Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — Demel likwidu tal-baqar mill-farms

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li f’dawn l-aħħar ġimgħat, id-demel likwidu tal-baqar mill-farms ta' Għawdex ma ttieħidx ġewwa l-premises tal-Wasteserv li jinsabu ġewwa tal-Kus fix-Xewkija, Għawdex?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li is-sistemà li biha kien qiegħed jingabar id-demel likwidu tal-baqar u majjal ġo Għawdex, li kien jigi ttrattat minn kuntrattur privat li kien armat biswit l-impjant tal-Wasteserv ġo tal-Kus fix-Xewkija kienet waħda temporanja. Sadanittant, daħlu fis-seħħ miżuri oħrajn biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata.

Wied Fulija — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra meta se jibdew ix-xogħlijiet ta’ riabilitazzjoni ta’ Wied Fulija li għandhom isiru minn Wasteserve?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ rijabilitazzjoni ta’ Wied Fulija se jibdew appena jinħareġ l-executable permit mill-Awtorità tal-Ippjanar. F’dan l-istadju, il-proġett ġie approvat u s’issa nħareġ non-executable permit minħabba li l-Awtorità tal-Ambjent (ERA) talbet li jsiru numru ta’ testijiet fuq il-ħġieġ li jinsab f’din il-landfill. Is-samples tal-ħġieġ ittieħdu diġà u hekk kif jiġu analizzati r-riżultati, dawn sejrin jiġu sottomessi lill-ERA. Nifhmu li malli l-ERA tkun sodisfatta mir-riżultati, ikun jista’ jinħareġ l-executable permit mill-Awtorità tal-Ippjanar. Sadanittant, ġie ffirmat il-kuntratt mal- Joint Venture li ħa tkun qed twettaq ix-xogħlijiet. Bħalissa l-kuntrattur qed jagħmel is- surveys neċessarji fuq is-sit kif ukoll xi studji oħra. Malli joħroġ il-permess, ikun jista’ jibda x-xogħol minnufih. Hu maħsub li x-xogħol se jibda għal nofs din is-sena.

Fish Farms – input u output ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar x’kien l-input u l-output ta’ tonn li kull fish farm tat-tonn immaniġġja rispettivament f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena għal kull fish farm tat-tonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Wied is-Sewda – investigazzjoni mill-ERA

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8901, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu tal-investigazzjoni li saret mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) u jista’ jgħid x’passi ttieħdu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ minn naħa tal-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi għadhom għaddejjin. Intalbet ukoll informazzjoni minn entitajiet oħrajn peress li hu maħsub li jistgħu jitfgħu iżjed dawl fuq l-investigazzjoni.

Wied Qirda – triq irregolari

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8590 u ċjoè: B’referenza għat-triq irregolari ġo Wied Qirda li ngħatat wiċċ tat-tarmak meta kienet diġà rregolari għax timblokka l-wied, kif ukoll intefa’ aktar radam biex titwessa’ t-triq kif jidher fir-ritratti li qed jingħataw separtament, jista’ l-Ministru jgħid xi protest għamlet l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) mal-Awtorità tal-Ippjanar dwar dan? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-korrispondenza dwar dan is-suġġett?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ dan is-suġġett, ir-relazzjoni kienet bejn Infrastructure Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi. Fil-fatt, Infrastructure Malta infurmat lil Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi li kien se jsir xogħol fuq din it-triq kif dejjem jintalab mill-Awtorità fi proġetti simili.

ERA – passi kontra bejgħ ta’ siġar invażivi

Question

Wara li ġew ippubblikati kemm regolamenti dwar il-ħarsien tas-siġar, kif ukoll numru ta' linji gwida fejn f'kollha jissemmew siġar invażivi, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi qed jittieħdu biex l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tara li l-ispeċi li huma msemmija u meqjusa bħala siġar li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent naturali Malti, ma jibqgħux jiġu mibjugħa? Jista' jinforma lill-Kamra kemm ittieħdu passi mill-ERA sa issa f'dan ir-rigward?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara l-pubblikazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Ħarsien tas-Siġar u l-Imsaġar fl-2018, kif ukoll il-Linji Gwida fuq Interventi fuq Siġar, l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (l-ERA) nehdiet kampanja ta’ għarfien u informazzjoni kemm fuq speċi protetti, kif ukoll fuq speċi invażivi tal-flora u fawna permezz ta’: 1. Laqgħat pubbliċi ta’ nformazzjoni għas-setturi kollha involuti fil-qasam u erba’ laqgħat pubbliċi f’diversi żoni f’Malta u Għawdex; 2. Laqgħat individwali ma’ entitajiet tal-Gvern, pubbliċi u organizzazzjonijiet mhux governattivi; 3. Għoti ta’ informazzjoni onlajn mill-aġġornar tal- website tal-Awtorità u permezz tal-imejl bi tweġibiet għal talbiet għal informazzjoni; 4. Parteċipazzjoni f’fieri u attivitajiet pubbliċi, permezz ta’ stands ta’ informazzjoni u tqassim ta’ materjal informattiv żviluppat apposta; 5. Preżenza fuq il-midja b’numru ta’ artikli ppubblikati fuq rivisti u gazzetti lokali, u numru ta’ intervisti u feature s minn uffiċjali tal-ERA fuq diversi aħbarijiet, programmi televiżi u fuq stazzjonijiet tar-radju; 6. Pubblikazzjoni ta’ żewġ riklami differenti għal fuq it-televiżjoni li ntwerew kemm il-darba fuq l-istazzjon nazzjonali fix-xhur li għaddew u anke ttellgħu fuq Facebook; 7. Sponsorjar ta’ ktieb fuq is-siġar Maltin u l-ambjenti naturali tagħhom. Kumplimentari għal dan, l-ERA għadha kemm nehdiet abbozz tal-Istrateġija Nazzjonali biex Jipprevjenu u Jitnaqqsu l-Impatti minn Speċi Aljeni Invażivi fil-Gżejjer Maltin u 8 Kodiċi Nazzjonali ta’ Prattika Tajba fuq Speċi Aljeni Invażivi fil-Gżejjer Maltin, li japplikaw skont is-settur indirizzat, liema dokumenti inħarġu għall-konsultazzjoni pubblika. Fuq dan is-suġġett partikolari: 1. Se ssir laqgħa ta’ konsultazzjoni għas-setturi kollha nteressati li għaliha mistiedna diversi entitajiet pubbliċi, organizazzjonijiet mhux governattivi, impurtaturi, landscapers , sidien tal-ħwienet (fosthom pet shops u supermarkets ) u kuntratturi; 2. Ser issir ukoll sessjoni ta’ informazzjoni għall-Kunsilli Lokali u l-kuntratturi tagħhom; 3. Ladarba dawn id-dokumenti jiġu ffinalizzati u approvati skont il-prassi legali mfassla fil-liġi ambjentali, ser titkompla l-kampanja ta’ għarfien u informazzjoni dwar dan is-suġġett; 4. Intbagħtu ittri flimkien ma’ ktejjeb b’tagħrif dwar pjanti u annimali invażivi li l-kummerċ tagħhom huwa llegali lil numru ta’ stakeholders , inklużi sidien ta’ ħwienet bħal pet shops , u komplew jiġu investigati rapporti li rċeviet l-Awtorità; dwar possibiltajiet ta’ bejgħ jew tħawwil illegali ta’ speċi invasivi. Mid-data tal-pubblikazzjoni tar-regolamenti, id-Direttorat tal-Konformità u Infurzar investiga erba’ rapporti. Sadanittant, l-Awtorità xorta waħda qiegħda timplementa diversi attivitajiet biex jitneħħew pjanti u annimali aljeni u nvażivi f’diversi nħawi fil-Gżejjer Maltin, bħal xogħlijiet biex jitneħħew is-sabbar tal-Amerka, il-pjuma, is-swaba’ tal-Madonna, l-akaċja, il-qasab il-kbir, il-firien u speċi invażivi oħra f’postijiet imħarsa taħt Natura 2000. L-ERA qiegħda timplementa il-Programm Nazzjonali ta’ Monitoraġġ fil-Baħar li kien approvat mill-Gvern fl-2015, u ġabet ukoll fondi mill-Unjoni Ewropea taħt il-programm EMFF. Permezz ta’ dan il-proġett qed isir monitoraġġ fuq l-ispeċi aljeni fil-baħar fil-portijiet u żoni mħarsa fil-baħar. Barra minn dan, l-ERA applikat u ħadet kofinanzjament mill-Unjoni Ewropea permezz ta’ proġett Interreg. B’dawn il-fondi qiegħda timplementa il-proġett HARMONY dwar speċi aljieni invażivi flimkien ma’ entitajiet Taljani u Maltin, fosthom l-Università ta’ Malta. Minbarra dan, sar ukoll tħawwil ta’ eluf ta’ siġar Maltin u ġew imsaħħa popolazzjonijiet ta’ siġar eżistenti jew ġew imdaħħla mill-ġdid fis-selvaġġ (intoduċiet mill-ġdid) siġar Maltin li kienu nqerdu jew li kienu mhedda serjament. B’kollaborazzjoni mal-ERA, qed jitkabbru siġar Maltin f’mixtliet ta’ Ambjent Malta, li jinkludu siġar u xtieli Maltin li qed jintużaw f’xogħlijiet ta’ afforestazzjoni u restawr ambjentali madwar Malta. Aktar tagħrif dwar xogħlijiet fuq speċi invasivi u ħarsien ta’ speċi jinstabu fil- website tal-ERA.

Għar Lapsi — parati ġodda

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 9087, b'rabta mal-installazzjoni ta' parati ġodda f'Għar Lapsi, jista' l-Ministru jgħid taħt liema Ministeru taqa' din ir-responsabbiltà?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 16985 tat-12-il Leġiżlatura. Għalhekk fil-każ speċifiku huwa l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li huwa responsabbli għat-tibdil tal-parati ta’ din l-islipway li hija ta’ aċċess pubbliku.

Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd — allegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qabel nhar it-Tlieta 12 ta' Frar 2019 huwa kellux xi forma ta' indikazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li ġew ippubblikati minn El Confidencial fir-rigward tal-persuna li sa nhar it-Tlieta 12 ta' Frar 2019 kienet tokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kelli l-ebda konoxxenza tal-kontenut tat-transcripts maħruġa jew allegazzjonijiet relatati ma dak li ġie ippublikat. Kull meta ġew għall-attenzjoni tiegħi xi spekulazzjonijiet, jiena dejjem sħaqt illi l-persuna li tkun qed tagħmel dan għandha tirreferi l-każ direttament lill-awtoritajiet konċernati.

Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd — allegazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qabel nhar it-Tlieta 12 ta' Frar 2019 xi persuna jew grupp ta' persuni kellmuhx jew ipprovdewlu informazzjoni dwar l-allegazzjonijiet li ġew ippubblikati minn El Confidencial fir-rigward tal-persuna li sa nhar it-Tlieta 12 ta' Frar 2019 kienet tokkupa l-kariga ta' Direttur Ġenerali tal-Akwakultura u s-Sajd? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid min kienu dawn il-persuni, meta kellmuh jew ipprovdewlu informazzjoni u x'azzjoni ħa dwar dak li ntqal jew ġie provdut lilu?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 8949.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — nisa f'pożizzjoni ta' teħid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8876, 8560 u 8720 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — nefqa ta' TV advertising

Question

Jista' l-Ministru jelenka kemm intnefqu flus minn kull entità u dipartiment li jaqa' taħtu fuq TV advertising fis-sena 2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – Grievances Boards

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 8316 u jgħid, mis-sena 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema kienu l- Grievances Boards li twaqqfu fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u fi ħdan l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min kienu l-membri ta' kull wieħed mill-imsemmija bordijiet u x'remunerazzjoni rċevew l-imsemmija membri? Jista' jgħid kemm tressqu każijiet quddiem kull bord u x'kienet id-deċiżjoni li ngħatat dwar kull każ li kellu quddiemu l-istess bord u dan mingħajr ma jindika l-isem u d-dettalji tal-persuni involuti? Jista' jgħid x'kien l-ammont li tħallas bħala kumpens dwar kull każ li tressaq quddiem l-imsemmija bordijiet?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — pożizzjonijiet tal-management – pakkett finanzjarju

Question

Jista’ l-Ministru jagħti l-pakkett finanzjarju, inkluż benefiċċji, marbut ma’ kull pożizzjoni tal-management fl-awtoritajiet u entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu? L-informazzjoni għandha tkopri l-pożizzjonijiet eżekuttivi u dawk mhux eżekuttivi sal-livell ekwivalenti ma’ Assistent Direttur fis-servizz pubbliku.

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Għar Lapsi — parati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jara li jiġu installati parati ġodda f'Għar Lapsi hekk kif uħud minnhom tkissru u s-sajjieda qed isibuha diffiċli jtellgħu l-bċejjeċ tagħhom mill-baħar?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għal Mistoqsija Parlamentari numru 8211 tat-12-il Leġiżlatura.

Wasteserve — siti li qed joperaw b'permessi skaduti

Question

B’referenza għall-aħbar li hemm illum fil-ġurnal The Malta Indipendent li numru ta’ siti tal-Wastserve qed joperaw minkejja li l-permessi relattivi skadew sena ilu, jista' l-Ministru jgħid kemm huma s-siti li qed joperaw b’permess skadut, meta skadew u r-raġuni? Jista' jgħid ukoll min assuma r-responsabbilità għal dan?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li b’kollox hemm seba’ siti tal-WasteServ li l-permess tagħhom skada matul l-2018 ħlief wieħed li skada lejn l-aħħar tal-2017. F’kull każ hemm għaddej applikazzjoni għal tiġdid li jridu jieħdu ż-żmien tagħhom. Wieħed jifhem is-sitwazzjoni li kien ikun ferm aħjar li l-permess ġie imġedded qabel ma skada, però wieħed jifhem ukoll li n-natura tal-attività hija waħda essenzjali għall-pajjiż u ma naħsibx illi l-Onor. Interpellant qed jissuġġerixxi li sakemm għadu għaddej il-proċess ta’ tiġdid għandna nikkawżaw kaos ambjentali billi nagħlqu s-siti, anke għaliex essenzjalment l-attività hija kontinwità ta’ dak li kien hemm qabel.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u Wasteserve – direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7876 u jagħti dettaljatament x’kienu u lil min, meta u kemm swew id-direct orders li l-Wasteserve u l-Ministeru tiegħu (separatament) taw mill-1 ta’ Ottubru 2018 sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima – użu ta’ private jet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba għamel użu minn private jet fl-2017, 2018 u 2019 sad-data li tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari? F’każ affermattiv, kemm kienet l-ispiża u fejn kienet id-destinazzjoni?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-snin 2017, 2018 u 2019 m’għamilt l-ebda użu minn private jet.

Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima — Nisa f'pożizzjoni ta' tehid ta' deċiżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 8560 u 8720 u ċjoè: Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f’pożizzjoni ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-Ministeru tiegħu u fl-entitajiet u dipartimenti li jaqgħu taħtu li jaħdmu bħalissa, mill-grad ta' Prinċipal 'il fuq?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Fish Farms – żieda fil-kwantità ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar sena u nofs, kemm-il darba bħala Ministru awtorizza li jkun hemm żieda fil-kwantità ta’ tonn li setgħu jinżammu fil-fish farms fl-ibħra Maltin? Jista’ jgħid din iż-żieda kif ingħatat għal kull sid ta’ Tuna Fish Farm?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Ministru ma tajt l-ebda żieda fil-kapacità eżistenti tal-permess operativ tat-tonn.