Ministeru għal Għawdex — Applikazzjonijiet għall fondi mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-entitajiet, dipartimenti jew awtoritajiet fid-dekasteru tiegħu li applikaw għal xi forma ta' fondi mill-Unjoni Ewropea matul is-sena 2023? Jista’ jgħid ukoll għal liema fondi applikaw u x’kien l-eżitu, kemm ingħataw fondi kull direttorat u entità għal kull applikazzjoni u għal xiex ingħataw?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12691 Ministeru għal Għawdex - Applikazzjonijiet għall fondi mill-Unjoni Ewropea.pdf
Għajnsielem, Għawdex — Triq Sant’Antnin - railings tal-promenade
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9067 dwar meta se jiġu sostitwiti r-railings tal-promenade tal-parti ta' isfel ta' Triq Sant’Antnin li tmiss ma’ Triq ix-Xatt ġewwa Għajnsielem, li huma kollha sadid u ta' periklu kbir, jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx sostitwiti sa nofs Lulju li għadda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mir-railings ser jinbidlu fil-ġimgħat li ġejjin.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12493, fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11808, peress li f'din it-tweġiba m'hemmx l-informazzjoni rikjesta, jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsultenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex jaqgħu taħt l-iStrategic and Priorities Unit. L-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ 12895 - Ministeru għal Għawdex - Konsulenti.pdf
Għawdex – Bini jew irranġar ta’ toroq li jgħaqqdu l-irħula
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għal Għawdex talabx għal finanzjament għall-bini jew irranġar ta' toroq minn fondi tal-Unjoni Ewropea mill-programmi ta' fondi ta’ bejn is-sena 2014-2020, għal dak li jirrigwarda toroq li jgħaqqdu rħula ma' xulxin, minkejja li dawn mhumiex toroq arterjali jew distributorji?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru applika u ngħata Fondi Ewropej sabiex tinbena mill-ġdid Triq Għajn Abdul u Triq Wied Juno li tgħaqqad ir-raħal ta’ Santa Luċija mar-raħal ta’ San Lawrenz.
Għawdex — zebra crossings, pelican lights, belisha lights u traffic lights
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10497 u jipprovdi lista ta’ zebra crossings, pelican lights, belisha lights u traffic lights, raħal b'raħal u triq triq, ġewwa Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent u f'dawn l-aħħar ġimgħat kemm kien hemm pelican lights, belisha lights u traffic lights u fejn huma, ġewwa Għawdex, li mhumiex jiffunzjonaw kif suppost jew mhux jaħdmu u x'inhu jagħmel il-Ministeru tiegħu biex dawn jissewwew mill-aktar fis u b'hekk jiġu evitati inċidenti tat-traffiku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa għaddejjin xogħlijiet ta' manutenzjoni fuq il-Belisha Beacons fejn dawn qegħdin jinbidlulhom kemm il-globi, il-bozoz, u anke l-kejbils. Qegħdin jingħatawlhom provvista ta' elettriku ġdida u l-bozoz qegħdin jiġu mtejba għall-bozoz LEDs li huma sinkronizzati li jpetptu flimkien, hekk kif mitlub mit-Transport Malta għal iktar sigurtà fit-toroq tagħna.
Fil-preżent hemm diga' 5 Belisha Beacons li sarulhom ix- xogħlijiet kif ġie spjegat. Filwaqt li 24 Belisha Beacons għalkemm qed jixgħelu, għaddejja l-manutenzjoni fuqhom kif spjegat hawn fuq. Imbgħad hemm 5 Belisha Beacons li sfaw miksura riżultat ta' aċċidenti u li ppjanat li jerġgħu isiru fil-ġranet li ġejjin.
Apparti dawk, hemm 12-il Belisha Beaconsoħra li jrid isirilhom proċess ta' pjantar ġdid u li jridu jiġu approvati minn naħa ta' Transport Malta.
Fir-rigward tal-Pelican Crossings,ninforma lill-Interpellant li dawn qegħdin jiffunzjonaw kollha.
Il-Ministeru jaċċerta li x-xogħol ta’ manutenzjoni relatat mal-Belisha Beaconsu l-Pelican Crossing jibqa' għaddej kontinwu biex nisguraw li jkunu jaħdmu kif suppost u b'hekk nisguraw is-sigurtà fit-toroq.
Fuq il-Mejda tal-kamra qed inpoġġi lista tat-toroq fejn jinsabu l-Belisha Beacons u l-Pelican Crossings.
Attachments:PQ 12687 Għawdex - zebra crossings, pelican lights, belisha lights u traffic lights.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser titkompla Triq Ġużè Ellul Mercer, fir-Rabat Għawdex, peress li tinsab fi stat ħażin ħafna u fl-aħħar xhur saret biss parti minnha u mhux it-triq kollha kemm hi? Jista’ jgħid meta, bejn wieħed u ieħor, hu ppjanat li ssir il-parti tat-triq li għadha ma saritx?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ma għandix data ta’ meta se issir il-parti l-oħra tat-triq.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9269 li ngħatat fit-12 ta' Ġunju 2023 dwar fiex waslu x-xogħlijiet fil-latrina tad-Dwejra, fejn intqal li "ix-xogħlijiet ta’ finishing minn ġewwa ser isir permezz tal-ħaddiema tal-Gvern. Ix-xogħlijiet fuq din il-latrina mistennija jkunu lesti f’Lulju", u fid-dawl li din issa ilha magħluqa għal iktar minn sentejn u nofs u għaddew aktar minn tliet xhur minn meta intqal li kellha tkun lesta, jista’ l-Ministru jgħid għaliex u din il-latrina għadha mhux lesta u mhux miftuħa għall-pubbliku?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jagħmel referenza għall-informazzjoni li ngħatat fil-mistoqsija parlamentari 12525.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12627, jista’ l-Ministru jgħid għaliex hemm 81 applikant li għadhom qed jistennew is-servizz approvat? Jista’ l-Ministru jgħid x’qed iwassal għal dan id-dewmien?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan id-dewmien huwa riżultat ta’ nuqqas ta’ ħaddiema li jagħmlu x-xogħol ta’ homehelpers.
Ministeru għal Għawdex — Strategic & Priorities Unit
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema proġetti u inizjattivi qed taħdem l-iStrategic & Priorities Unit (SPU) fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex f'dawn l-aħħar xhur u fil-preżent?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li l-SPU fi ħdan l-Ministeru għal Għawdex jaħdem fuq diversi proġetti u inizjattivi li jvarjaw minn żmien għal żmien. Fost l-oħrajn il-proġetti u l-inizjattivi jinkludu amministrazzjoni, turiżmu, affarijiet legali, ppjanar u infrastruttura, xogħlijiet pubbliċi u komunikazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10780 li ngħatat fil-11 ta' Lulju 2023, dwar x'inhuma r-raġunijiet li Triq il-Pitkalija, fix-Xewkija Għawdex, ilha għal aktar minn sentejn u nofs b'kisja waħda ta' asfalt u meta hi ppjanata li tingħata l-aħħar kisja sabiex din tkun lesta u fid-dawl li t-tweġiba kienet “tlabt lid-dipartiment ikkonċernat sabiex tali kisja tingħata”, jista’ l-Ministru jgħid għaliex għaddew iktar min tliet xhur u din it-triq għadha b' kisja waħda asfalt u jgħid ukoll meta ser tingħata t-tieni kisja?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-parti tat-triq qiegħda nkluża fil-programm tax-xogħlijiet tal-Ministeru għal Għawdex.
Ministeru għal-Għawdex – Sejħa għal Medical Practitioner/s
Question
Jista’ l-Ministru jgħid u jispjega fiex tikkonsisti l-espressjoni ta' interess li ħareġ reċentament il-Ministeru għal-Għawdex 'for Medical Practitioner/s to serve in Gozo as may be directed by the Ministry for Gozo' MGOZ EOI 01/2023? Jista’ l-Ministru jgħid għala inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din l-espressjoni ta' interess u kemm hu l-baġit allokat? Jista’ jgħid f' dawn l-aħħar xhur u snin, min kien qed jipprovdi dan is-servizz u kemm kienet l-ispiża biex ġie pprovdut dan is-servizz?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rapport tal-Awditur Ġenerali li ħareġ f’Novembru tal-2022, kien hemm rakkomandazzjoni biex is-sezzjoni tal-kura tal-anzjani tagħmel aktar monitoraġġ rigward is-servizzi residenzjali mogħtija lill-anzjani. Dan it-tip ta’ monitoraġġ jista’ jsir biss minn xi ħadd tekniku u professjonali fis-saħħa. Peress li fil-Ministeru għal Għawdex m’hemmx persuna professjonali li tista’ tagħmel dan it-tip ta’ monitoraġġ, inħasset il-ħtieġa li tinħareġ din is-sejħa.
Home Help – Persuni li jagħmlu użu minn dan is-servizz
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jagħmlu użu mis-servizz tal-Home Help skont il-lokalità u skont l-età, kemm minnhom huma anzjani u kemm huma b'diżabilità? Jista’ jgħid ukoll kemm għandhom sigħat ta' għajnuna?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-etajiet ta’ dawk li jagħmlu użu mis-servizz tal-Home Help ivarjaw minn 65 sena 'l fuq. Madankollu, hemm ukoll xi każijiet ta' persuni bi bżonnijiet speċjali li għandhom anqas minn 65 sena. Min-naħa l-oħra, is-servizz tal-għajnuna fid-dar ivarja bejn sagħtejn u ħames siegħat fil-ġimgħa. Is-servizz jingħata lill-persuni li għandhom 'il fuq minn 65 sena u persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.
Attachments:PQ 12626 Persuni li jaghmlu uzu minn dan is-servizz - tabella.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għas-servizz tal-Home Help fis-snin 2020, 2021, 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew milqugħa u kemm minnhom effettivament bdew jieħdu s-servizz u kemm minnhom għadhom jistennew is-servizz approvat? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn it-talbiet kienu ta' persuni anzjani u kemm minnhom kienu ta’ persuni b'diżabiltà?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Marsalforn, Għawdex – xogħol ta’ bini fi Triq Santa Marija u Triq Qbajjar
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 8382 li ngħatat fil-15 ta' Mejju 2023 dwar xogħol ta' bini mill-ġdid fi Triq Santa Marija u Triq il-Qbajjar, f'Marsalforn, Għawdex, fejn kien ġie imwieġeb “li l-Ministeru bħalissa qed jaħdem fuq tender (DPS) ibbażat fuq kunċett li tinħoloq pjattaforma li twassal sabiex ikun hemm pool ta’ kuntratturi li wara mini-competitions jaqdu l-esiġenzi tal-Ministru għal Għawdex fejn tidħol l-infrastruttura. Dan il-pass qed isir sabiex tkompli tiżdied l-effiċjenza u l-ispeditezza tax-xogħlijiet li jkun hemm bżonn isiru”, jista’ l-Ministru jgħid:
i. jekk dan it-tender (DPS) tlestiex;
ii. jekk ħariġx u kemm hu l-valur tiegħu u għal-kemm-il sena ser ikun;
iii. meta ħa jibdew ix-xogħlijiet marbuta ma’ dan it-tender (DPS); u
iv. u liema toroq hemm ippjanati li jsiru permezz ta’ dan it-tender (DPS)?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninsab infurmat li t-tender imsemmi għadu ma ħarigx. Bħalissa għaddejjin bl-abbozz finali b’konsultazzjoni mad-dipartiment tal-kuntratti, fejn id-dettalji relatati mal-valur u għal kemm -il-sena ser ikun, għadhom m’humiex definiti. Ix-xogħlijiet marbuta ma’ din it-tender żgur li ma jistgħux jibdew qabel jigi awarded dan it-tender. Fir-rigward tat-toroq, il-Ministeru qed iżomm flessibilità sħiħa, bit-toroq l-aktar ta’ prijorità ser ikunu qed jiġu mibnija mil-ġdid jew irranġati.
Ministeru għal Għawdex — rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9272 u jgħid jekk f’kull dipartiment jew entità li jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex sarux rakkomandazzjonijiet dwar is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq barra minn Marzu 2013 sal-lum u jekk iva, meta saru? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopji ta’ tali rakkomandazzjonijiet?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qegħdin isiru spezzjonijiet regolari fuq il-ħaddiema kollha fid-Divizjonijiet u d-Direttorati tal-Ministeru għal Għawdex li jaħdmu fuq barra. Dawn ir-rakkomadazzjonijiet qegħdin jiġu osservati u ndirizzati.
Fir-rigward tal-Gozo Channel Operations Ltd, fejn il-miżuri neċessarji kollha tas-saħħa u s-sigurtà għall-ħaddiema li jaħdmu barra jiġu implimentati bla dewmien. Il-kumpanija timplimenta l-miżuri neċessarji skont il-liġijiet tas-saħħa u s-sigurtà biex il-ħaddiema jiġu mħarsa.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju waslu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati biex jiġu definiti s-servizzi meħtieġa fix-Xlendi, li jkunu jirriflettu d-domanda li dejjem qed tiżdied? Jista’ jgħid meta hu maħsub li dawn jingħalqu u xi jkun jmiss wara?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed jingħalqu l-konsultazzjonijiet mal-entitajiet ikkonċernati, filwaqt li qed isir id-disinn tal-Masterplan tax-Xlendi sabiex tkun tista tiġi sottomessa applikazzjoni mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il konsulent kien hemm ingaġġat miegħu f'din is-sena, u ċjoè bejn Ottubru 2022 u Ottubru 2023 u jgħid min huma l-konsulenti, x'remunerazzjoni għandhom u x'inhi l-kariga ta’ kull wieħed jew waħda rispettivament?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11808.
Jista’ l-Ministru jgħid kif ser jiġu 'monitored' id-deliverables abbinati mal-Istrateġija għal Għawdex fix-short u medium term?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li issa li ġiet ippubblikata l-istrategija, id-deliverables jkunu monitored mill-Awtorità għall-Iżvilupp Reġjonali ta’ Għawdex (GRDA) fuq bażi regolari. Dawn id-deliverables jiġu ppubblikati fir-rapport annwali tal-istess Awtorità jew f’pubblikazzjoni addizzjonali li toħroġ il-GRDA.
Mid-diversi proġetti tal-Inter-Reg li qegħdin jipparteċipaw fihom il-Gozo Regional Development Authority (GRDA) u l-Ministeru, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra sommarju ta' dawn il-vjaġġi u jelenka l-best practices li ġew osservati u li qegħdin jiġu kkunsidrati minn din l-Awtorità?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-GRDA ma għandhiex proġetti taħt Inter-Reg u l-proġetti tal-Inter-Reg li pparteċipa fihom il-Ministeru għal Għawdex f’dawn l-aħħar snin huma s-segwenti: Destination SME's - Inter-Reg Europe, Bess - Inter-Reg Italia / Malta, Simaseed - Inter-Reg Italia / Malta, Consumeless - Inter-Reg Med, Sherpa - Inter-Reg Med, Intencive - Inter-Reg Europe, Resindustry - Inter-Reg Europe, Ebussed - Inter-Reg Europe, Bioblu - Inter-Reg Italia / Malta, Incircle - Inter-Reg med.
Jista’ l-Ministru jgħid għal liema laqgħat attenda fi ħdan l-Unjoni Ewropea u dawk li mistenni jattendi għalihom f’dawn it-tieni sitt xhur tas-sena, jiġifieri minn Lulju sa Diċembru 2023?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’Ottubru, attendejt għal laqgħa fil-Belġju bl-isem EU Regions Week, including the conference ‘After the European Parliament’s resolution on island regions: what’s next?'. Aktarx ser nattendi wkoll General Assembly and 50th anniversary of the CPMR Franza, però għadni ma kkonfermajthiex. M'iniex infurmat s’issa li se jkun hemm aktar laqghat fi ħdan l-Unjoni Ewropea sa Diċembru, però tifhem li jista’ jkun li niġu mistiedna għal xi laqgħat aktar 'il quddiem skont iċ-ċirkustanzi.