Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Artijiet – konsulenti mqabbda biex jagħtu servizz jew konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti mqabbda biex irendu servizz u/jew konsulenza lill-Awtorità tal-Artijiet mill-2016 sad-data tal-lum, għalxiex kienu hekk imqabbda, xi ħlas ingħataw, il-kopji ta’ kuntratti pertinenti u t-timesheets li ġew provduti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex, kif diġà ggwidajtu fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 20618, “F’dak li jirrigwardja l-Awtorità tal-Artijiet...jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.”

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Position of trust

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li jokkupaw Position of trust fil-Ministeru jew xi entità li taqa taħtu? X’inhu l-valur annwali tal-kuntratt ta’ kull individwu? Meta bdew il-kuntratti tagħhom u meta jiskadu dawn il-kuntratti b’mod individwali?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja (persons of trust jew positions of trust) fil-Ministeru, inkluż ukoll is-Segretarjat Parlamentari, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.

Japanese Hornet — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu dwar l-invasive insect species Japanese Hornet?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għalkemm fil-midja jingħad bi żball li din l-ispeċi hija waħda aljena jew barranija, dan mhux il-każ. Iż-żunżan il-bagħal, Vespa orientalis, bl-Ingliż Oriental Hornet, mhux speċi aljena jew barranija imma speċi indiġena li minn dejjem kienet tinsab hawn Malta u hija adattata għall-ambjent tagħna u hija ta’ ġid għaliex tikkontrolla numru ta’ annimali oħra, li jinkludu insetti invażivi bħall-ġurati, li jistgħu jagħmlu ħsara lill-agrikultura. Għaldaqstant m’hemmx bżonn ta’ pjanijiet biex din tiġi ikkontrollata jew meqruda fis-selvaġġ għaliex hija parti mill-bijodiversità u l-identità ta’ Malta.

San Pawl il-Baħar — Żona tas-Simenta - ħsara fil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jara b’urġenza li issir investigazzjoni mill-ERA fuq dak li qed iseħħ fiż-żona tas-Simenta f’San Pawl il-Baħar u li jittieħdu l-passi meħtieġa biex ma’ tkomplix issir ħsara lill-baħar tal-madwar hekk kif jidher fir-ritratt anness?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ li qiegħed jagħmel referenza għalih digà ġie nvestigat u x-xogħol għadu taħt sorveljanza filwaqt li nħarġu multi minħabba nuqqassijiet u non-osservanza tal-kundizzjonijiet tal-permess ambjentali. Aktar kmieni dan ix-xahar ix-xogħol twaqqaf minħabba li l-ilqugħ li kien hemm fil-baħar ma kienx effettiv bil-konsegwenza li materjal inxtered fil-baħar. Il-kuntrattur ġie ordnat ukoll biex jinstalla silt curtain kif speċifikat u addattata.

Inclusion Fund – flus minn applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20881 u jgħid kemm daħlu flus fl-Inclusion Fund imsemmija fiċ-ċirkulari MEPA 2/14 mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, murija sena b’sena u li jiġu murija wkoll individwalment in-numru tar-referenza ta’ kull applikazzjoni li dwarha sar pagament, u l-ammont u d-data ta’ meta l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet l-istess pagament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari 20881 twieġbet diġà u l-informazzjoni mitluba tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra nhar l-10 ta’ Mejju 2021.

Tajr ibbalzmat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20979 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru konċernat.

Planning Authority – Awditur – lmenti minn ċittadini Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il awditur tal-Awtorità tal-Ippjanar kellu lmenti minn ċittadini Maltin u Għawdxin? Kemm ġew deċi¿i mill-2013 sal-2020? Kemm hemm pendenti?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Awditur tal-Awtorita tal-Ippjanar gie mahtur fl-2017. Sal-2020 dahlu 21 ilment mill-publiku li mhux bilfors kienu indirizzati direttament lill-Awditur. Minn dawn, 18 gew deciżi, filwaqt li 3 ghadhom pendenti.

Dwelling Units — kategorizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dwelling units (flat, maisonette, terraced house, farmhouse, villa, etc.) li ġew approvati sena b'sena mill-2010 sal-2020 u kif dawn huma kategorizzati (one bedroom, two bedroom, three bedroom jew iżjed)?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li nixtieq ninfurmak li l-Awtorità ma żżommx rekord tan-numru ta' kmamar tas-sodda approvati. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella l-informazzjoni l-oħra mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16747, jista’ l-Ministru jgħid, minħabba li l-flus mogħtija mill-Awtorità għall-Ippjanar (€4,043) lill-Marigold Foundation huma fondi pubbliċi, dawn il-flus kif intnefqu mill-istess Marigold Foundation?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari li għamlet hi stess bin-numru 16747.

Proġett ta’ Afforestazzjoni tal-Iswatar u Mini Buskett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitnedew il-proġetti ta' afforestazzjoni li tħabbru mill-Ministru għall-Ambjent fl-2017 u li kellhom jikkonsistu f'żewġ proġetti ta’ afforestazzjoni fl-Iswatar ta’ 28,000 metru kwadru u 8000 metru kwadru rispettivament u proġett ieħor fiċ-Ċentru ta' Malta li kellu jsir "Mini Buskett"? Min huma l-membri tal-kumitat li kienu nominati jistudjaw dawn is-siti u jista’ jippreżenta kopja tax-xogħol tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward taż-żona tas-Swatar, sar diġà xogħol ta’ afforestazzjoni li dettalji dwaru kienu ngħataw fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 9136. Iż-żona kkonċernata ġiet ridimensjonata għal madwar tmint elef (8000) metru kwadru u dan għax fuq il-kumplament tal-art kien hemm kwistjonijiet relatati mas-sjieda u t-titlu. Fuq dan il-proġetti ma nħatar l-ebda kumitat iżda t-tħejjijiet u x-xogħlijiet meħtieġa twettqu kollha minn Ambjent Malta. Min-naħa l-oħra, l-proġett fiċ-ċentru ta’ Malta kien spjegat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 11067. Dwar l-aħħar żviluppi fuq dan il-proġett, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar – smigħ tal-appelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex it-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar mhux qed jiffunzjona u ilu ma jisma’ appelli għal iktar minn xahar? Meta hu mistenni li dawn l-appelli jibdew jinstemgħu?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif jaf tajjeb, f’Marzu li għadda, f’din il-Kamra tressaq abbozz ta’ liġi li jemenda l-Att dwar it-Tribunal ta' Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, liema emendi daħlu fis-seħħ permezz tal-Att XXI tal-2021 li għadda fis-26 t’April. Sussegwenti għal dawn l-emendi setgħu isiru l-ħatriet meħtieġa li notifika dwarhom dehret fil-Gazzetta tal-Gvern tas-7 ta’ Mejju. Dawn l-iżviluppi ppermettew li t-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar jissokta bil-ħidma tiegħu b’mod immedjat.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — Ingaġġ ta’ impjegati ġodda fis-settur pubbliku mill-Entitajiet u awtoritajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda fis-settur pubbliku, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, sena b'sena, mill-2013 sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw f’din il-leġiżlatura għall-PQs 12908 u 18171.

Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar — impjieg, tender jew direct order lill-persuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu tawx xi impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-2013 s’issa? Jekk iva, x’inhu l-irwol tagħha u kemm tħallset għal dan ix-xogħol?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-2013 s’issa, mill-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ma ngħata l-ebda impjieg, tender jew direct order lill-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament. Għaldaqstant it-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari hija nil.

Inclusion Fund – flus minn applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu flus fl-Inclusion Fund imsemmija fiċ-ċirkulari MEPA 2/14 mis-sena 2014 sad-data li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, murija sena b’sena u li jiġu murija wkoll individwalment in-numru tar-referenza ta’ kull applikazzjoni li dwarha sar pagament, u l-ammont u d-data ta’ meta l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet l-istess pagament?

Response (FARRUGIA, AARON)

Qieghed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miltuba.

Amministrazzjoni tal-Bajja tar-Ramla l-Ħamra

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Parlament, min qed jamministra l-Bajja tar-Ramla l-Ħamra fil-preżent? Kif qed jiġu protetti s-sand dunes u t-trunċiera li jinsabu f'din il-bajja?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lil Onor Interpellant li l-amministrazzjoni tal-bajja tar-Ramla l-Ħamra ġewwa Għawdex kienet tagħmel parti min ftehim ma’ eNGO li skada f’ Diċembru 2020. Il-Ministeru flimkien mal- Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA u Ambjent Malta fasslu ftehim ġdid li jindirizza l-immaniġjar ta’ dan is-sit li jinkudi wkoll l-protezzjoni ta’ sand dunes u li jorbot l-obbligi li hemm taħt l-management plan għal dan il-post. Dan il-ftehim ser ikun qed jiġi iffirmat ma’ eNGO ambjentali kif jintemmu dawn in-negozjati.

Studji dwar ir-rilokazzjoni tat-Tankijiet mill-Kalkara għal Marsa

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, studji li saru dwar ir-rilokazzjoni tat-tankijiet ġewwa Ricasoli fil-Kalkara għal Marsa u ma’ liema entitajiet saret il-konsultazzjoni pubblika?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li t-tagħrif se jingħata f’xi seduta oħra.

Awtorità tal-Ippjanar – annual report

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta kopja tal-annual report tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2020 fuq il-Mejda tal-Kamra, kif ukoll l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li kopja tal-annual report tal-Awtorità tal-Ippjanar tas-sena 2020, kif ukoll l-estimi finanzjarji tal-Awtorità tal-Ippjanar ser jiġu preżentati fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif stabbilit mill-Att dwar l-Ippjanar tal-Izvilupp, Kap 552.

Awtorità tal-Ippjanar – kawżi pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti kontra l-Awtorità tal-Ippjanar mis-sena 2013 - 2020? Kemm minn dawn il-kawżi ġew deċiżi sal-2020? Kif ukoll kemm kienu dawk il-kawżi li ġew irtirati mill-Awtorità u fuq liema bażi? X’inhi l-pożizzjoni tal-kawżi pendenti li għandha l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (FARRUGIA, AARON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

EPRT — deċiżjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni kif deċiżjonijiet meħuda mill-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) kontra petizzjonijiet mill-multa ta’ kuljum imposti minn avviż ta infurzar skont Reg. 5 tal Avviż Legali 276 tas-sena 2012, mhux qegħdin fuq il-website tal-Awtorità tal-Ippjanar 'available to public'?

Response (FARRUGIA, AARON)

Filwaqt li infakkar li l-Environment and Planning Review Tribunal (EPRT) huwa indipendenti mil-Awtorità tal-Ippjanar, ninsab infurmat li t-Tribunal beda proċess sabiex tkun aġġornata l-websajt tiegħu u meta din tkun lesta iktar tard din is-sena din ser tkun qed tinkorpora l-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet kontra petizzjonijiet mill-multa ta’ kuljum imposti minn avviż ta infurzar skont Reg. 5 tal Avviż Legali 276 tas-sena 2012. Sadanittant tali decizjonijiet huma aċċessibli fir-reġistru tat-Tribunal u anke jekk issir talba b’permezz ta’ email.