Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — entitajiet li għandhom ftehim kollettiv skadut

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-entitajiet fid-dekasteru tiegħu li għandhom bħalissa ftehim kollettiv li skada? Jista’ għal kull każ jgħid meta skada?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-unika entità li taqa’ taħt il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej hija l-Commonwealth Centre for Connected Learning. Tali entità qatt ma kellha ftehim kollettiv li jirregolaha.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — konsulenti maħtura

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent ġie maħtur sabiex jagħti servizzi lill-Ministeru jew lil xi entità li taqa' taħt il-Ministeru tiegħu mill-1 ta' Jannar 2019 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x'tip ta' servizzi, lil liema entità jingħataw is-servizzi, liema ħlas sar lil dak il-konsulent s’issa u kemm huwa l-valur ta' dak il-ħlas?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul iż-zmien indikat fil-mistoqsija il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ħatar 7 konsulenti. 2 minn dawn is-7 kellhom il-kuntratt itterminat fl-2020. L-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ġnus Magħquda — Fond tal-Bini tal-Paċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' flus li twiegħed minn Malta għall-fond tal-bini tal-paċi tal-Ġnus Magħquda fil-konferenza tas-27 ta' Jannar 2021?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta ser tkun qed tikkontribwixxi s-somma ta’ sittin elf ewro maqsuma fuq erba snin.

Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika — membri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u d-Diplomazija Ekonomika? Kemm-il darba ltaqa’ minn Marzu 2013 sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, sena b’sena? X’kienu s-suċċessi ta’ dan il-Kumitat? X’sar minn dan il-Kumitat sabiex jattira kummerċ u investiment lejn Malta mid-Dijaspora Maltija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Kumitat Interministerjali dwar il-Kummerċ u Diplomazija Ekonomika magħruf aħjar bħala Joint Stakeholders Working Council, huwa ppresjedut mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej. Il-membri tal-Kumitat jinbidlu minn żmien għal ieħor skont l-aġenda li tkun se tiġi diskussa matul il-laqgħat. Madankollu, parteċipanti regolari ta’ dan il-Kumitat jinkludu l-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija, il-Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol, TradeMalta, Malta Enterprise, Finance Malta, l-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Malta, il-Kamra tan-Negozju għal Għawdex, u l-Malta Chamber of SMEs. Entitajiet oħra li pparteċipaw f’dan il-Kumitat minn żmien għal ieħor kienu l-Universita’ ta’ Malta, Tech.mt, l-Istitut tal-Istudji Turistiċi u Air Malta. Minn Marzu 2013 ‘l hawn, dan il-kumitat iltaqa’ tmienja u erbgħin darba. Sena b’sena, in-numru ta’ laqgħat kien ta’ tlieta fl-2013, tmienja fl-2014, għaxra fl-2015, disgħa fl-2016, disgħa fl-2017, tlieta fl-2018, tnejn fl-2019, tlieta fl-2020 u wieħed fl-2021. Il-Kumitat huwa storja ta’ suċċess fejn jidħol it-titjib fil-komunikazzjoni bejn in- network diplomatiku ta’ Malta u entitajiet pubbliċi u privati Maltin involuti fis-settur kummerċjali. Il-Kumitat jipprovdi pjattaforma għal diskussjoni dinamika u jsaħħaħ is-sinerġija bejn dawn l-entitajiet fejn tidħol il-promozzjoni tal-kummerċ u l-investiment. Segwenti tal-laqgħat minn dan il-Kumitat, seħħew iktar attivitajiet ta’ kollaborazzjoni diretti u konkreti bejn l-entitajiet membri u l-ambaxxati biex ikunu implimentati l-attivitajiet kummerċjali diskussi. Dan wassal għal rizultati pozittivi kemm f’affarijiet relatati ma investiment lejn Malta kif ukoll f’opportunitajiet kummerċjali, fost oħrajn, barra minn xtutna. Il-Kumitat iservi wkoll ta’ forum sabiex tinqasam informazzjoni dwar żjarat uffiċjali li jkunu ser iseħħu f’Malta u lil hinn minn pajjiżna, inklużi dawk statali. Matul is-snin, dawn iż-żjarat offrew diversi opportunitajiet lir-rappreżentanti tal-qasam kummerċjali illi ħadu sehem permezz ta’ inizjattivi li elevaw il-profil kummerċjali ta’ Malta. Mal-miġja tal-pandemija kurrenti, il-Kumitat kompla jitlaqqa’ b’mod virtwali, waqt li l-pjattaforma diġitali tiflaħ għall-iktar parteċipanti. Id-Dijaspora Maltija ma kinitx suġġett tad-diskussjonijiet li seħħew f’dan il-Kumitat. Madankollu, l-ambaxxati ta’ Malta huma f’kuntatt regolari mad-Dijaspora Maltija sabiex, fost oħrajn, jidentifikaw opportunitajiet li jistgħu jiġu preżentati tramite dawn il-komunitajiet.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej — lista ta' proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ proġetti kapitali lil jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħtu li huma għaddejjin bħalissa jew se jibdew fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fil-lista li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Convention on Access to Offical Documents

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern huwiex se jiffirma l-Convention on Access to Official Documents tal-Kunsill tal-Ewropa, b’referenza CETS No. 2015? Jekk le, jista’ jindika r-raġuni għalfejn mhuwiex se jiffirmaha?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Importazzjoni ta’ kotba – ħlas ta’ dazju

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont il-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea ġiex introdott il-ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ kotba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fuq nota ġenerali tajjeb wieħed jifhem li dan il-ftehim li ġie ffirmat bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit ħoloq żona ta’ kummerċ ħieles, bla tariffi u kwoti fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni bejn iż-żewġ partijiet. Għaldaqstant fil-każ ta’ prodotti mmanifatturati fir-Renju Unit, l-ebda ħlas ta’ dazju m’hu dovut. Il-ħlas ta’ dazju jkun dovut biss meta prodott ma jirrispettax ir-regoli tal-oriġini. Dan japplika b’mod uniformi għal kull prodott li jiġi impurtat, inkluż kotba. Tajjeb wieħed jinnota wkollb’mod partikolari, li fil-każ ta’ kotba stampati, qatt ma jitħallas dazju, anke jekk joriġinaw minn pajjiż terz.

Importazzjoni ta’ prodotti essenzjali – rati għal ħlas ta’ dazju

Question

Jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba skont l-ftehim bejn ir-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea kemm huma r-rati relattivi li ġew introdotti għal ħlas ta’ dazju fuq l-importazzjoni ta’ prodotti essenzjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlas ta’ dazju ser ikun dovut biss fuq prodotti li ma jkunux qegħdin joriġinaw mir-Renju Unit, iġifieri, kwalunkwe prodott immanifatturat fir-Renju Unit u li ser ikun akkumpanjat minn dokumenti li jixhdu dan, mhux ser ikun suġġett għad-dazju. Id-dazju huwa dovut biss meta l-prodott li jkun qed jiġi impurtat ġewwa Malta mir-Renju Unit ma jissodisfax ir-regoli tal-oriġini, bħal meta per eżempju l-prodott ikun immanifatturat f’pajjiż ieħor terz. Ir-rati ta’ dazju applikabbli huma dawk li japplikaw b’mod orizzontali għall-Unjoni

Ambaxxati u Residenzi Uffiċjali barra l-pajjiż – miżuri ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ sigurtà hemm fl-Ambaxxati u r-Residenzi Uffiċjali barra l-pajjiż, inkluż l-opinjoni tal-Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja/Konsli Ġenerali rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li jkun għaqli għal kwalunkwe’ stat sovran li ma jipprovdix pubblikament dettalji tal-elementi ta’ sigurta’ li wieħed isib fl-Ambaxxati u r-Residenzi Uffiċjali tiegħu barra l-pajjiż. Tali ħidma ssir b’kordinament mill-Ministeru li mmexxi, mal-entitajiet rispettivi li joffru kontribut f’dan il-qasam.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – restrooms għal persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il restroom fil-binja tal-Ministeru tiegħu hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi fil-binja tal-Ministeru (Palazzo Parisio) hemm restroom waħda li hija aċċessibbli għal persuni bi bżonnijiet speċjali. Wieħed jinnota li Palazzo Parisio hija binja antika u mhux dejjem ikun faċli li tintroduċi restrooms aċċessibli. Fejn il-bini jippermetti, il-Ministeru jagħmel li jista biex ikun hemm restrooms aċċessibli. Ta’ min jinnota wkoll li fil-binja tal-Ministeru li tinsab ġewwa Triq Żakkarija, hemm 3 restrooms oħra ta’ dan it-tip.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – komunikazzjonijiet bil-miktub aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'miżuri qed jieħu l-Ministeru tiegħu u entitajiet li jaqgħu taħtu sabiex jara li komunikazzjonijiet bil-miktub ta' kull tip li jintbagħtu bil-posta jew mezzi oħra, ikunu f'format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma Onorevoli Interpellant li l-ebda ministeru jew entità fi ħdan il-Gvern m’għandu aċċess għal informazzjoni dwar persuni b’diżabilità u x’tip ta’ diżabilità jsofru minnhom, hu prattikament impossibbli li kull korrispondenza li tintbagħat bil-posta tradizzjonali tkun ukoll f’format aċċessibbli li jinqara minn persuni neqsin mid-dawl.Minkejja dan, fil-każ ta’ korrispondenza diġitali, nixtieq intenni li l-entità governattiva Fondazzjoni għall-Aċċessibilità tat-Teknoloġika tal-Informatika (FITA) toffri dan is-servizz lil kull individwu jew entitaijet li jitolbu din l-għajnuna biex jaqdu l-klijentela tagħhom bi spiża mħallsa mill-individwu jew l-entità. Fil-fatt dawk li, minn jeddhom jitolbu l-assistenza tal-istess Fondazzjoni, jiġu ggwidati fl-installazzjoni ta’ programm apposta (software) biex il-kompjuter personali tagħhom ikun jista’ jaqralhom kull imejl li jirċievu, inkluż bl-ilsien Malti. It-taħriġ hu bi ħlas, filwaqt li l-programm hu b’xejn.Nenfasizza li kull każ jiġi kkunsidrat fuq il-bażi individwali, inkluż biex tintuża l-aħjar teknoloġija assistiva, li tvarja minn Optical Character Recognition (OCR), Screen Reader, Braille jew anke tipa mkabbra. L-istess assistenza tvarja wkoll skont l-apparat li jkun se jintuża għal dan il-għan, bħal PC/laptop, mobile u/jew tablet, u anke skont il-platform użat, jiġifieri Windows jew MAC, Android jew Apple, eċċ.

Trattament ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jindika x'passi ħa jew ser jieħu sabiex juri lill-awtoritajiet Russi d-diżapprovazzjoni ta' Malta għall-mod kif ġie trattat l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament meta rritorna lura f'pajjiżu? Jista' jindika jekk Malta hux ser taqbel ma' membri oħra tal-Unjoni Ewropea li qed jinsistu li s-sitwazzjoni attwali tirrikjedi aktar sanzjonijiet kontra r-Russja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma l-Onor. Membru li Malta assoċjat ruħha, flimkien mal-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea kollha, Mad-dikjarazzjoni maħruġa mir-Rappreżentant Għoli Borrell li kkundannat bil-qawwa id-detenzjoni ta’ Alexei Navalny u ssejjaħ għar-rilaxx immedjat tiegħu. Wara l-każ li rrefera għalih l-Onor. Membru, għaddejjin ukoll diskussjonijiet fuq livell Ewropew dwar jekk għandhomx jiġu kkunsidrati sanzjonijiet addizzjonali ma’ dawk li diġa’ ttieħdu riċentament. Malta tqis li l-aħjar triq tkun waħda ta’ deċiżjoni komuni tal-Unjoni Ewropea.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – tender/direct orders lil kumpanija/individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu taw xi tender jew direct order lill-kumpanija jew l-individwu li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament mill-2013 sa issa? Jekk iva, jista’ jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma ta l-ebda tender jew direct order lill-kumpanija li qed jirreferi għaliha.

Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Fondi Ewropej jagħmlux parti mill-Ministeru tiegħu u jekk le, x’inhi r-raġuni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond iċ-ċirkulari nru. 21/2020 maħruġa fi 10 ta’ Diċembru, il-Fondi Ewropej jaqgħu taħt l-uffiċju tal-Prim Ministru. Ir-raġuni għal dan hija propju l-kontenut taċ-ċirkulari msemmija.

Proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16776 u jagħti dettalji dwar il-proġetti u programmi/inizjattivi kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea li bħalissa għaddej ix-xogħol fuqhom jew għadhom għaddejjin? Jista' jagħti l-valur totali, għal kull proġett jew programm/inizjattiva, ta’ kemm se jiġi jiswa u kemm minnu hu kofinanzjat mill-fondi tal-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid meta hu maħsub (xahar u sena) li jispiċċa kull proġett jew programm/inizjattiva?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit — remunerazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma t-termini ta' referenza tal-Kummissarju Speċjali għar-Relazzjonijiet Ekonomiċi, Finanzjarji u ta’ Kummerċ mar-Renju Unit li nħatar dan l-aħħar u x'remunerazzjoni ser igawdi l-persuna maħtura?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreffieri l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – tender jew direct order lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa’ taħtu, tawx tender jew direct order lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Meta ngħataw, ta’ kemm kienu u abbażi ta’ xiex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika t-talba tiegħu.

Ambaxxati u Residenzi Uffiċjali barra l-pajjiż – miżuri ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ta’ sigurtà hemm fl-Ambaxxati u r-Residenzi Uffiċjali barra l-pajjiż, inkluż l-opinjoni tal-Ambaxxaturi/Kummissarji Għolja/Konsli Ġenerali rispettivi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Gvernijiet barranin li għandhom Ambaxxati f’Malta – għajnuna lill-NGOs jew Media Houses

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Gvern Malti għandux informazzjoni dwar jekk u b'liema mod Gvernijiet barranin permezz ta' Ambaxxati tagħhom f'Malta jagħtux għajnuna finanzjarja lill-NGOs u/jew Media Houses? Jekk għandu din it-tip ta' informazzjoni, jista' jgħid liema huma l-Gvernijiet barranin li permezz tal-Ambaxxati tagħhom f'Malta jiffinanzjaw NGOs jew Media Houses? Jekk għandu din it-tip ta' informazzjoni, jista' jgħid liema huma l-NGOs u/jew Media Houses li jirċievu din l-għajnuna finanzjarja?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej ma jiġborx informazzjoni ta’ din ix-xorta.

European Asylum Support Office — inizjattivi mill-Ministeru

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10390, jista’ l-Ministru jgħid jekk ir-rifużjoni inkwistjoni ġietx imħallsa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat interpellant it-talba għar-rifuzjoni tinsab fl-aħħar stadju ta’pprocessar mid-Dipartiment tal-VAT qabel tintbgħat lid-Dipartiment tat-Teżor sabiex isir il-ħlas.