f’diversi partijiet u kmamar ġewwa l-binjiet. Jikkumplimenta dan ix-xogħol saru interventi ta’ manutenzjoni fuq il-bordijiet tad-distribuzzjoni ewlenin li jipprovdu provvista tal-elettriku lill-park kollu u għall-proġett tat-tempju ta’ Heritage Malta, kif ukoll manutenzjoni tal-plumbing. Proġetti ta’ konservazzjoni notevoli nkludew ukoll it-tisħiħ strutturali ta’ tank ġdid għall-fkieren u beda x-xogħol fuq is-sistema ta’ filtrazzjoni tal-ilma baħar biex isir rimi tiegħu b’mod sostenibbli u skont il-permessi fis-seħħ. Dawn ix-xogħlijiet ekoloġiċi u strutturali kienu akkumpanjati minn rondi tas-sigurtà ta’ kuljum u minn programm edukattiv estensiv għall-iskejjel kif ukoll żjarat għall-pubbliku ġenerali.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Strateġija biex jiżdied it-teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-istrateġija tal-ministeru biex jiżdied it-teleworking sabiex jissaħħaħ il-kunċett ta’ work-life balance u jitnaqqas it-traffiku?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 33366.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Entitajiet li ma jippermettux teleworking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema entitajiet governattivi fi ħdan il-ministeru ma jippermettux teleworking u x’inhi r-raġuni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33391.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Teleworking – Medja ta’ sigħat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma l-entitajiet fil-ministeru li jaqgħu taħtha li jippermettu teleworking u x’inhi hi l-medja tan-numru ta’ sigħat ta’ teleworking fil-ġimgħa f’kull entità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru li jien responsabbli minnu, fejn huwa possibbli u x-xogħol jippermetti, jadottaw miżuri ta’ prattiki tax-xogħol moderni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata.

Charging Points li kienu jintużaw mill-Kumpanija GOTO

Question

Fid-dawl ta’ nuqqas ta’ stazzjonijiet tal-iċċarġjar għal vetturi elettriċi, tista’ l-Ministru tgħid għaliex mhumiex qed jintużaw il-pilastri tal-iċċarġjar li kienu jintużaw mill-kumpanija GOTO, li waqqfet l-operat tagħha f’Settembru 2022, u li minnhom hawn aktar minn 400 pilastru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-pilastri tal-iċċarġjar li kienu tal-kumpanija GOTO jammontaw għal 69 u mhux “aktar minn 400 pilastru”, kif qed jgħid l-Onor. Interpellant. Ninformah li l-Climate Action Authority ħadmet ma’ Transport Malta biex il-pilastri li kienu mmexxijin mill-GoTo jgħaddu għandha, biex wara li jsiru t-tiswijiet u l-kordinamenti meħtieġa, jkunu jistgħu jintużaw.  Dawn il-pilastri, għaddew għand il-Climate Action Authority f’Jannar.  L-Awtorità issa se tibda l-preparamenti meħtieġa biex dawn il-pilastri jkunu jistgħu jibdew jintużaw.

Wied Speranza - Żona bejn il-Kappella tal-Isperanza u l-pont ta’ Triq Kostituzzjoni – Xogħlijiet skedati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan jew skeda ta’ xogħlijiet għall-parti ta’ Wied Speranza li għadha teħtieġ intervent, partikolarment iż-żona bejn il-Kappella tal-Isperanza u l-pont ta’ Triq Kostituzzjoni, u x’passi qed jittieħdu biex din il-parti tiġi riabilitata wkoll?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li biex inkomplu nipprevjenu t-tixrid ta’ speċi invażivi miż-żona ta’ fuq tal-wied lejn iż-żoni t’isfel ta’ Wied Speranza, bħalissa qed tingħata prijorità lill-interventi f’Wied il-Qlejgħa, Qegħdin isiru l-istudji neċessarji biex jiġu identifikati l-interventi meħtieġa, kif ukoll il-livell ta’ intervent xieraq għaż-żona indikata. L-ippjanar ta’ dawn l-interventi huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ “upstream to downstream”, biex l-ekosistema tas-sit tibqa’ prijorità u l-interventi jkunu preventivi aktar milli korrettivi.

Wied Speranza - Investiment

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’ammont ta’ investiment sar fil-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Speranza u kif tqassam dan l-investiment?  Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx fondi allokati għall-manutenzjoni kontinwa tal-wied fil-futur?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 33954, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proġett ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Speranza sar b’investiment ta’ €845,616 (mingħajr VAT), li parti minnu kien kofinanzjat minn fondi Ewropej. Il-proġett huwa kopert bi ftehim ta’ manutenzjoni għal ħames snin.

Wied Speranza - Proġett ta’ Riabilitazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex kien jikkonsisti l-proġett ta’ riabilitazzjoni li tlesta f’Wied Speranza, u tagħti informazzjoni fid-dettall tax-xogħlijiet ambjentali, infrastrutturali u l-miżuri ta’ protezzjoni li saru?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għal stqarrija (PR252054) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar id-19 ta’ Novembru 2025, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.