Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct order

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm ingħataw direct orders (x'kienet id-direct order, kemm swiet u lil min ingħatat) f'dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill- Onorevoli Interpellant illi matul l-aħħar tliet xhur f'Malta ingħataw tliet Direct Orders bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi. Id-dettalji jinsabu fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra

Ħruġ ta' ċittadinanza ta' familja

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jara meta se toħroġ iċ-ċittadinanza tal-familja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament li dawn ilhom jgħixu hawn Malta għal 22 sena u għamlu dak li talbuhom l-awtorità u issa qed jistennew mid-depot li tinħarġilhom iċ-ċittadinanza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ipproċessar ta' dawn l-applikazzjonijiet jinsab fl-aħħar stadju u għandhom jiġu finalizzati fi żmien qasir

Persuni li ġew naturalizzati għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħarraf lil din il-Kamra kemm persuni ġew naturalizzati għaċ-ċittadinanza Maltija fis-sena 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il darba ntużaw is-servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-istess Ministeru jew xi dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'dawn l-aħħar sitt xhur? Jista' jindika l-attività x'kienet?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ntużawx servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f'attivitajiet organizzati mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin f'dawn l-aħħar sitt xhur

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — mmebri ingaġġati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm membri tas-Segretarjat Privat tal-Ministeru li kien ġew ingaġġati b’kuntratt definit jew indefinit (tweġibiet separati) li fl-aħħar xhur/ġimgħat ġew ingaġġati fuq bażi ġdida kuntrattwali mal-Ministeru tiegħu u/jew ta' ħaddieħor u/jew ma' xi aġenzija, awtorità, entità parastatali jew governattiva li taqa' taħtu u/jew ta’ xi Ministeru ieħor? Jista' jagħti dettalji sħaħ anki jekk ma jingħatawx ismijiet ta’ kull każ involut?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ebda membru tas-Segretarjat ma jista jkollu kuntratt indefinit peress li dawn il-membri kollha jkollhom 'political appointment'. Teżisti differenza fejn uħud mill-membri tas-Segretarjat ikunu ġa mpjegati mal-Gvern jew entitajiet governattivi filwaqt li jkun hemm oħrajn ġejjin minbarra ċ-ċivil jew entitajiet governattivi li huma msejħa bħala 'external' Fis-Segretarjat tiegħi, fl-aħħar xahar kien hemm persuna li ġa kienet impjegata tal-Gvern u li spiċċat mis-Segretarjat għaliex ġiet ingaġġata bħala Manager mal--MIMCOL

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — persuni li rrikorrew għal xi servizzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien hemm persuni neqsin mid-dawl u neqsin mis-smigħ li personalment jew tramite xi persuni jew entitajiet oħra irrokorrew għas-servizzi mogħtija minn xi uffiċċju tal-Ministeru jew dipartiment jew entità li jaqa' taħt d-dekasteru tiegħu f'dawn l-aħħar sitt xhur u jgħid x'mezzi ntużaw biex saret il-komunikazzjoni mal-persuna konċernata?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, matul dawn l-aħħar sitt xhur dan il-Ministeru kellu każ wieħed fejn persuna b'nuqqas ta' smigħ kif ukoll b'diffikultà tal-kelma kellha bżonn tinqeda minn Ambaxxata. Il-persuna kkoċernata wżat il-"lip reading" kif ukoll il-kitba sabiex tikkomunika b'suċċess mal-uffiċċjal ikkonċernat.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — diplomats

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin kemm-il diplomats daħlu dawn l-aħħar erba' snin, din l-aħħar sena u dawn l-aħħar sitt xhur? Kemm-il diplomat daħal wara sena li għamel l-eżami? Fuq liema kriterji jintagħżlu id-diplomats Maltin, biex imorru jservu fl-ambaxxati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'dawn l-aħħar erbgħa (4) snin ġew ingaġġati b'kollox sebgħa u tlettin (37) Second Secretaries. Minn dawn is-37 daħlu dsatax (19) f'din l-aħħar sena u minn dawn id-dsatax (19) daħlu għaxra (10) f'dawn l-aħħar sitt xhur. Ġeneralment meta jkun hemm vakanzi fl-ambaxxati ta' Malta, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin joħroġ ċirkulari nterna li tinġieb għall-attenzjoni tal-uffiċjali tal-Ministeru u l-Korp Diplomatiku Malti kollu. Dawk interressati jintalbu jissottomettu 'expression of interest' li fiha jindikaw il-preferenzi tagħhom kif ukoll ir-raġunijiet għalfejn jaħsbu li għandhom jiġu ikkunsidrati għakk-dawn il-vakanzi. Wara, issir evalwazzjoni interna ta' dawn l-expressions of interest' inkluż esperjenza, disponibilita, kif ukoll kwalitajiet professjonali pertinenti li jkunu meħtieġa ghal vakanzi nfushom. Wara li jittiehdu d-deċiżjonijiet, dawn jiġu ppubblikati f'posting order'. Ta' min jinnota li f'dawn l-aħħar snin, sar sforz kbir minn naħa tal-Ministeru tiegħi sabiex jiġu promossi u jintbgħatu jservu barra minn Malta kemm jista jkun dawk hekk imsejħa 'career officers' tal-korp diplomatiku Malti fil-livelli kollha inkluż dak ta' ambaxxaturi.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — aċċessibilità fl-uffiċini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'xogħlijiet saru f'dawn l-aħħar sitt xhur f'kull ufficċju tal-Ministeru u d-diaprtiimenti u entitajiet kollha li jaqgħu taħtu biex ikun aċċessbbli għall-persuni b'diżabilità kemm fiżika u kif ukoll dawk li għandhom nuqqas ta' smigħ u nuqqas ta' dawl?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul dawn l-aħħar sitt xhur ġie mibdul il-lift tal-Ministeru, jiġifieri ġewwa Palazzo Parisio. Dan ġie mibdul għal wieħed li huwa magħmul skont ir-regolamenti tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' allura huwa aċċessibli għal dawk in-nies li jużaw is-siġġu tar-roti. Ta' min iżid li l-buttuni li wieħed jagħfas sabiex jitla' jew jinżel fil-lift għandhom ukoll il-breil sabiex jiffaċilitaw lil dawk b'nuqqas ta' dawl.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma xtrat ebda shredder mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin matul is-sena 2011 għall-użu f'uffiċċji f'Malta, filwaqt li din is-sena nxtrat waħda (1) flok oħra li ma taħdimx.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — direct orders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm-il direct order ingħatat matul l-ewwel 10 xhur ta' din is-sena mill-Ministeru u d-dekasteru tiegħu inkluż dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt l-uffiċċju tiegħu? Jista' jgħid kemm kienet iċ-ċifra ta' flus globali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena ngħataw erbgħin (40) Direct Order. Mill-Head Office f'Malta ammontaw għal € 342,655, Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappreżentativi € 332,825 u għal xiri ta' biljetti tal-arju € 24,255 kif approvati mill-Ministeru tal-Finanzi.

għajnuna lil bands mużikali lokali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jwieġeb mistoqsija parlamentari 36647 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol u issa ġiet riferuta lilu u jgħid minn liema tip t'għajnuna jistgħu jibbenefikaw bands mużikali lokali sabiex ikollhom l-opportunità ta' esperjenza barra minn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, fi Frar tal- 2012 nieda fond ġdid għad-Diplomazija Kulturali bil-għan li jippromwovi il-kultura u l-identita' Maltija l-barra minn xutna. L-allokazzjoni għal din l-ewwel sena kienet ta' €75,000 Ewro. Il-Proċess li jwassal għall-għoti tal-għajnuna huwa kif ġej. Tinħareġ sejħa interna lill-Ambaxxati ta' Malta biex jibgħatu il-proposti kulturali tagħhom għall-konsiderazzjoni minn kumitat ta' Koordinazzjoni maħtur apposta għal dan il-għan. Din is-sejħa inħarġet fil-bidu ta' din is-sena. Ir-rappreżentanti f'dan il-kumitat huma mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin, il-Ministeru tat-Turiżmu, il-Kultura u l-Ambjent u l-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment. Peress li n-natura ta' dan il-Fond hija differenti minn dik tal-Arts Fund li huwa amministrat mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, is-sejħa għal proposti kulturali ssir direttament lill-Ambaxxati li minn naħa tagħhom huma mistennija li jressqu proġetti li fil-fehma tagħhom jistgħu jagħtu viżibilita' wiesa tal prodott kulturali Malti fil-pajjiż minn fejn joperaw. Dan kollu jsir fi sforz sabiex Malta tkun dejjem rappreżentata bi proġetti kulturali ta' kwalita' għolja li twassal fost l-oħrajn għal promozzjoni xierqa ta' pajjiżna kif ukoll tagħti opportunita' lil artisti Maltin biex jiżvillupaw kuntatti ma' artisti barranin.

Citazenship Authorisations

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inħarġu xahar b'xahar citazenship authorisations mill-awtoritajiet kompetenti mill-bidu tas-sena u ta' liema nazzjonalistà kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b'citizenship authorizations qed nifhem għan-numru ta' persuni li lilhom ingħatat iċ-ċittadinanza Maltija. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Il-figuri ta' dawn it-tliet tabelli jkopru il-perjodu xahar b'xahar minn Jannar sa Settembru 2012.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — infiq fuq fuel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kienet in-nefqa globali ta' flus għall-fuel/petrol/diesel li jintuża mill-Ministeru matul l-ewwel għaxar xhur tas-sena 2012? Jista' jipprovdi informazzjoni separata għal dik li hija l-istess ċifra għad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-ewwel għaxar xhur ta' din is-sena nxtraw fuel/petrol/diesel f'ammont globali ta' €17,539 mill-Head Office u Dipartimenti f'Malta u €61,303 mill-Ambaxxati, Konsulati u Uffiċċji Rappresentativi ta' Malta li jinsabu f'diversi pajjiżi

Laqgħa mas-CEO tal-OSCE u ODIHA

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid saritx laqgħa f'Awwissu li għadda mis-CEO tal-OSCE u/jew ODIHA dwar meta sa ssir l-elezzjoni ġenerali t'Malta? Ingħatatx id-data lil din l-organizzazzjoni internazzjonali? X'ġie diskuss? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-minuti tal-laqgħat li nżammu mas-CEO msemmi fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret ebda laqgħa mas-CEO tal-OSCE. Saret laqgħa mas-Segretarju Generali tal-OSCE, f'liema laqgħa ma ssemmitx meta se ssir elezzjoni ġenerali

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — serqiet rapportati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm kien in-numru ta' serqiet ġew rapportati lill-Pulizija li saru mill-Ministeru, dipartimenti, id-dekasteru u awtoritajiet oħra li jaqgħu taħtu fl-ewwel sitt xhur tas-sena?

Response (BORG, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-ewwel sitt xhur tas-sena ma saret l-ebda serqa fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u d-dekasteru li jaqa' taħtu.

Tneħħija ta' kurċifiss mill-Kamra tar-Rappreżentanti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid meta sar l-attentat u minn min biex jitneħħa l-kurċifiss mill-Kamra tar-Rappreżentanti kif ġie rrapurtat f'ġurnal lokali?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li ma kien hemm ebda intenzjoni jew inizjattiva f'dan is-sens

applikazzjoni għaċ-ċittadinanza Maltija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li ilhom jgħixu Malta minn 1990 għad għandhom l-applikazjzoni tagħhom pendenti biex isiru ċittadini Maltin? Jista' jgħid għaliex għadha ma ġietx konkluża l-applikazzjoni tagħhom biex jiġu naturalized Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet magħmula mit-tlett persuni li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant għadhom qed jiġu pproċessati. Malli tittieħed deċizjoni fuq il-każ tagħhom, huma jiġu mgħarrfa biha minnufih.

Laqgħat tan-NATO

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk mill-2008 sal-lum, huwa attendix laqgħat organizzati minn, jew bis-sehem tan-NATO? Jekk iva, liema kienu, meta u fejn saru, u x'suġġetti ġew diskussi?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li attendejt flimkien mal-Prim Ministru Working Lunch organizzat mill-Euro Atlantic Partnership Council (EAPC) nhar it - 3 ta' April 2008 f'Bucharest. Fil-Working Lunch kien trattat is-suġġett "The Euro-Atlantic Partnership: 21st Century Security Challenges". L-attendenza ta' Malta kienet relatata mar-riattivazzjoni ta' Malta fil-Partnership for Peace u d-dħul fil-Euro-Atlantic Partnership Council.

applikazzjoni għaċ-ċittadinanza

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-affarijiet Barranin jgħid il-għala l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u liema applikazzjoni ilha mis-27 t’April 2010, sal-lum, aktar minn sentejn wara għadha ma ġietx ipproċessata, speċjalment wara li saru l-intervisti neċesarji?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li dan il-każ għandu jiġi ffinalizzat dalwaqt u l-persuna kkonċernata għandha tiġi nfurmata bid-deċizjoni.

Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea — informazzjoni

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 35854 u 35855 separatament dwar il-pakkett finanzjarju sħiħ tas-Sur R Cachia Caruana kif wkoll dwar kemm dan qed jiswa lill-Kaxxa ta’ Malta fil-qadi ta’ dmirijietu, flimkien mal-kuntratti (oriġinali, emendati u/jew mibdula) mitluba li għadhom ma ġewx ippubblikati, u ċ-ċaħda u/jew konferma mitluba dwar jekk hu f’xi stadju jew ieħor ħa xi arretrati jew le, jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jagħti t-tagħrif sħiħ, kollu mitlub lil din il-Kamra f’ġieħ it-trasparenza u l-kontabbilità kif soltu jsir dwar kull uffiċjal elettiv jew le f’kwalunkwe kariga, diment li jkun imħallas strettament minn fondi pubbliċi kif jidher li huwa l-każ fir-rigward ta’ din il-persuna msemmija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 36109.