Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta, li fil-preżent m’għandhomx lift u li għalihom la hemm xogħlijiet ta’ installazzjoni għaddejjin u lanqas applikazzjoni pendenti? Jista’ wkoll jelenka dawn il-blokok?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi fiż-żona ta’ Mlit ġewwa l-Mosta, hemm is-segwenti blokok li fil-preżent m’għandhomx lift u li għalihom la hemm xogħolijiet ta’ installazzjoni u lanqas applikazzjonijiet pendenti: Blokk A1 Entratura B, Blokk C1 Entratura B, Blokk F5 Entraturi A u B, Blokk G2, Blokk K1 u Blokk K2.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il applikazzjoni għall-installazzjoni ta’ lift fi blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta, tinsab pendenti? Jista’ wkoll jelenka l-blokok rispettivi u l-istadju li fih jinsab il-proċess għal kull blokka?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa hemm erba' applikazzjonijiet attivi fi stadji varji ta' progress, kif deskritt hawn taħt: Blokk F2, Triq in-Nasba, Mosta – Il-permess tal-ippjanar ingħata, u l-pjanti tal-kostruzzjoni u l-istima tax-xogħlijiet qed jiġu ppreparati. Blokk D1, Entratura B, Triq il-Gradiljoli, Mosta – Il-permess tal-ippjanar ingħata, u l-pjanti tal-kostruzzjoni u l-istima tax-xogħlijiet qed jiġu ppreparati. Blokk B1, Triq id-Dawr, Mosta – Ix-xogħlijiet ġew assenjati lil kuntrattur. Il-kostruzzjoni hija mistennija li tibda ġaladarba l-kuntrattur ikun lesta s-siti miftuħa li bħalissa huma assenjati lil l-istess kuntrattur. Blokk A3, Triq il-Gżari, Mosta – L-applikazzjoni bħalissa qed tiġi riveduta mid-Dipartiment tal-Iskemi biex tiġi ddeterminata l-eliġibbiltà.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema blokok tal-akkomodazzjoni soċjali f’Ta’ Mlit, il-Mosta bħalissa nbdew jew jinsabu għaddejjin xogħlijiet għall-installazzjoni ta’ lift? Jista’ jgħid ukoll f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet f’kull blokka u jagħti data indikattiva għal meta kull lift huwa mistenni li jkun operattiv?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li bħalissa hemm ħames siti miftuħa f'Ta' Mlit, il-Mosta. • Blokk D1, Entratura B, Triq il-Gradiljoli – Bħalissa qed nistennew it-tlestija tal-manifattura tal-istruttura tal-metall tax-xaft tal-lift. •             Blokk A1, Entratura A, Triq id-Dawr, kif ukoll Blokok A4 u A5, Triq il-Gżari, u Blokk C2, Triq il-Planċ – L-ordni biex jibdew ix-xogħlijiet ser tinħareġ dan ix-xahar. Il-kunsinna tal-lifts hija prevista għall-bidu tas-sena 2027.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali – Lifts

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema mill-blokok ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-żona Ta’ Mlit, il-Mosta ġew installati lifts għall-użu tar-residenti? Jista’ jgħid ukoll f’liema sena ġie installat il-lift f’kull blokka u jekk dawn il-lifts humiex kollha operattivi fil-preżent?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2020 u l-2024 ġew installati tlettax-il lift fil-blokok imsemmija hawn taħt: 2020 – Block C1 Ent A u Block B3 2021 – Block D2 2022 – Block F4 u Block G4 2023 – Block A2, Block B2, Block C3, Block D3, Block G1, Block G3, Block B4 u Block C5 2024 – Block F1 F’każ li lift ikun wieqaf, ir-residenti għandhom jirrapportaw il-ħsara direttament lill-kuntrattur jew lill-fornitur responsabbli mill-manutenzjoni tiegħu. F’każ li l-ħsarat ikunu qed iseħħu b’mod frekwenti, ir-residenti huma mitluba jinfurmaw ukoll lill-Awtorità sabiex tkun tista’ tieħu l-passi meħtieġa. Fil-preżent, m’għandna l-ebda indikazzjoni jew rapport li jindika li hemm liftijiet wieqfa.

Il-Mosta – Żona Ta’ Mlit – Akkomodazzjonijiet soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm blokok ta’ appartamenti tal-akkomodazzjoni soċjali fiż-żona Ta’ Mlit, il-Mosta u kemm hu n-numru ta’ appartamenti f’kull blokka?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li ż-żona Ta’ Mlit, fil-Mosta tikkonsisti fi 28 blokka ta’ appartamenti. B’kollox hemm total ta 216 -il appartament. Qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi dawn il-blokok fid-dettal.

Marsaskala - Tal-Fajtata - Parkeġġ - Xogħlijiet

Question

B’referenza għax-xogħol imwettaq minn Infrastructure Malta fil-parkeġġ tal-Fajtata, f’Marsaskala, li pjanta dwarha qed tingħata separatament, jista’ l-Ministru jagħti dettalji f’tabella dwar liema żona/art ġiet esproprjata, meta nbeda u ġie tterminat l-proċess, u d-data ta’ liema Gazzetta tal-Gvern ħarġet it-talba?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Kunsilli Lokali – Proprjetajiet tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 110 u jgħid kemm-il proprjetà tal-Gvern għaddiet b’kirja jew ċens lill-kunsilli lokali, bejn l-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll liema kunsilli ngħataw dawn il-proprjetajiet mill-Awtorità tal-Artijiet, u f’kull każ jgħid liema proprjetà u lil liema kunsill?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tad-Djar - Proprjetajiet - Manutenzjoni - Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa fuq il-manutenzjoni tal-proprjetajiet li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali fuq il-manutenzjoni tal-proprjetajiet li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar minn Jannar tal-2025 sal-24 ta’ Gunju 2026  kienet ta' €4,676,400.14.

Awtorità tad-Djar - Proprjetajiet - Manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm proprjetajiet li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar li saritilhom manutenzjoni fuqhom mill-2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar wettqet xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq total ta' 1,603 proprjetà minn Jannar tal-2025 sal-24 ta’ Ġunju 2026.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ġunju 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-entitajiet u d-Dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli ghall-offerti Dipartimentali u l-metodi ta’ akkwist skont il-valur tal-kuntratt li joħorgu mill-Public Procurement Regulations.

Housing Estates tal-Gvern – Proġett ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' manutenzjoni fil-Housing Estates tal-Gvern, madwar Malta u Għawdex kollu? Jista’ jgħid ukoll kemm sar xogħol ta’ manutenzjoni fl-oqsma tal-bini tal-Gvern matul is-snin 2024, 2025 u l-ewwel ħames xhur tas-sena 2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward ix-xogħolijiet elenkati għas-sena 2026 (Jannar sa Ġunju) minn total ta’ 79 blokka previsti fil-programm għal din is-sena, tlestew 36 blokka, li jirrappreżentaw 45.6% tal-programm annwali.

Akkomodazzjoni soċjali - Special considerations jew urgent allocations

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ akkomodazzjoni soċjali ġie approvat fuq bażi ta’ “special consideration” jew “urgent allocation” matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 u x’kienu r-raġunijiet għal dawn id-deċiżjonijiet?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li kull każ jiġi evalwat fid-dawl tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti minn Kumitat tal-Allokazzjonijiet li jiddetermina l-prijorità tal-allokazzjoni. Ikun hemm ċirkostanzi fejn ikollhom jingħataw appoġġ urġenti biex ħadd ma jispiċċa mingħajr saqaf fuq rasu, u ċert, li l-Onor Interpellant huwa sensittiv għal tali realtajiet. Mgħandix dubju li, kif anke stqarr l-Onor kollega innfisu xi jiem ilu fuq il-mezzi soċjali "Huwa sewwa li min hu intitolat għall-għajnuna tal-Gvern jirċeviha anzi jirċievha bi dritt.” Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra screenshot tal-istess post ta’ Facebook tal-Onor Interpellant. Infurmat li fil-perjodu msemmi kien hemm (5) każijiet ta' allokazzjonijiet  urġenti li kollha kienu relatati ma' kerrejja f'każijiet ta' kiri ta' qabel l-1995 fejn il-Qorti ordnat l-iżgumbrament. Infurmat li f'kull każ ġiet segwita l-proċedura stabbilita kif spjegata aktar ’il fuq.

Akkomodazzjoni soċjali - Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull ċirkulari jew internal guidelines maħruġa lill-Awtorità tad-Djar dwar il-prijoritizzazzjoni tal-applikanti għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interperallant li persuna li tixtieq tibbenefika mill-iskema trid l-ewwel tissottometti applikazzjoni flimkien mad-dokumenti kollha meħtieġa. L-applikazzjoni mbagħad tiġi vverifikata sabiex jiġi kkonfermat li hija eliġibbli għall-evalwazzjoni. Galadarba l-applikazzjoni tiġi kkunsidrata eliġibbli, isir assessment inizjali minn professjonisti  u  tiġi kkwalifikata permezz ta’ sistema ta’ punti prestabbilità. Din is-sistema hija mfassla biex tiżgura li l-evalwazzjoni tkun oġġettiva, trasparenti u konsistenti, u mhux ibbażata fuq opinjonijiet personali. Il-punti mogħtija jwasslu għal klassifikazzjoni ta’ prijorità li tindika l-livell ta’ ħtieġa jew urġenza tal-applikazzjoni. Skont il-punteġġ miksub, l-applikazzjoni tiġi kklassifikata bħala: ·       Baxx ·       Medju ·       Għoli ·       Għoli Ħafna Id-deċiżjoni finali dwar l-allokazzjoni tittieħed mill-Board tal-Allokazzjonijiet u tiġi kkomunikata lill-applikant skont il-proċeduri stabbiliti.

Ministeru għall-Akkomodazzjoni u l-Artijiet – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liema sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Skemi tal-akkomodazzjoni affordabbli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema skemi tal-akkomodazzjoni affordabbli qed jibbenefikaw l-aktar minnhom koppji żgħażagħ u familji residenti u x’inhi n-nefqa?

Response (BONNICI, OWEN)

L-għan tal-Gvern huwa li jkompli joffri sostenn konkret lill-koppji żgħażagħ u lill-familji, sabiex jiffaċilità l-aċċess tagħhom għall-akkomodazzjoni adegwata u affordabbli. Permezz tal-iskemi tal-Awtorità tad-Djar, matul l-2025 ingħata appoġġ lil aktar minn 15,213-il familja. L-ewlenin fost l-iskemi ta’ akkomodazzjoni affordabbli huma l-First Time Buyers Scheme (FTB), id-Deposit Guarantee Scheme (DPS), l-Equity Sharing Scheme (ESS), il-Housing Benefit Scheme (HBS), il-Benefiċċju tal-Kera għall-Proprjetajiet ta’ qabel l-1995 (SKP), u l-Grant of First Residence (GFR). Fir-rigward tal-eliġibbiltà, id-Deposit Guarantee Scheme (DPS) hija mmirata speċifikament għal persuni bejn il-21 u d-39 sena, filwaqt li l-Equity Sharing Scheme (ESS) hija miftuħa għal persuni ta’ 25 sena jew aktar. Min-naħa l-oħra, il-First Time Buyers Scheme (FTB) u l-Grant of First Residence (GFR) huma maħsuba għal individwi u familji li jixtru l-ewwel proprjetà tagħhom, li fil-maġġoranza tagħhom huma koppji u persuni żgħażagħ. Beneficiaries in 2025 € First-Time Buyer Scheme (FTB) 7,213 €6,820,000 Deposit Payment Scheme (DPS) 57 €2,068,849 Equity Sharing Scheme (ESS) 80 €4,334,304 Rent Subsidy Scheme Pre1995 (SKP) 2,002 €10,662,258 Housing Benefit Scheme (HBS) 3,893 €10,163,302 Grant on First-Residence (GFR) 327 €1,016,476

Tal-Pietà, Ta’ Xbiex, San Ġwann, Ta’ Giorni u l-Imsida – Akkomodazzjonijiet soċjali – Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'investiment sar u x'hemm ippjanat li jsir fl-akkomodazzjoni soċjali f’Tal-Pietà, f’Ta’ Xbiex, f’San Ġwann, f’Ta’ Giorni u fl-Imsida?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fir-rigward tal-programm ta’ tisbiħ u manutenzjoni fl-akkomodazzjoni soċjali fil-lokalitajiet imsemmija, sar dan l-investiment: • Ta’ Xbiex – investiment stmat ta’ €762,021 fuq 11-il blokk; (2026) • San Ġwann – investiment stmat ta’ €3,262,545 fuq 61 blokk; (2018, 2019, 2021, 2023, 2025) • Ta’ Giorni, San Ġiljan – investiment stmat ta’ €521,221 fuq 14-il blokk; (2020, 2024) • Tal-Pietà – Qed jiġu ppjanati għal programm ta’ Embellishment fil-futur qrib. • L-Imsida – il-blokok f’din il-lokalità inbnew relattivament reċentement u, għalissa, m’hemmx ippjanat li jsir tisbiħ u manutenzjoni. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li l-programm ta’ tisbiħ għas-sena 2027 għadu qed jiġi mfassal.

Allokazzjoni ta’ djar - Sistema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux intenzjoni jirrevedi s-sistema ta’ allokazzjoni  ta’ djar soċjali sabiex ikun hemm aktar trasparenza, accountability u ġustizzja soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sistema attwali tirrifletti li tirrispetta l-bżonnijiet u l-privatezza tal-applikanti waqt li tara li jkun hemm proċessi ġusti ta' governanza fejn tidhol l-Awtorità nnifisha. Il-Gvern f’dan il-qasam huwa kommess li joffri l-aħjar servizz possibbli liċ-ċittadin u għaldaqstant, kemm-il darba tinħass il-ħtieġa, ma jistax jiġi eskluż li fil-futur isiru l-arranġamenti li jkun hemm bżonn fuq is-sistema attwali sabiex tirrifletti l-għanjiet rispettivi.

Allokazzjoni ta’ djar - Audits interni jew investigazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx audit intern jew investigazzjoni dwar il-proċess ta’ allokazzjoni ta’ djar soċjali matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant  li matul Frar, Marzu, April u Mejju tal-2026 ma sar ebda audit intern u  ma saret ebda investigazzjoni dwar il-proċess tal-allokazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali.