Legislature:
Category:
Reset
Active:

Investigazzjoni fuq skema rigward sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37959 u jserraħ moħħ is-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom li l-investigazzjoni li se jagħmel tkun waħda serja indipendenti u trasparenti speċjalment meta wieħed jikkunsidra li fl-iskema mħabbra u li s-sajjieda sejħulha skema diskriminatorja, hemm involuti fondi tal-Unjoni Ewropeja kif ukoll fondi nazzjonali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Press Release numru PR 2442 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar is 7 ta’ Novembru 2012, ninformah li miż-żmien li saret din il-mistoqsija parlamentari kien hemm żviluppi importanti, fosthom fuq punt ewlieni li kienu qajmu s-sajjieda, jiġifieri l-bżonn li jsir tkissir tal-bastimenti. Fil-fatt fi-stqarrija oħra sussegwenti tad-Dipartiment tal-Informazzjoni numru 2455 ngħatat kjarifika li fuq parir tas-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali, fid-dawl tal-fatt li numru ta’ bastimenti jista’ jkollhom valur storiku, kulturali etnografiku jew folkloristiku, il-bastimenti li l-applikant tagħhom kellu fl-intent tiegħu li jitkissru se jkunu qed jinżammu mill-gvern bil-għan li jsir eżerċizzju li jiddetermina l-eżistenza jew le ta’ dan il-valur. Dan l-arranġament ġie milħuq b’ mod posittiv mill-koperattivi. Qed inpoġġi kopja ta’ din l-istqarrija fuq il-Mejda tal-Kamra.

testijiet fuq nagħaġ u mogħoż

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38245 u jgħid kemm saru testijiet fuq nagħaġ u mogħoż mis-Servizzi Veterinarji f'Malta u Għawdex f'dawn l-aħħar 3 snin? Jista' jgħid f'liema żoni saru dawn l-ispezzjonijiet kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — materjal informattiv

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38252 u jgħid xi spejjeż ta' materjal informattiv bħal billboards, flyers, materjal printjat, fuljetti u reklami oħrajn fil-ġurnali u fil-mezzi tax-xandir għamel il-ministeru tiegħu matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture — raħħala u bdiewa li ma ħadux refund

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex baqa' raħħala u bdiewa li ma ħadux refund ta' 50% tal-ispejjeż fuq is-soqfa tal-irziezet taħt l-iskema tal-Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture (SMPPMA)?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23783, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li r-regolamenti tal-Unjoni Ewropea jeżiġu li mhuwiex permessibbli li jinħarġu fondi għal proġetti li b’xi mod partijiet minnhu jkunu diġa bbenefikaw taħt skemi ta’ għajnuna oħra kemm minn fondi tal-Kummissjoni Ewropeja u kemm minn fondi nazzjonali. Ninsab infurmat li hemm applikanti li diġa bbenefikaw minn għajnuniet li ngħataw taħt diversi forom Għaldaqstant preżentement qiegħda issir stima ta' kemm ir-raħħala ngħataw f'għajnuna għall-istruturar tal-irzizet tagħhom u wkoll issir verifika jekk ibbenefikax taħt xi skema oħra għal dak mitlub taħt din l-iskema. Dan l-eżercizju ta' stima għadu għaddej u mistenni jkun lest fi żmien qasir.

restawr ta' sur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iwassal li xogħol fuq ir-Restawr tas-Sur magħruf bħala VLT 15 partikolarment Elevation 1 faċċata tal-Port il-Kbir li hu ko-finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja għadu ma nbediex u jekk dan hu minnu, jista' jikkonferma li l-Joint Venture Italo-Malti mogħti l-appalt qiegħed jippretendi li jitħallas somma addizzjonali bħala variation order iżjed minn dak maqbul fl-iffirmar tal-kuntratt li sar mad-Dipartiment tal-Kuntratti bl-iskuża li peress li hemm proprjetà ta' terzi taħt il-post fejn irid isir ix-xogħol, għaldaqstant għandu jsir ħlas addizzjonali biex l-armar li jsir jipproteġi din il-proprjetà u dan meta l-istess Joint Venture meta kienet ippubblikata l-offerta relattiva mid-Dipartiment tal-Kuntratti kellu l-obbligu li mhux biss iżur is-sit fejn kien identifikat li jsir ix-xogħol iżda li jiehu konjizzjoni tal-proprjetà ta' terzi li ilha hemm snin twal u allura b'responsabilità kellu jitfa' prezz ġust biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u mhux wara li ġie ffirmat il-kuntratt qiegħda tinstab kull skuża biex ix-xogħol ma jinbediex bil-premessa ta' dan il-periklu u b'konsegwenza t'hekk b'nuqqas ta' ħaqq fil-konfront ta' offerenti oħra li taw prezz ġust għax-xogħol li kellu jsir billi ħadu s-salvagwardji kollha meħtieġa kuntrarjament għal min ingħata l-offerta biex issa kollox jidher li l-irħas fil-fatt hu l-ogħla għall-Gvern Malti filwaqt li jgħid jekk il-Planning and Priorities Co-Ordination Division fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li allokat fondi speċifiċi għal dawn ix-xogħlijiet ġietx mgħarrfa b'tali żvilupp?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 38706.

bdiewa u raħħala — ħlas ta' bolla

Question

Jista' l-Ministru jaġġornani dwar l-ittra li d-dettalji dwarha qed tintbagħat separatament, li l-ministeru bagħat nhar l-21 ta' Novembru 2011 imma sal-lum il-bdiewa u raħħala għadhom ma rċevewx ħlas tal-bolla tan-National Insurance?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f’dawn l-aħħar ġranet, il-bdiewa u raħħala full time irċevew ittra mid-Departiment tat-Taxxi Interni li ser jirċievu rifużżjoni fuq il-bolla tas-Siġurta Soċjali mħallsa żejda fis-sena 2011, filwaqt li ser ikunu jistgħu jħallsu b’ rata ta’ 10% għas-sena 2012. Matul din is-sena sar eżercizzju bejn id-Direttorat tal-Agrikoltura u d-Departiment tat-Taxxi Interni, fejn ġew identifikati dawk il-bdiewa u raħħala full-time li ddikjaraw bejgħ minn sorsi agrikoli u li ħallsu l-bolla b’ rata ta’ 15% matul is-sena 2011. Dawn il-bdiewa u raħħala ser jitħallsu lura d-differenza fil-bolla ta’ 3% skont l-iskema imhabbra mill-Gvern fejn kellhom iħallsu b’ rata ta’ 12%. Barra minnhekk il-Gvern ħadem sabiex din ir-rata ta’ bolla titnizzel għal-10% għall-bdiewa u raħħala full time għas-sena 2012 hekk kif kien pubbikat fl-Avviż Legali 117 tal-2012.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — ingaġġ ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar sentejn, kemm ġew ingaġġati nies ġodda fid-dekasteru tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Informazzjoni għada qed tinġabar u t-tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Investigazzjoni dwar skema tat-tkissir ta' bastimenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37958 u jinforma l-Kamra x'passi ħa, jew se jieħu, biex issir l-investigazzjoni serja dwar l-iskema tat-tkissir ta' bastimenti mħabbra riċentement mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, kif appellaw l-Għaqda Koperattiva tas-Sajd u l-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd li bejniethom jirrappreżentaw 'l fuq minn 1000 sajjied?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li huwa obbligu ta’ kull Stat Membru tal-Unjoni Ewropea li kull skema u proġett li huma ko-ffinanzjati mill-fondi tal-Unjoni Ewropea jiġu regolarment ivverifikati mill-istrutturi nazzjonali tal-Programm, fosthom l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni, l-Korp Intermedjarju u d-Dipartiment tal-Awditjar Intern u Investigazzjonijiet. L-istess stħarriġ isir kemm fuq l-istrutturi tal-Programm u kemm fuq il-benefiċċjarji nfushom. Kif kien spjegat fl-istqarrija maħruġa mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali ta’ nhar is-7 ta’ Novembru, il-mekkaniżmu ta’ din l-iskema kellu jinbidel abbażi tal-leġislazzjoni viġenti, sew dik nazzjonali u kif ukoll dik tal-Unjoni Ewropea, marbuta mal-implimentazzjoni tad-direttiva dwar l-iskart. Għalhekk saret sejħa għat-tarznari liċenzjati kollha, fejn tnejn biss urew interess li joffru l-faċilitajiet tagħhom sabiex isir it-tkissir fihom. Dawn iż-żewġ tarznari ġew indikati lis-sajjieda fil-Linji Gwida maħruġa lilhom bħala parti minn din l-iskema. Barra minn dan, wara l-istqarrija maħruga mill-istess Koperattivi, l-istess Ministeru, fuq parir tas-Superintendenza tal-Patrimonju Kulturali, iddeċieda li minflok jitkissru, dawn l-opri tal-baħar se jkunu qed jinżammu mill-Gvern bil-għan li jsir eżerċizzju li jiddetermina l-eżistenza jew le tal-valur storiku, kulturali etnografiku jew folkloristiku li jista’ jkollhom. Għaldaqstant, li jkun qed jiġri hu li s-sajjied ma jkissirx il-bastiment hu iżda biss iċedi kull jedd fuqu, liema jedd jgħaddi f’idejn l-awtoritajiet.

Applikazzjoni għall-p;ost ta' Agricultural Officer

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ma intgħażlitx għal post ta' Agricultural Officer meta persuna b'inqas esperjenza tax-xogħol tal-biedja intgħażlu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevili Interpellant li kull sejħa għall-applikazzjonijiet tkun ipproċessata minn Bord ta’ l-Għażla li jinħatar mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Is-sejħa tipprovdi li jekk applikant iħoss li għandu oġġezzjoni għar-riżultat, għandu jissottometti dawn l-oġġezzjonijiet lis-Segretarju Eżekuttiv, Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fi żmien għaxart’ijiem ta’ xogħol mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat. Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku tibgħat risposta dettaljata lill-applikant b’ġustifikazzjoni tal-proċess ta’ kif ingħataw il-marki.

Siġar tal-frott ħielsa mill-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tas-siġar tal-frott ħielsa mill-mard li tkabbru fiċ-ċentru ta' mikropropogazjoni matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn is-siġar inbiegħu lill-bdiewa u/jew lill-konsumaturi fl-istess perjodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Ċentru tal-Mikropropogazjoni — nefqa fuq frott ħieles mill-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena kemm kienet in-nefqa fiċ-ċentru tal-Mikropropogazzjoni li ntefqet sabiex jitkabbru siġar tal-frott ħielsa mill-mard?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

bhejjem tas-simna jew tal-ħalib

Question

Jista' l-MInistru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' bhejjem tas-simna jew tal-ħalib li ġew tagged matul l-ewwel disa' xhur tal-2012? Kif jitqabbel dan in-numru man-numru ta' bhejjem li ġew tagged, kull sena mill-2009 sal-lum fl-istess perjodu ta' żmien?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jiċċara għal liema bhejjem tas-simna jew tal-ħalib qigħed jirreferi. Niġbed l-attenzjoni li fil-każ tan-nagħaġ u mogħoż, ir-razzez li għandna Malta huma tal-ħalib waqt li l-ħrief u gidjien tagħhom jinqatlu għal-laħam. Fil-każ tal-baqar is-sitwazjoni hija simili għaliex kważi il-baqar kollha preżenti Malta huma razez tal-ħalib iżda l-għoġġiela irġiel li jitwieldu u jiġu irreġistrati u jeħlulhom l-imsielet uffiċjali jispiċċaw jinqatlu għal-laħam. Barra minnhekk numru ta’ baqar tal-ħalib jiġu mgħammra b’żerriegħa ta’ razzez tal-laħam biex għoġġiela li jitwieldu (li huma mgħarufa bħala F1) jkunu nofshom biex jinqatlu għal-laħam. Hemm numru żgħir ta’ għoġġiela tal-laħam puri li jinġiebu minn stati Membri oħra minn żmien għal żmien, iżda dawn ikunu diġa ġew reġistrati fil-pajjiz tal-oriġini u jeħlulhom imsielet Maltin jekk biss kemm il-darba jitilfu xi waħda minn dawk li jkunu ġew bihom. Fl-linja ġenerali kull bovin raġel reġistrat jista’ jitqies bħala bhima tas-simna għajr xi 200 li jaġixxu ta’ għoġġiela tar-refgħa. Hemm bżonn niftakru wkoll li l-baqar, wara il-karriera tal-ħalib, wkoll jinqatlu għal-laħam.

biċċeriji fil-privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hawn biċċeriji fil-privat li huma liċenzjati għall-qtil tat-tjur/bhejjem? Fejn jinsabu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li hawn sitt stabbilimenti privati li huma liċenzjati bħala biċċerija. Dawn jinsabu f’dawn il-lokalitajiet: Qrendi, Siġġiewi, Burmarrad, Magħtab u Birżebbuġia.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — spejjeż ta' mobile phones u fuel għall-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż ta' mobile phones u fuel għall-karozzi tiegħu għamel il-ministeru tiegħu matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onor Interpellant li l-figura ta’ spiża fuq fuel tkopri 'l fuq minn 850 inġenji u vetturi li l-parti kbira minnhom huma vetturi u inġenji tax-xogħol li fid-dawl tan-natura tagħhom għax-xogħol rikjest minnhom jikkunsmaw konsiderevolment. Infakkar ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-mobile phones illum huma għodda ndispensabbli b’mod partikolari fit-twettieq tal-funzjonijiet li għandu dan il-Ministeru fejn numru konsiderevoli ta’ impjegati li jġorru karigi ta’ responsabbiltà jkunu fuq il-lantijiet tax-xogħol u m’għadux jitqies bħala benefiċju. Għaldaqstant l-impjegati li bħala parti mix-xogħol tagħhom huma assenjati mobile phone huma dwak li x-xogħol tagħhom jitlob li jkunu fuq dawn il-lantijiet u/jew meħtieġa li jkunu on call anki f’ħinijiet barra mill-ħinijiet normali tax-xogħol. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella bl-ispejjeż relatati man-nefqa fuq mobile phones u fuel għall-perjodu Jannar – Ottubru 2012

Belt Valletta — Biagio Steps

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38354 u jgħid x’sar matul l-2012 fuq ix-xogħol fuq Biagio Steps fil-Belt Valletta biex isir ċentru interattiv dwar il-fortifikazzjonijiet ta’ pajjiżna? X’kienet l-ispiża minfuqa dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38387 u jgħid kemm ingħataw direct orders (x'kienet id-direct order, kemm swiet u lil min ingħatat) f'dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Perit — promotion ta' senior architect fir-Rapid Intervention Unit

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwarhu qed jingħataw separatament ingħatax promotion ta' senior architect fi ħdan ir-rapid intervention unit? Jista' jikkonferma ukoll jekk din il-unit għadhiex tiffunzjona, u jekk iva, jista' jindika x-xogħol twettaq min din il-unit minn Ġunju 2012 'l hawn?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nikkonferma li dan il-Unit għadu jiffunzjona, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħarġet sejħa għall-mili tal-kariga ta’ Senior Architect fi ħdan dan il-Unit liema proċess għadu ma ġiex finalizzat għal publikazzjoni.. Ninforma ukoll lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward ix-xogħlijiet li twettqu minn din il-Unit minn Ġunju 2012 'l hawn.

Monument tal-Bombi — ħsarat ikkawżat tal-vetturi tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa it-tiswija tal-monument ta' Bombi minħabba ħsarat ikkawżata mill-ħabta tal-vetturi tal-Arriva? Min għamel dan ix-xogħol? Min ħallas għal dan ix-xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li x-xoghol ta’ tiswija ta’ Bieb il-Bombi li sar minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr kien stmat li jiswa Eur4,589.73. Din l-istima hija bbażat fuq rati kummercjali,. Ninfurmah ukoll li qeghdin fil-proċess biex din is-somma tiġi rkuprata mill-Arriva Malta.

MEPA — solar panel fields

Question

Billi spiss qed jinstema diskors dwar il-possibilità li jibdew jitqiegħdu solar panel fields f'pajjiżna, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-Awtorità għar-Riżorsi ta' Malta ikkordinatx xi policy partikolari għal dawk li huma tali stallazzjonijiet mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra — trakkijiet li jittrasportaw l-sludge

Question

Jista' jgħid x'passi qed jittieħdu biex titnaqqas ir-riħa li toħroġ mit-trakkijiet li jkunu qed jittrasportaw l-sludge mill-impjant Ta' Barkat fix-Xgħajra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34564.