Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — materjal informattiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38250 u jgħid xi spejjeż ta' materjal informattiv bħal billboards, flyers, materjal printjat, fuljetti u reklami oħrajn fil-ġurnali u fil-mezzi tax-xandir għamel il-ministeru tiegħu matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Good Causes Fund — Donazzjonjiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38064 u jagħti lista ta' donazzjonijiet li ngħataw lill-NGOs bħal Fondazzjoni Wirt Artna, Din l-Art Ħelwa, Flimkien għall-Ambjent Aħjar eċċ. mill-2008 sal-lum mill-fondi tal-gvern bħal Good Causes Fund u minn dipartimenti, entitajiet u kumpaniji tal-gvern?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward ta’ donazzjonijiet li ngħataw min-National Lotteries Good Causes Fund, nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi għar-Rapporti Annwali li tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bank Ċentrali ta' Malta — riservi tad-deheb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma r-riservi tad-deheb fil-Bank Ċentrali llum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li r-riservi tad-deheb tal-Bank Ċentrali fl-aħħar ta’ Novembru kienu jammontaw għal €11,498,595.

restawr ta' sur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iwassal li xogħol fuq ir-Restawr tas-Sur magħruf bħala VLT 15 partikolarment Elevation 1 faċċata tal-Port il-Kbir li hu ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja għadu ma nbediex u jekk dan hu minnu, jista' jikkonferma li l-Joint Venture Italo-Malti mogħti l-appalt qiegħed jippretendi li jitħallas somma addizzjonali bħala variation order iżjed minn dak maqbul fl-iffirmar tal-kuntratt li sar mad-Dipartiment tal-Kuntratti bl-iskuża li peress li hemm proprjetà ta' terzi taħt il-post fejn irid isir ix-xogħol, għaldaqstant għandu jsir ħlas addizzjonali biex l-armar li jsir jipproteġi din il-proprjetà u dan meta l-istess Joint Venture meta kienet ippubblikata l-offerta relattiva mid-Dipartiment tal-Kuntratti kellu l-obbligu li mhux biss iżur is-sit fejn kien identifikat li jsir ix-xogħol iżda li jiehu konjizzjoni tal-proprjetà ta' terzi li ilha hemm snin twal u allura b'responsabilità kellu jitfa' prezz ġust biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u mhux wara li ġie ffirmat il-kuntratt qiegħda tinstab kull skuża biex ix-xogħol ma jinbediex bil-premessa ta' dan il-periklu u b'konsegwenza t'hekk b'nuqqas ta' ħaqq fil-konfront ta' offerenti oħra li taw prezz ġust għax-xogħol li kellu jsir billi ħadu s-salvagwardji kollha meħtieġa kuntrarjament għal min ingħata l-offerta biex issa kollox jidher li l-irħas fil-fatt hu l-ogħla għall-Gvern Malti filwaqt li jgħid jekk il-Planning and Priorities Co-Ordination Division fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li alloka fondi speċifiċi għal dawn ix-xogħlijiet, ġietx mgħarrfa b'tali żvilupp mid-Dipartiment tal-Kuntratti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari numru 38706.

VAT fuq kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li l-gvern daħħal mill-VAT fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, sena b'sena, mill-2007 sal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-VAT m’għandux informazzjoni dwar l-ammont li l-Gvern daħħal mill-VAT fuq il-kontijiet tad-dawl u l-ilma fis-snin imsemmija. Ta’ min jippreċiza li fil-kontijiet tad-dawl u ilma, ma hemmx VAT fuq l-ilma filwaqt li l-VAT fuq id-dawl tiġi ċċarġjata biss fuq kontijiet li ma jkunux ta’ households u/jew residenzjali. Il-VAT dovuta fuq dawl kunsmat minn households tiġi assorbita mill-Korporazzjoni Enemalta, filwaqt li n-negozji, fabbriki eċċ li jħallsu l-VAT fuq il-konsum tad-dawl jikklejmjaw lura din il-VAT fid-denunzji tagħhom u għaldaqstant il-VAT tkun spiża newtrali.

VAT fuq bejgħ ta' ċilindri ta' gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li l-gvern daħħal mill-VAT fuq il-bejgħ ta' ċilindri tal-gass, sena b'sena, mill-2007 sal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment tal-VAT m’għandux informazzjoni dwar l-ammont li l-gvern daħħal mill-VAT fuq il-bejgħ ta' ċilindri tal-gass fis-snin imsemmija. Ta’ min jirrimarka li d-distributuri li huma awtorizzati li jbiegħu ċilindri tal-gass fid-denunzji tal-VAT tagħhom jiddikjaraw biss il-kummissjoni peress li l-VAT fuq iċ-ċilindri tal-gass tiġi dikjarata mill-kumpaniji li jipprovdulhom iċ-ċilindri. Peress li dawn il-kumpaniji fid-denuzji tal-VAT tagħhom jinkludu wkoll il-bejgħ ta’ prodotti u gass mibjugħ in bulk mhux possibbli li d-Dipartiment jiġbor l-informazzjoni mitluba dwar ċilindri tal-gass.

VAT fuq bejgħ ta' petrol, diesel u pitrolju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li l-gvern daħħal mill-VAT fuq il-bejgħ ta' petrol(leaded u unleaded), tad-diesel u tal-pitrolju, sena b'sena, mill-2007 sal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux informazzjoni dwar kemm inġabret taxxa tal-VAT fuq il-petrol (leaded u unleaded), tad-diesel u tal-pitrolju peress li t-taxxa tal-VAT miġbura fuq dawn il-prodotti tiġi rrapurtata fid-denunzji mis-sidien tal-pompi globalment flimkien ma’ prodotti jew servizzi oħra li jissuplixxu.

VAT fuq bejgħ ta' industrial oils and fuels

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont li l-gvern daħħal mill-VAT fuq il-bejgħ ta' industrial oils u fuel, sena b'sena, mill-2007 sal-2012?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li d-Dipartiment tal-VAT m’għandux informazzjoni dwar kemm inġabret taxxa tal-VAT minn fuq il-bejgħ ta’ industrial oils u fuel peress li t-taxxa tal-VAT miġbura fuq dawn il-prodotti tiġi rrapurtata fid-denunzji mill-bejjiegħa konċernati flimkien ma’ prodotti jew servizzi oħra li jissuplixxu.

Air Malta — roster fit-taqsima tal-passenger handling

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop li skont ir-roster il-ġdida, l-impjegati ta' Air Malta fit-taqsima tal-passenger handling se jiġu kostretti f'xi ġranet matul il-ġimgħa jaħdmu per eżempju bejn 8:15pm u 2:15am u shift ieħor bejn 3:15am u 8:00am, meta shift jista' jinħadem dritt bejn 8:15pm u 8:00am? Ma jaħsibx li dawn il-ħinijiet mhux diċenti għall-impjegati bil-familja?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Tender dwar energy saving li għadu ma ġiex aġġudikat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38581 u 38156 u jgħid x'inhi r-raġuni li tender dwar energy saving li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li għalaq fil-15 ta' Mejju 2012 għadu ma ġiex aġġudikat s'issa u dan meta energy saving campaigns għandhom ikunu ta' prijorità ta' kull amministrazzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-aġġudikazzjoni ta’ l-offerti ġiet konkluża. Meta l-konklużjonijiet ġew sottomessi għal kunsiderazzjoni tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti, inħasset il-ħtiega li ċertu rakomandazzjonijiet għandhom jiġu ċċarati qabel ma’ dawn jiġu ppublikati.

St. Philips Hospital — negozjati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38580, 38142, 37386 u 37071 u jgħid meta bdew in-negozjati ma' St. Philips Hospital li eventwalment wasslu għal ftehim propost? Jista' jagħti t-time lines tal-istadji kollha tan-negozjati u minn min saru min-naħa tal-gvern? Meta ddaħħlu fl-istorja kollha l-Foundation for Medical Services? Min rrapreżenta lill-fondazzjoni fl-istadji varji tan-negozjati u dan ix-xogħol ġie farmed out lil terzi? Jekk iva, lil min? Jikkonferma rapporti li n-negozjati bdew madwar sitt xhur wara l-elezzjoni ta’ Marzu 2008? X’kienu l-alternattivi li ġew ikkunsidrati? Minn min saru dawn l-istudji dwar siti jew premises alternattivi? Jista' jippubblika l-minuti u d-dokumenti kollha marbutin ma' dawn in-negozjati inklużi minuti tal-laqgħat kollha li saru? Liema kienu l-auditing firms allegatament involuti fin-negozjati f’isem il-gvern u anki s-sidien?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

San Ġwann — Triq Buganvilla - xogħol fuq drains tal-komun

Question

B'referenza għax-xogħlijiet li kellhom isiru fil-flats li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament fi Triq Buganvilla f'San Ġwann fejn id-drains tal-komun huma maqsumin u għandhom bżonn xogħol ta' maintenance u li ninsab infurmat li uffiċjali tal-gvern marru on site, għamlu spezzjoni xierqa u taw lill-inkwilini x'jifhmu li x-xogħol kellu jibda dalwaqt, jista' l-Ministru jaġġorna dwar fiex waslet din it-talba?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jindirizza din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-Awtorita’ tad-djar.

problemi fis-sistema tad-drenaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38624 u 38466 u jgħid fejn jista' jirrikorri l-pubbliku meta jkun hemm każ ta’ problema fis-sistema tad-drenaġġ li tista' tkun kkawżata lil terzi mill-ġirien li jgħixu fuq jew inkella fil-madwar ta’ xi post ta’ persuna oħra fejn ikun qed jirriżulta li qed ikun hemm problem fl-istess sistema tad-drenaġġ possibilment anke minħabba li servizzi ta’ drenaġġ ma jkunux saru kif suppost? X’rimedji jistgħu jsiru f’każijiet bħal dawn?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tas-Sanità Pubblika.

budget — reviżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38525 u jgħid x'reviżjonijiet saru fil-budget għal din is-sena minn dak li ġie oriġinarjament ivvutat? Jista' jagħti dawn id-dettalji separatament u sa Ottubru 2012? Jista' jgħid ukoll kemm ġie minfuq sa dan iż-żmien fuq kull line item u kemm hemm kontijiet pendenti sabiex jitħallsu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

ħruġ ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38502 u 38290 u jgħid għaliex l-aħħar kont li ħareġ għar-residenti tal-Kunċizzjoni limiti tar-Rabat mill-Arms Ltd imur lura għas-17 ta' Jannar 2012 ? X' ikkawża dan id-dewmien u meta se jinħareġ il-kont lil dawn ir-residenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-kontijiet relatati man-naħa tal-Kunċizzjoni, limiti tar-Rabat, huma klassifikati fis-sistema bħala ‘FARMHOUSES’, dan skont kif kien mitlub oriġinarjament mil-istess applikanti infushom. Dawk il-fondi li jkunu klassifikati bħala farmhouses jkunu ġeneralment bini rurali u l-aċċessibilta biex tasal jew tidħol għalihom, ma tantx tkun faċli. Dawn il-fondi jiġu assenjati lil-skeda partikolari ta’ meter reader . Minħabba n-numru kbir li hemm ta’ farmhouses , sar eżerċizzju estensiv u dettaljat, sabiex jiġu identifikati il-kontijiet tal-fondi kollha, fi ħdan il-lokalitajiet kollha, sabiex jigu ammendati dawk il-kontijiet li kienu klassifikati bħala farmhouses , bħal ma ġara fil-każ tal-Kunċizzjoni. Huwa mistenni li sa l-aħħar ta’ din is-sena, dawk il-kontijiet kollha li ġew re-klassifikati taħt il-kategorija t-tajba tagħhom, jinħarġulhom il-kontijiet kollha pendenti.

Baħrija — Kontijiet tad-dawl u ilma li għadhom pendenti għal divesri xhur

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38501, 38269 u 38080 u cioè: Billi l-kontijiet tad-dawl u l-ilma tar-resident tal-Baħrija waqgħu lura għal aktar minn tmien xhur milli jintbagħtu, jista’ l-Ministru jinforma x’qed jikkaża dan id-dewmin? Jista’ jinforma ukoll liema bliet u rħula f'Malta, li bħar-residenti tal-Baħrija, l-kontijiet waqgħu lura daqstant? Jista’ jinforma raħal b’raħal, belt b’belt, meta se jintbagħtu dawn il-kontijiet?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kontijiet relatati mal-Baħrija ġew klassifikati bħala ‘Farmhouses’, kif kien mitlub oriġinarjament mill-applikanti infushom. Fondi li jkunu klassifikati bħala farmhouse jkunu ġeneralment bini rurali u l-aċċessibiltà biex tasal jew tidħol għalihom, ma tantx tkun faċli. Dawn il-fondi jigu assenjati skeda partikolari tal- meter readers . Minħabba n-numru kbir li hemm ta’ farmhouses , sar eżerċizzju estensiv u dettaljat, sabiex jiġu identifikati il-kontijiet tal-fondi kollha, fi ħdan il-lokalitajiet kollha, sabiex jigu amendati dawk il-kontijiet li kienu klassifikati bħala farmhouses , bħal ma ġara fil-każ tal-Baħrija. Huwa mistenni li sa l-aħħar ta’ din is-sena, dawk il-kontijiet kollha li ġew re-klassifikati taħt il-kategorija t-tajba tagħhom, jinħarġulhom il-kontijiet kollha pendenti.

Enemalta — ċifra ta' flus għall-elettriku ġġenerat

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38500, 38270, 38045, 37817 u 37644 u jgħid kemm hi ċ-ċifra tal-flus globali li l-Korporazzjoni Enemalta għandha tħallas illum bħala kumpens għall-elettriku ġġenerat permezz tas-sistemi fotovoltajici lill-familji li żviluppaw u bdew joperaw fid-djar privati u/jew stabilimenti kummercjali? Jista’ jgħid meta fil-fatt se jitħallsu? Għaliex fil-fatt għadhom ma tħallsux?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li s’issa inħarġu 2,689 kont minn total ta’ 5,085 applikazzjoni li ġew reġistrati ma’ l-Enemalta. Minn dawn, kien hemm 3,038 applikazzjoni li saru din is-sena, u hemm 317 li għad iridu jiġu proċessati u jitwaħħlilhom il- meter . Ta’ min jgħid li fil-każ tal-‘ Feed In Tariffs ’, il-kontijiet jinħarġu fuq qari attwali biss, li jsir kull sitt xhur. Il-kumplament tal-kontijiet jitħallsu skont il-‘ Billing Schedule ’ normali. Għaldaqstant, mhux possibbli li jiġi stmat kemm għandha tħallas l-Enemalta.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — pendenzi fil-pagamenti għal xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38499, 38271 u 38087 u jgħid sal-lum kemm huma l-pendenzi tal-pagamenti f’ċifra ta’ flus globali li l-gvern u l-entitajiet, dekasteri, awtoritajiet eċċ. jridu jħallsu għal xogħlijiet li ġew approvati b’riżultat ta’ tenders u direct orders approvati uffiċjalment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks — gradi mhux maniġerjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38531, 38336 u 38027 u jgħid kemm-il sejħa saret mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks mill-4 ta' Jannar 2004 sal-lum sabiex jimtlew b'mod permanenti vakanzi fi gradi mhux maniġerjali u x'kienu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-vakanzi kollha li inħarġu mill-2004 sal-lum fi gradi mhux maniġerjali, kienu kollha b’kuntratt ta’ 3 snin. Minn dawn, 18 inqalbu fuq kuntratt permanenti f’għeluq it-tlett snin, kif muri fit-tabella li qedd titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-vakanzi kollha li imtlew mill-2010 sal-lum, li magħhom jinkludu anke il-vakanzi kollha tal-Malta Industrial Parks, huma fuq kuntratt ta 3 snin li għadu ma għalaqx.

MFSA — ħatra tal-konsulent fil-qasam tal-PR

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 38528, 38370 u 38148 u jgħid meta l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji ħatret lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, konsulenta tagħha fil-qasam tal-PR, kif inħatret u meta nħatret u kemm tħallset s'issa? Kemm-il darba organizzat ikliet u riċevimenti f'Londra għall-ġurnalisti u x'kisbet Malta bħala ċentru għas-servizzi finanzjarji minn dan kollu? Kemm ġew jiswew dawn l-ikliet u riċevimenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li din il-kumpanija inhatret mill-Awtorita ta’ Malta ghas-Servizzi Finanzjarji fl-1 ta’ April 2004 sabiex taghti proposti kif jista jigi mmanigjat il-qasam regulatorju tas-servizzi finanzjarji fi Brussel u sabiex taghti support lill-Agenda ghal Qasam tas-Servizzi Finanzjarji fl-Ewropa li kienet giet ippublikata mill Unjoni Ewropeja. Dan sabiex jaghmel lil Malta kompetittiva fl-Ewropa u biex tkun tista tippartecipa bis-shih fl-EU Single Market specjalment biex jintuzaw sewwa id-drittijiet ta’ passporting ghal kumpaniji li jahdmu fil-qasam tas-servizzi finanzjarji sew ta’ dawk li jkunu jridu jistabilixxu ruhhom f’Malta u sew ta’ azjendi Maltin li jkunu jridu jistabilixxu ruhhom f’pajjizi ohra tal-Unjoni Ewropeja. Dan l-ingagg kien ghal perjodu ta’ 21 xhar li spicca f’Dicembru 2005 u ghal dan thallset is-somma ta’ Lm107,564 (€250,556). L-Awtorita organizzat riceviment wiehed f’Londra ghal gurnalisti internazzjonali fil-quartieri tal-Foreign Press Association fejn attendew madwar 35 gurnalist internazzjonali bbazati Londra. Dak in-nhar saru prezentazzjonijiet sew mic-Chairman tal-Awtorita kif ukoll mill-Gvernatur tal-Bank Centrali biex jinghataw il-profil ta’ Malta fil-qasam tas-servizzi finanzjarji u ekonomija ftit qabel ma tidhol fl-ewro. Din il-prezentazzjoni saret fi Frar 2008 u wara kien hemm riceviment fl-istess post li ghalih l-MFSA nefqet is-somma totali ta’ £2179 liri sterlini