Jista' l-Ministru jgħid kif biċċa art li ma tinħadimx li qiegħda biswit il-post li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fi Triq Ħal Luqa f'Ħal Tarxien u li tifforma parti mill-ġnien tal-istess blokka, ġiet mogħddija bi qbila lil terzi persuna li l-anqas biss toqgħod f'Ħal Tarxien? Meta ġiet mgħoddija din il-biċċa art? Kemm qed isir ħlas għaliha?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-art li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ġiet mikrija permezz ta’ sejħa għall-offerti li ħarġet fit-18 ta’ Jannar 2008 biex tintuża bħala ġnien. Il-kera ta’ dan is-sit, li bdiet tgħodd mis-6 ta’ Marzu 2008, hija ta’ €266 fis-sena. Ninforma lill-Onorevoli Membru li meta toħroġ sejħa għall-offerti għat-trasferiment ta’ proprjetà tal-Gvern, din tkun miftuħa għall-kulħadd u kull individwu jista’ japplika.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38582 u cioè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38155, peress li l-art qed tiġi okkupata illegalment, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern dwar din l-illegalità?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li wara li saret spezzjoni mill-uffiċċjali tas-Sezzjoni tal-Infurzar fi ħdan id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, ġie stabbilit min huma n-nies li qegħdin jokkupaw dawn is-siti. Għaldaqstant, id-Dipartiment ser jieħu passi sabiex titneħħa din l-illegalita` u wara jara wkoll l-aħjar mod ta’ kif tista’ tiġi użata l-art in kwistjoni.
B'referenza tat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38492 mogħtija mill-Ministeru għall-Infrasturttura, Trasport u Komunikazzjoni u b'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37796, jista' l-Ministru jara li jsir dak kollu meħtieġ mill-gvern qua sid biex il-kerrej tal-garaxx proprjetà tal-gvern ikun jista' realment jagħmel użu mill-istess garaxx?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill- Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur — materjal informattiv
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi spejjeż ta' materjal informattiv bħal billboards, flyers, materjal printjat, fuljetti u reklami oħrajn fil-ġurnali u fil-mezzi tax-xandir għamel il-ministeru tiegħu matul ix-xhur minn Jannar sa Ottubru 2012?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispiża għall-perjodu msemmi kienet ta’ 10,992.04 ewros.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37873, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar parti tal-mistoqsija u cioè jista' jgħid kif intgħażlu l-esproprjazzjnijiet li ġew imħallsa u min għamel din l-għażla?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-għażla tal-espropriji li ġew imħallsa huwa maqsum kif ġej:
(i) L-ammont ta’ €3,272,195 tħallas wara ordni tal-Qorti jew wara deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Arbitraġġ dwar l-Artijiet.
(ii) L-ammont ta’ €1,965,795 tħallas wara li flus ġew trasferiti minn Dipartimenti/Entitajiet tal-Gvern fejn dawn talbu biex l-art tiġi akkwistata.
(iii) L-ammont ta’ €654,109 tħallas wara li dawn il-fondi kienu dovuti minħabba ftehim li kien sar fi snin preċedenti u d-Dipartiment Proprjeta’ tal-Gvern kien obbligat b’kuntratt li jagħmel dan il-ħlas.
(iv) Tħallset is-somma ta’ €156,391 wara li numru ta’ kirjiet ta’ akkwist/għarfien ġew kapitalizzati u xi sidien tagħhom talbu li jingħataw il-ħlas.
(v) Ma kienx hemm ħlas ta’ fondi min-naħa tad-Dipartiment f’każi ta’ kuntratti fejn sar tpartit bejn art tal-Gvern u kumpens dovut minħabba esproprijazzjoni skont it-termini tal-Kap 268.
(vi) Il-kumplament tal-ħlasijiet li saru li jammontaw għas-somma ta’ €3,087,893 kienu mqassmin bejn (a) ħlas ta’ kumpens wara li l-art ġiet akkwistata fi snin preċedenti permezz ta’ ħruġ ta’ dikjarazzjoni tal-President u l-fondi kienu depositati f’kont bankarju skont it-termini tal-Kap 88, bejn (b) każi umanitarji, u (ċ) l-kumplament fejn is-sidien tal-proprjeta’ aċċettaw il-prezz offrut. F’dawn il-każi ġie evitat li l-prezz jiġi kkontestat bil-possibiltà ta’ żieda fl-ammont imħallas mill-Gvern.
Fir-rigward tal-każi umanitarji, irid jingħad li mhux prudenti li jingħataw dettalji ta’ min kienu dawn is-sidien.
Jista' l-Ministru jgħid x'ħallset Transport Malta lill-gvern biex din tieħu mingħand il-gvern proprjetà f'Pembroke li kienet qiegħda tintuża mill-Malta Institute of Management filwaqt li jgħid għal-liema skop ġie iddentifikat biex jintuża tali bini?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li Transport Malta akkwistat il-proprjetà f’ Pembroke, li parti biss minnha kienet qegħda tintuża mill-Malta Institute of Management, b’ ċens temporanju għal 99 sena. Ta’ din il-proprjeta’ Transport Malta ħallset lill-Gvern l-ammont ta’ darba ta’ €3,100,000, kif ukoll l-ammont ta’ €8,700 ċens fis-sena. Il-Kuntratt taċ-ċens ingħata bil-kundizzjoni li din il-proprjetà tintuża biss u esklussivament mal-funzjoni u l-operat ta’ Transport Malta skont it-termini tal-Att dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta (Kap 499) tal-Liġijiet bta’ Malta
Jista' l-Ministru jgħarraf lil din il-Kamra fiex wasal il-proċess ta' fidi ta' ċnus temporanji mill-Joint Office u meta bi ħsiebu l-gvern jikkonkludi l-proċess li nbeda' xi xhur ilu?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskema li permezz tagħha id-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern kien qed jaċċetta applikazzjonijiet għall-fidi ta’ ċnus temporanji ta’ proprjetajiet tal-Gvern (mhux biss dawk amministrati mill-Uffiċċju Konġunt) kienet fetħet fl-20 ta’ Frar 2012 u għalkemm kellha tagħlaq fl-20 ta’ Awwissu 2012, ġiet imġedda sal-5 ta’ Ottubru 2012.
Bħalissa qegħdin fil-fażi li l-1,300 applikazzjoni li daħlu jiġu kategorizzati biex jitħaffef ix-xogħol li jrid isir ’il quddiem.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38327 u cioè: Peress li l-każ ta' żgumbrament ta' post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, irriżulta issa li ċerti sottomisjonjiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar min-naħa ta' terzi kienu infondati u anke foloz u peress li hemm appell a bażi ta' artikolu 77 ta' DPA jkun aħjar li l-proċess ta' żgumbrament jiġi sospiż sakemm jinqata' dan l-appell, jista' l-Ministru jordna li dan il-proċess jigi sospiż biex ikun evitat sakemm jiġi deċiż l-appell u jkun verifikati l-provi u fatti ġodda sollevati li jista' jirriversa deċiżjoni meħuda u għalhekk jirriżulta bla dubju każ ta' abuzz u danni għall-gvern u għal kull min ħa deżisjoni żbaljata?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 38155, peress li l-art qed tiġi okkupata illegalment, jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa l-gvern dwar din l-illegalità?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk sqaq li jinsab is-Siġġiewi, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilu li nbena mijiet ta' snin b'diversi aċċessi residenzjali ġo fih huwiex pubbliku jew privat?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi skont l-informazzjoni miżmuma mid-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern, is-sqaq li d-dettalji dwaru ntbagħtu separatament, mhuwiex proprjetà tal-Gvern.
Belt Valletta — proprjetajiet kummerċjali - tiġdid tal-kirja
Question
B'referenza għall-istqarrija li l-gvern ħareġ rigward 475 prorpjetà kummerċjali fil-Belt Valletta u li dawn se tiġġedilhom il-kirja għal 45 sena flokk tibqa tiġġeded kull sitt xhur kif huma llum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il waħda minn dawn il-proprjetajiet ġew kontrollati mill-Ministeru biex jiġi stabbilit jekk hux qed jitmexxew mill-inkwilini oriġinali, u cioè dik il-persuna li tidher fuq il-kuntratt tal-kirja, jew minn xi terza persuna bi ftehim mal-inkwilin permezz ta' xi forma ta' sullokazzjoni, management agreement, operating agreement, profit sharing agreement jew arranġamenti simili? Għal dawn l-istabbilimenti fejn jinstab li l-inkwilin għadda n-negozju lil terzi bi kwalunkwe mod, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kirja tiegħu hijiex se tiġġedded xorta waħda, jew se tintemm kif sar fil-każ indikat fil-mistoqsija parlamentari 38047?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta.
Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozi Żgħar u Konsumatur — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders (x'kienet id-direct order, kemm swiet u lil min ingħatat) f'dawn l-aħħar tliet xhur u jagħti d-dettalji relattivi?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x’ħidma saret matul l-2012 fuq skema mħabbra fil-budget għal din is-sena għal self-employed reġistrati bħala awturi, kompożituri, artisti fl-arti viżiva u f’dik performattiva, fil-film u fid-disinn, li joperaw mill-Belt Valletta? Jista' jgħid kemm ikkwalifikaw biex jibbenefikaw minn din l-iskema?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mit-turiżmu, il-kultura u l-ambjent.
Art mogħtija liċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Annimali
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-klawsoli li fihom lil min ta l-art biex jibda jopera ċ-ċentru għall-ħarsien tal-annimali, kemm ingħata ħlas ta' kera fis-sena? Kemm ingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea? X'kundizzjonijiet il-gvern ta lil min qed jieħu ħsieb dan il-proġett? Kemm huwa obligat li jħallas kull persuna biex tagħmel użu minn dan is-santwarju? Il-gvern jagħti sussidju? Jekk iva, kemm u jekk le, hemm il-ħsieb? Dan jitmexxa b'mod kummerċajli jew b'mod volontarju?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf l-Onor. Interpellant li peress li ċ-Ċentru għall-Ħarsien tal-Animali kien parti minn proġett maħsub mill- Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Peress li l-każ ta' żgumbrament ta' post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, irriżulta issa li ċerti sottomisjonjiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar min-naħa ta' terzi kienu infondati u anke foloz u peress li hemm appell a bażi ta' artikolu 77 ta' DPA jkun aħjar li l-proċess ta' żgumbrament jiġi sospiż sakemm jinqata' dan l-appell, jista' l-Ministru jordna li dan il-proċess jigi sospiż biex ikun evitat sakemm jiġi deċiż l-appell u jkun verifikati l-provi u fatti ġodda sollevati li jista' jirriversa deċiżjoni meħuda u għalhekk jirriżulta bla dubju każ ta' abuzz u danni għall-gvern u għal kull min ħa deżisjoni żbaljata?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37501, jista' l-Ministru jikkonferma li kemm-il darba qed jiġi kkonfermat li din l-art hija tal-gvern hijiex tinġi użata minn terzi skont jew kontra l-liġi u jekk inkriet huwiex isir xi abbuz mill-kirja innifisha li setgħa ħareġ il-gvern?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda kirja fuq din l-art u minn spezzjoni li saret dan l-aħħar irriżulta li din qed tiġi okkupata illegalment.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-uffiċċju u d-dipartiment tan-nutar tal-gvern isirx telework u jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'tip ta' telework isir jew jista' jsir?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Bħalissa mhuwiex qed isir telework fl-Ufficcju tan-Nutar tal-Gvern. Dalwaqt però se jibda jsir telework minn impjegata f'dan id-Dipartiment li se jikkonsisti f'xogħol relatat ma' data entry. Minħabba n-natura tax-xogħol f'dan id-dipartiment, dan huwa l-uniku tip ta' telework li jista' jsir f'dan l-istadju.
B'referenza għall-emendi fil-Liġi tal-Kera partikolarment rigward żieda fil-kera ta' fondi kummerċjali, jista' l-Ministru jgħarraf lill-Kamra fiex wasal il-proċess biex jitħejja indiċi li abbażi tiegħu se tiżdied il-kera ta' dawn il-kirjiet sa meta tispiċċa l-protezzjoni u cioè sas-sena 2028?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Liġi tal-Kera ma ġietx imfassla mill-Ministeru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur, għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Membru biex iressaq il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati f'Għawdex jaħdmu mas-sessjoni tal-konsumatur f'Għawdex? X'inhi r-raġuni li hemm uħud minnhom li għadhom ma ġewx jaħdmu ma ġewx ingaġġati full-time mal-istess dipartiment?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur hemm żewġ part-timers li jaħdmu fuq bażi ta' 30 siegħa fil-ġimgħa.