Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali — Kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati oħra lill-Marigold Foundation u National Alliance for Rare Diseases Support
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16745 u 16471 u jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjoni Marigold Foundation u/jew il-fondazzjoni National Alliance for Rare Diseases Support u/jew lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu sena b’sena mill-2014 sad-data ta’ meta tingħata r-risposta, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li ninsab infurmat li ngħataw 3 donazzjonijiet b’ total ta’ € 13,775 mingħand 3 entitajiet; Infrastructure Malta, Lands Authority u MATS Ltd.
Id-Dettalji tal-Awtorita’ tat-Trasport ser jingħataw aktar il-quddiem meta jinġabru.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 16998, 16592 u 15475 li oriġinarjament saru lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġew riferuti lilu u jgħid x’inhi l-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu fuq it-Torri tal-Qbajjar li jinsab fi stat ħażin ħafna u fil-periklu imminenti li jiġġarraf? Ma jaħsibx il-Ministru li għandha ssir xi ħaġa immedjata biex dan il-bini storiku ma jiġġarrafx?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Artijiet għaddejja b’diskussjonijiet interni biex b’mod effettiv tikkonkludi proċessi legali pendenti rigward dan is-sit.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet qed isiru fuq is-swar tal-Belt Senglejana u kemm huwa mistenni li jintefaq fl-istess?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li x-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq is-swar ta’ San Mikiel fid-daħla tal-Isla, liema restawr jinkludu t-torri tal-arloġġ u l-gardjola huwa stmat li jiġi jiswa mhux aktar minn €1,362,189.79 exc vat. Dan wara li kienet ħarġet sejħa għal offerti. Il-proġett huwa maniġjat mill-GHRC.
Direttur tal-Portijiet – permessi għal bastimenti biex jidħlu fil-Port il-Kbir
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm bastimenti ngħataw il-permess mid-Direttur tal-Portijiet sabiex jidħlu fil-Port il-Kbir u jsorġu mal-moll tal-Oil Tanking fil-bajja tar-Rinella tul is-sena li għaddiet 2019 u din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru 2020?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li mal-moll ta’ Ricasoli Tank Cleaning Farm tul is-sena li għaddiet sal- 24 ta’ Settembru 2020 kien hemm 18-il vapur.
Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u Proġetti Kapitali – nefqa fuq reklamar u marketing
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ispiża ta' marketing u reklamar li ntefqet mill-2013 sal-lum, ma’ liema media houses jew production houses intefqu, bl-ammonti għal kull sena u jekk kenux reklamar fuq TV, print, stampar, internet jew radju jew stampar ta' materjal ta’ marketing?
Response (BORG, IAN)
Waqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw diġà għall-PQs 184, 252, 2312, 2327, 2342, 2417, 7533, 8688, 10254 u 11993, ngħarrfu li tlabt biex jinġabar il-bqija tat-tagħrif. Appena dan ikun disponibbbli, inkun nista’ npoġġih fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta' proġetti wettqet l-entità Projects Malta ġewwa l-gżira ta' Għawdex minn meta twaqqfet sal-lum u x'kien il-valur tagħhom? Jista’ jgħid ukoll x'proġetti hemm ippjanati li jsiru minn Projects Malta ġewwa Għawdex matul is-sena 2020 u s-sena 2021?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Projects Malta Ltd se tkun qed tistudja numru t’ideat li potenzjalment jistgħu jissarrfu fi proġetti.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 16646 fejn staqsejt lil Ministru x'inhi r-raġuni li meta ssir kwalunkwe tip ta' trinka għal kwalunkweAwtorità/Dipartiment/Kumpanija Privata/Individwu madwar Malta u Għawdex kollha, minflok isir wiċċ temporanju bl-asfalt, kif kienet il-prassi sa seba’ snin ilu, dan il-wiċċ temporanju qed isir bil-lean mix bil-konsegwenza li malli tagħmel ftit xita, dan il-wiċċ jinqala’ u t-triq timtela bil-ħofor b'periklu għas-sewwieqa li jgħaddu mit-triq, jista' l-Ministru jgħid jekk ir-regolatur ta' xogħlijiet fit-toroq tagħna hijiex Transport Malta? Jekk ir-regolatur huwa Transport Malta, il-kundizzjonijiet biex isiru xogħlijiet fit-toroq ta' pajjiżna mhux din l-awtorità (u ċjoè Transport Malta) tagħmilhom? Jekk fl-affermattiv, allura mhux Transport Malta qiegħda tħalli lil diversi awtoritajiet / dipartimenti ma jagħmlux ir-reinstatement temporanju bl-asfalt?
Response (BORG, IAN)
Nieħu gost ninnota li l-Onor. Bezzina qed jirrealizza li x-xogħol fit-toroq illum m’għadux isir kif kien isir “seba’ snin ilu”. Nifhem li qed jalludi għal żmien l-amministrazzjonijiet ta’ Gvern Nazzjonalista, meta sfortunatament għalina llum, pajjiżna kien jara ferm inqas investiment fit-toroq milli kien hemm bżonn. Il-Gvern illum jagħraf li n-nixfa fl-investiment fit-toroq f’Malta u Għawdex qabel l-2013 hija r-raġuni ewlenija għaliex pajji¿na llum qed ikollu jagħmel sforz ferm akbar biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità għolja, b’inqas riskji t’aċċidenti għal mezzi differenti tal-ivvjaġġar, b’inqas ħin fit-traffiku u inqas tniġġis tal-arja fil-lokalitajiet tagħna. Madankollu, il-Gvern dawwar din l-isfida f’opportunità, hekk kif qed ninvestu aktar minn €100 miljun fis-sena għal toroq aħjar f’pajjiżna.
Sa seba’ snin ilu, ftit li xejn kienu jinbnew toroq mill-ġdid. Għalhekk, it-toroq kienu jinqalgħu l-aktar meta xi entità, bħal dawk tas-servizzi tal-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni, ikollha b¿onn tirranġa jew iżżid xi pajpijiet, katusi jew cables taħt l-art. Kif ix-xogħol tas-servizzi kien ikun lest, it-trinka kienet timtela’ mill-ġdid u tinkesa bi strixxa t’asfalt fuq it-trinka biss. Ħafna drabi, wara ftit żmien, l-asfalt fuq it-trinka jisfronda u joħloq ħofra twila tul it-triq, b’periklu għal dawk li jgħaddu minnha.
Illum il-Gvern, permezz ta’ Infrastructure Malta, qed jibni mill-ġdid u jtejjeb għexieren ta’ toroq arterjali, residenzjali, rurali u oħrajn. Fil-fatt, din is-sena din l-aġenzija diġa bniet mill-ġdid jew tejbet madwar 120 triq differenti. Fl-istess waqt, qed twettaq l-akbar proġetti infrastrutturali li qatt rajna f’Malta, bħal Marsa Junction Project, il-mini ta’ Santa Luċija u Central Link Project, bejn Ta’ Qali u l-Imrieħel.
Meta l-Onorevoli Bezzina jinnota xi triq li fiha jkun hemm trinka temporanjament miksija bil-konkos jew materjali simili adekwati għal dan il-għan minflok bl-asfalt, ikun ifisser li l-Gvern ikun ħa l-opportunità biex kif ikun hemm ix-xogħlijiet tas-servizzi fit-triq, Infrastructure Malta tirranġa l-infrastruttura tagħha kollha. Kif ninsab ċert li l-Onorevoli Bezzina jaqbel, ma jagħmilx sens li trinka fi triq li tkun qed tinbena mill-ġdid tinkesa bl-asfalt meta dan xorta jkun ser jerġa’ jinqala’ ftit wara biex it-triq tinbena mill-ġdid. Għalhekk, sakemm jitlestew xogħlijiet oħra bħal bankini ġodda, sistemi għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita u servizzi t’entitajiet oħra taħt l-art, it-trinek jinksew bil-konkos u materjali oħra simili b’mod temporanju. B’hekk jiġi evitat li triq tinkesa b’asfalt li jerġa’ jinqala’ ftit wara.
Fl-aħħar mill-aħħar, fejn qabel konna naraw ħafna trinek imraqqa’ bi strixxi dojoq t’asfalt waħda ħdejn l-oħra, issa qed naraw ħafna toroq jinbnew mill-ġdid, b’infrastruttura ta’ kwalità li sservi aktar fit-tul u li tixraq lir-residenti tagħha, u lil dawk li jgħaddu minnha. Għalhekk, meta l-Onorevoli Bezzina jara triq b’xi trinka temporanjament mimlija bil-konkos, jista’ jqisha bħala triq oħra li dalwaqt ser tibbenefika mill-investiment ta’ dan il-Gvern għal toroq aħjar.
Il-Mosta — Triq il-Farinal - xogħol ta' bini ta' triq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jsir ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq il-Farinal, il-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. It-triq indikata diġà kienet ippjanata mill-aġenzija biex ukoll tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jelenka d-direct orders ta’ bejn €15,000 u d-€19,999 li l-Awtorità tal-Lands ħallset kull xahar wara l-2014 sal-lum?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-2017 sa issa, ċjoè minn meta tnediet l-Awtorità tal-Artijiet, ma kienx hemm direct orders ta’ bejn €15,000 u €19,999 li tħallsu lill-entità waħda jew persuna waħda kull xahar.
Dan jeskludi repair works.
Awtorità tal-Artijiet — sejħa pubblika għal xiri ta' proprjetà
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-2017 sal-lum l-Awtorità tal-Artijiet ħarġitx sejħa pubblika għal xiri ta’ proprjetà żgħira, bla arja, fuq wara tar-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jekk iva, jistax jindika d-data tas-sejħa u n-numru tagħha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li ħarġet sejħa pubblika għall-art li qed jirreferi għaliha fit-8 ta’ Marzu 2019.
Jista' l-Ministru jgħid sa meta hu mistenni li jkun lest il-proġett tas-safety embarcation ramps fix-Xatt tas-Sliema?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li dan huwa parti minn proġett estensiv biex intejbu l-faċilitajiet tal-ivvjaġġar bil-laneċ ħalli aktar persuni jitħajru ju¿aw dan il-mezz ta’ vjaġġar alternattiv. Infrastructure Malta qed tibni faċilitajiet ġodda fix-xatt ta’ Tas-Sliema u x-xatt ta’ Bormla għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport bil-baħar biex jaqsmu lejn il-Belt Valletta permezz tal-laneċ. B’hekk, tkompli titjieb l-aċċessibilità u l-effiċjenza ta’ dan is-servizz ta’ trasport importanti mill-inħawi ta’ Tas-Sliema u l-Kottonera lejn Marsamxett u l-Port il-Kbir.
L-investimenti biex isiru dawn il-faċiliatjiet, li se jagħmlu s-servizz aċċessibbli għal kulħadd u iżjed komdu, hu stmat li flimkien se jammontaw għal madwar €5 miljun. Faċilitajiet simili huma ppjanati wkoll għall-Marsamxett. Is-sena l-oħra kien diġà sar proġett pilota f’Marsamxett fejn Infrastructure Malta mmodernizzat il-faċilitajiet tal-irmiġġ, bniet strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu tiswijiet fuq il-moll, l-introduzzjoni ta’ rampi u passarelli mekkanizzati u l-installazzjoni ta’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Saru wkoll poġġamani għal aktar sigurtà waqt li ż-żona fuq l-art fejn il-passiġġieri jistennew biex jirkbu l-laneċ ġiet ukoll organizzata aħjar biex tkun aktar aċċessibbli. Wara s-suċċess ta’ dan il-proġett pilota, l-aġenzija bħalissa qed tippjana t-tieni fażi tal-proġett f’Marsamxett li tinkludi breakwater, faċilità ta’ iktar minn irmiġġ wieħed u struttura ta’ kenn għall-passiġġieri f’din iż-żona.
Ix-xogħlijiet f’Bormla u Tas-Sliema li qegħdin isiru bħalissa jikkonsistu f’tiswijiet fuq il-mollijiet eżistenti, invellar f’qiegħ il-baħar, bini ta’ pedamenti u t-tqegħid ta’ blokki tal-konkos kif ukoll l-mili tagħhom bil-konkos, kostruzzjoni ta’
piles
u l-wiċċ tal-moll biex jinbnew mollijiet ġodda. Il-moll il-ġdid f’Tas-Sliema se jkun kbir 1,326 metru kwadru u biex jiġi ffurmat se jkun hemm bżonn jitpoġġew 182 blokka tal-konkos. Waqt li d-daqs tal-moll ta’ Bormla se jkun madwar 560 metru kwadru magħmul minn 150 blokka tal-konkos.
Meta jitlestew il-mollijiet, imbagħad se jiġu mtejbin il-faċilitajiet għall-irmiġġ billi f’kull każ se jsiru żewġ passarelli mekkanizzati, kif ukoll jinbnew strutturi u rampi aktar siguri u aċċessibbli biex il-passiġġieri jirkbu u jinżlu mil-laneċ b’aktar kumdità. F’Tas-Sliema u Bormla wkoll se jinbnew faċilitajiet li se jipprovdu kenn aħjar għal dawk li jkunu qed jistennew ħalli jirkbu l-laneċ biex jaqsmu minn Tas-Sliema lejn Marsamxett jew mill-Kottonera għall-Port il-Kbir.
Permezz ta’ dawn il-faċilitajiet ġodda, il-laneċ se jkunu jistgħu jittrakkaw min-naħa tal-poppa u b’hekk ikun possibbli li jsir użu miż-żewġ passarelli f’daqqa, biex l-inżul u t-tlugħ tal-passiġġieri jsir b’aktar effiċjenza. Fl-istess waqt, ma jkunx hemm aktar għalfejn li l-laneċ jintrabtu mal-moll qabel jibdew itellgħu jew iniżżlu l-passiġġieri. B’hekk, jonqos ukoll ir-riskju ta’ dewmien fil-ħinijiet tas-servizz.
L-istruttura tal-passarelli mekkanizzati tipprovdi possibbiltà biex il-passiġġieri kollha, anke dawk b’diffikultajiet ta’ mobilità, jkollhom aċċess aktar komdu għal-laneċ ta’ dan is-servizz. Il-passarelli mekkanizzati jkollhom ukoll mekkaniżmu li jikkompensa għat-tibdil ta’ frugħ il-baħar, biex jibqgħu dejjem aċċessibli għal kulħadd.
Ix-xogħol fuq l-infrastruttura tal-moll f’Tas-Sliema huwa mmirat li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, jekk it-temp jippermetti. Imbagħad jinbdew ix-xogħlijiet tal-bini li se jservi ta’ kenn għall-passiġġieri kif ukoll jiġu installati r-rampi u l-passarelli mekkanizzati flimkien ma’ strutturi oħrajn relatati mal-irmiġġ. Dawn ix-xogħlijiet huma ppjanati li jitlestew aktar tard matul l-2021.
Jista' l-Ministru jara li biex ir-residenti ta' San Pawl il-Baħar ikunu moqdija, issir rotta tat-trasport pubbliku mix-Xemxija bi frekwenza ta' kull nofs siegħa għax ir-rottot 41 u 42 li qed jitilqu miċ-Ċirkewwa u jgħaddu minn San Pawl il-Baħar, qed ikunu mimlijin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Transport Malta kif ukoll dawk ta’ l-operatur tat-trasport pubbliku qedgħin jissorveljaw l-andament tas-servizz tal-karozzi tal-linja ġewwa San Pawl il-Baħar. Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku qiegħed jagħmel vjaġġi addizzjonali kull meta jkun hemm il-ħtieġa.
Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni li barra r-rotot 41 u 42 li jitilqu miċ-Ċirkewwa hemm zewġ rotot oħra li d-destinazjoni finali tagħhom hija l-Belt Valletta ukoll. Dawn huma ir-rotta 48 li mill-venda ta’ Buġibba tidħol San Pawl il-Baħar u tkompli ssegwi r-rotta bħar-rotta 41 u ir-rotta 49 li titlaq mill-Mellieha tgħaddi San Pawl il-Bahar, in-Naxxar u mill-bus stop Technopark fil-Mosta tkompli bħar-rotta 41.
Ta’ min jinnota li dawn l-aħħar ħmistax-il ġurnata kien hemm tlieta u ħamsin vjaġġ addizjonali fuq dawn ir-rotot.
Jista’ l-Ministru jindika meta se jinbeda x-xogħol fi Triq San Ġorġ Birżebbuġa biex tissolva l-problema li jitla’ l-baħar fit-triq, liema xogħol kellu jinbeda fl-aħħar ta’ Settembru iżda sa issa għadu ma nbeda xejn? Jista’ jserraħ ras ir-residenti li ladarba jinbeda x-xogħol se jkunu elenkati b’mod ċar ir-rotot alternattivi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta se timplimenta proġett li tfassal mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura fi ħdan l-istess Ministeru bil-għan li tittaffa l-problema tal-għargħar fl-inħawi ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa, biswit il-Bajja ta’ San Ġorġ f’Birżebbuġa.
It-toroq u l-bini f’din iż-żona jinsabu prattikament mal-livell tal-baħar. Ikun hemm drabi, mhux neċessarjament waqt xi maltempata, fejn il-livell tal-baħar saħansitra jogħla aktar mil-livell tat-triq, bil-konsegwenza li jkun hemm diffikultajiet t’għargħar. Dan il-fenomenu ilu jikkaġuna problemi u inkonvenjenti kbar partikolarment lir-residenti għal ħafna snin. Ċerti proposti li saru fil-passat instab li jikkaġġunaw aktar riperkussjonijiet għal djar fil-viċin u bini ieħor.
Għaldaqstant, ried jinstab x’inhu l-aħjar intervent li għandu jsir biex itaffi l-problema tal-għargħar mingħajr ma jitpoġġew f’riskju l-proprjetajiet li hemm fl-inħawi. Wara li għal xi żmien ġiet evalwata s-sitwazzjoni partikolari tat-toroq fiż-żona, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Infrastruttura stabbilixxa pjan li jidhirlu li huwa l-aħjar soluzzjoni għall-għargħar tat-toroq bil-maltemp jew meta jogħla l-livell tal-baħar, mingħajr ma jinħolqu konsegwenzi fuq il-bini tal-madwar.
Bil-proġett li se timplimenta b’investiment ta’ madwar €400,000 Infrastructure Malta se timmodifika l-livelli tat-toroq. Barra minn hekk, se jiżdiedu l-kanali għall-ilma (water culverts) billi se jsiru oħrajn ġodda, waqt li dawk eżistenti se jitwessgħu fosthom dak li hemm fil-ġnien pubbliku, jew jinbnew mill-ġdid. Wara mbagħad jinbnew ukoll mill-ġdid il-bankini u t-triq isirilha wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.
Bħalissa qed jiġi konkluż il-proċess tal-għażla u x-xogħlijiet fuq dan il-proġett se jibdew malli jintgħażel il-kuntrattur. Bħalma jiġri dejjem meta jkun hemm xogħlijiet bħal dawn jiġu ppjanati rotot alternattivi bl-approvazzjoni ta’ Transport Malta biex jonqos kemm jista’ jkun l-inkonvenjent għar-residenti u kull min jivvjaġġa mill-inħawi.
Infrastructure Malta hija impenjata li gradwalment tkompli ttejjeb in-netwerk tat-toroq ta’ din il-lokalità u infrastruttura marittima oħra fil-qrib. F’Birżebbuġa l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid numru ta’ toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Brolli, Triq tal-Ġebel, Triq tal-Papa, Triq il-Bżulija, Triq il-Musbieħ, Triq il-Għirgħien, Triq Ferdinand Stuflesser u Triq Żaren Dalli li tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u tasal sa max-xatt, proprju fiż-żona ta’ Dawret il-Qalb Imqaddsa. Apparti toroq oħrajn f’Birżebbuġa, triq oħra li tagħti wkoll għax-xatt fl-istess żona u li diġà qiegħda fil-pjan biex isir xogħol fiha hija Triq it-Tankijiet.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jingħata l-wearing course (u ċjoè l-aħħar kisja ta' tarmak f'wiċċ it-triq) fi Triq Patri Ġuże Delia, il-Mosta peress li x-xogħol ilu wieqaf aktar minn tliet xhur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali. Ix-xogħlijiet biex inbniet mill-ġdid it-triq indikata kienu jinkludu l-allinjament tat-triq kif speċifikat fil-pjanijiet lokali u tisħiħ tal-pedamenti tagħha, bankini u bdil tas-servizzi kollha tad-drenaġġ, ilma, dawl u telekomunikazzjoni li hemm taħt l-art. L-aħħar kisja bl-asfalt se ssir fil-ġimgħat li ġejjin malli jtlesta xogħol fi propjetà li hemm fl-istess triq li jrid isir minn terzi. Dan biex jiġi evitat li ssir ħsara lill-wiċċ tat-triq wara li titlesta.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Jista' l-Ministru jara li s-central strip li saret reċentement fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta hux qed tkun ta' periklu għal dawk kollha li jużaw din it-triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-imsemmija central strip hija parti minn pjan li kien approvat mill-Awtorita’ tat-Ippjanar permezz ta’ PC11/13 fit-8 ta’ Jannar 2015 u PA5549/10 fis-16 ta’ Marzu 2015. Il-proġett ħolistiku għal din it-triq jinkludi roundabout ġdida għal aċċess aħjar għall-MCAST u diversi żviluppi ġodda fil-madwar li għandhom bżonn aċċess minn Triq id-Difiża Ċivili, kif ukoll l-imsemmija service road li ġiet iddisinjata sabiex jiġi kkontrollat id-dħul u l-ħrug għal fuq Triq id-Difiża Ċivili filwaqt li tgħaqqad t-toroq il-ġodda fuq in-naħa tan-nofsinhar tat-triq li jwasslu għaż-żona ġdida ta’ żvilupp li hemm ippjanat.
Sakemm jitlestew ix-xogħolijiet kollha qiegħed ikun hemm arranġamenti temporanji sabiex jiggwidaw is-sewwieqa u jitnaqqas ir-riskju ta’ periklu għal dawk li jużaw din it-triq.
Il-Kalkara – Triq il-Kappuċini – tiswijiet u xogħol
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm damet sabiex issir Triq il-Kapuċċini fil-Kalkara fit-tiswijiet u xogħol li sarilha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
It-triq indikata hija fost 120 triq residenzjali li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid fl-2020. Ix-xogħlijiet fiha bdew aktar kmieni din is-sena u tlestew fil-jiem li għaddew. Billi t-triq hija twila mhux ħażin, madwar 600 metru minn ħdejn il-Kappella ta’ Santa Barbara u tasal sax-xatt tal-Kalkara, ix-xogħlijiet kienu estensivi u saru f’żewġ fażijiet.
F’din it-triq ġew mgħoddijin minn taħt l-art aktar minn kilometru f’servizzi tal-ilma, telekomunikazzjoni u drenaġġ. Saru wkoll bankini ġodda fuq iż-żewġ naħat tat-triq li jġibu l-istess tul, tisħiħ tal-pedamenti tat-triq u wiċċ ġdid b’diversi saffi t’asfalt.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
Wied il-Għajn – Traffic lights fi Triq Sant’Antnin mitfija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’tiswijiet hemm bżonn li jsiru fit-Traffic Lights li jinsabu fi Triq Sant’Antnin fejn tiltaqgħa ma Triq il-Qaliet u li jara li dawn jsiru għax ilhom tliet ġimgħat wieqfa?
Jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni b’dati preċiżi meta se titlesta Triq Għar u Casa fil-Mellieħa u dan allura jkun jista’ jserraħ ras ir-residenti li joqogħdu f’dawn l-inħawi li ilhom isofru inkonvenjent għal numru ta’ snin, apparti wkoll li din it-triq kienet indikata u meqjusa bħala prijorità?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-triq li qed issir referenza għaliha hija triq ġdida b’għadd ta’ bini li għadu qed jiġi żviluppat. L-iżviluppaturi ta’ dan il-bini residenzjali għadhom ma ffurmawx it-triq hekk kif stabbilit mill-liġi. Infrastructure Malta tkun tista’ tlesti l-wiċċ ta’ din it-triq bl-asfalt hekk kif l-iżviluppaturi konċernati jkun ffurmawha b’mod sħiħ, bħal ma jiġri f’kull triq ġdida oħra.
Infrastructure Malta – Ix-Xemxija – bini mill-ġdid tat-triq li twassal sa quddiem il-Knisja
Question
Jista’ l-Ministru jindika meta Infrastructure Malta ser tkun qed tibni mill-ġdid it-triq li tagħti minn ħdejn il-Bajja tax-Xemxija sa quddiem il-Knisja tax-Xemxija, liema triq għandha partijiet minnha li kontinwament qed jikkawżaw ħsarat lil numru ta’ vetturi, apparti perikli għas-sewwieqa li jagħmlu użu minn din it-triq arterjali?
Response (BORG, IAN)
Nirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 13344 li twieġbet f’Seduta 307 saret mill-istess Onorevoli Interpellant u nżid li peress li l-entitajiet terzi li jeħtieġ jagħmlu xogħlijiet ta’ trinek f’din il-parti tat-triq indikaw li x-xogħol ser isir dalwaqt, Infrastructure Malta pposponiet ix-xogħol ta’ tiswijiet ta’ wiċċ it-triq għal wara li jitlestew ix-xogħlijiet tat-trinek. Hekk kif isiru dawn ix-xogħlijiet, l-aġenzija tkun tista’ tirranġa din it-triq kif meħtieġ.
Pembroke – Triq Mediterran – infrastruttura fuq ix-xagħri/garique
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet għal xi tip ta’ flyover, triq, mina jew infrastruttura oħra fuq ix-xagħri/garique biswit Triq Mediterran Pembroke, u jekk iva, kif dawn ser jaffettwaw is-sit Natura 2000 u jippreżenta l-pjanti relattivi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li Infrastructure Malta għaddejja bl-ippjanar ta’ Pembroke-St Julian’s Connections, proġett estensiv ta’ titjib tat-toroq arterjali fl-inħawi tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, sabiex ittaffi d-diffikultajiet eżistenti ta’ konġestjoni u tniġġis tal-arja ta’ dawn l-arterji fuq iż-żoni residenzjali viċin tagħhom, filwaqt li tħejji l-infrastruttura tat-trasport għall-ħtiġijiet tal-ivvjaġġar ta’ dawn l-inħawi fis-snin li ġejjin.
Dan il-proġett jinkludi l-bini mill-ġdid ta’ Triq Sant Andrija u parti minn Triq il-Kosta, it-tneħħija ta’ diversi sistemi ta’
traffic lights
u djuq oħrajn li hemm fit-toroq tul din ir-rotta, kif ukoll it-tħaffir ta’ diversi mini ġodda biex jiffaċilitaw l-aċċess b’mod aktar sigur u effiċjenti minn u lejn Pembroke, Paceville, San Ġiljan u s-Swieqi. B’dan it-titjib, Infrastructure Malta qed timmira li ttejjeb il-kapaċità ta’ din il-ħolqa ta’ toroq arterjali biex jonqsu d-diffikultajiet ta’ volum kbir ta’ vetturi li bħalissa jgħaddu minn għadd ta’ toroq residenzjali fl-inħawi ta’ Pembroke, is-Swieqi u San Ġiljan, kif ukoll it-tniġġis fl-arja, storbju u riskji ta’ aċċidenti li dawn iġibu magħhom.
Wara li tħabbar il-proġett u l-proposti inizjali tiegħu is-sena li għaddiet, bħalissa għaddejjin diversi studji u konsultazzjonijiet estensivi sabiex id-disinn ta’ dan il-proġett jiġi ffinalizzat u ppreżentat lill-awtoritajiet tal-ippjanar għall-kunsiderazzjoni tagħhom. Fl-istess waqt, l-istess studji u konsultazzjonijiet qed janalizzaw l-impatti kollha ta’ dan il-proġett, sabiex dawk tajbin jiġu msaħħa u mkattra, filwaqt li dawk mhux mixtieqa jiġu evitati jew imnaqqsa kemm jista’ jkun. Iż-żona indikata f’din il-mistoqsija tifforma parti minn Pembroke, waħda mil-lokalitajiet li ser jibbenefikaw minn dan l-investiment infrastrutturali.
Meta Infrastructure Malta tlesti dawn l-istudji u konsultazzjonijiet tekniċi, il-pjanti ta’ dan il-proġett ikunu jistgħu jiġu ffinalizzati u ppreżentati lill-awtoritajiet għall-konsultazzjonijiet pubbliċi skont il-ħtieġa, u għall-kunsiderazzjoni finali tagħhom.
Il-Gvern huwa kommess li jkompli għaddej bl-investiment bla preċedent tiegħu sabiex Malta jkollha l-infrastruttura li tixirqilha, infrastruttura ta’ kwalità għolja li tibqa’ tilqa’ għall-ħtiġijiet ta’ komunitajiet differenti, filwaqt li tixpruna l-progress u l-iżvilupp soċjali u ekonomiku bl-aktar mod sostenibbli.