Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sapport – Djar residenzjali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Djar Residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport u f’liema lokalitajiet qegħdin? Kemm hemm residenti f’dawn id-Djar Residenzjali? Kemm hija l-lista ta’ stennija biex persuni b’diżabilità jirċievu dan is-servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Aġenzija Sapport tmexxi 10 residenzi fil-komunità f’Malta u oħra f’Għawdex. Dawn huma parti mis-servizz tas-Supported Independent Living, li l-għan tiegħu hu li jagħti sostenn lill-persuni b’diżabilità fi djar jew appartamenti mmexxija mill-Aġenzija waqt li jsegwu programmi u pjanijiet personalizzati sabiex jakkwistaw ħiliet li jgħinuhom jgħixu indipendenti fil-komunità. Lokalità Numru ta’ persuni b’diżabilit à Bormla 6 B’Buġia 4 Mtarfa 7 Siġġiewi 3 Kirkop 3 Fgura 2 Pembroke 4 Żabbar 6 Marsa 3 Żurrieq 4 Rabat, Għawdex 10 Il-lista ta’ stennija qiegħda tiġi riveduta biex tirrifletti d-direzzjoni lejn id-de-institulizzazzjoni, bl-għan li kemm jista’ jkun persuni b’diżabilità jibqgħu jgħixu fil-komunità bis-sapport meħtieġ. Flimkien mal-persuna b’diżabilità, qed nevalwaw is-sitwazzjoni ta’ kull persuna biex naraw liema għażliet huma l-aktar addattati għall-bżonnijiet tagħhom.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista tgħid jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.

Persuni b’diżabiltà – Permessi għall-parking

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien in-numru ta’ permessi għall-parking għal persuni b’diżabilità quddiem djar residenzjali sena b’sena, fl-aħħar għaxar snin?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu jew se jkunu qed jintefqu fl-2023? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u liema huma u tagħti break down tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Entitajiet Regolatorji

Question

Tista’ l-Ministru, fir-rigward ta’ entitajiet regolatorji (irrispettivament mill-mod kif deskritti) li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha, f’kull każ tgħid: a. Jekk din l-entità għandhiex il-poter skont il-liġi ordinarja li timponi penalitajiet finanzjarji (irrispettivament minn kif deskritti) ta’ natura ċivili jew amministrattivi u jekk iva, tgħid kemm hu l-massimu tal-penali li tista’ tiġi imposta minn dik l-entità, kemm fuq bażi one-off u/jew għal jum ta’ nuqqas ta’ konformità u f’kull istanza fejn applikabbli tagħmel referenza għad-dispożizzjonijiet tal-liġi ordinarja li tagħti lil dik l-entità l-poter li timponi tali penalitajiet? b. Quddiem liema forum ġudizzjarju jew kważi-ġudizzjarju, jistgħu jiġu kkontestati deċiżjonijiet fejn l-entità kkonċernata timponi penali ta’ din ix-xorta? ċ. Jekk kienx hemm u/jew jekk hemmx pendenti kawżi ta’ natura kostituzzjonali li fihom intalab li d-dispożizzjonijiet taħt il-liġi ordinarja li jagħtu l-poter li l-entità kkonċernata timponi tali penalitajiet jiġu ddikjarati li jikkostitwixxu ksur tal-Kostituzzjoni b’mod partikolari tal-artikolu 39 tal-istess Kostituzzjoni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u se titwieġeb f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Positions of Trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid preżentement kemm-il persuna hemm ingaġġata fil-Ministeru tagħha f’position of trust?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

ICL Appeals Board — Każijiet u appelli

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13801 dwar l-ICL Appeals Board, tista' l-Ministru tgħid meta saru kull wieħed mit-13-il appell li ġew deċiżi u meta ġie deċiż kull wieħed minn dawn l-appelli?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Servizz ta’ Assistenza Personali – Użu tas-sussidju

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13800, tista' l-Ministru tispeċifika kif qed jiġu maqsuma l-applikazzjonijiet f'talbiet għal Direct Payment, Independent Community Living jew Assistenti Personali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-applikazzjonijiet jiġu maqsuma skont l-ammont ta’ sigħat ta’ servizz li l-applikant ikun jeħtieġ. Tliet kategoriji: Direct Payment minn 1 sa 16-il siegħa fil-ġimgħa, Independent Community Living 'il fuq minn 16-il siegħa sa 30 siegħa fil-ġimgħa, jew Assistenti Personali aktar minn 30 siegħa fil-ġimgħa għal live-in carer 24/7.

Servizz ta’ Assistenza Personali

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 13799 u 13800 rigward is-Servizz ta’ Assistenza Personali, tista' l-Ministru tgħid jekk it-48 persuna li hemm referenza għalihom fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13800 humiex inklużi fl-ammont ta' 373 persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13799?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-48 persuna li hemm referenza għalihom fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13800 huma fil-fatt inklużi fl-ammont ta' 373 persuna msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13799. Dawn it-48 persuna għadhom fil-proċess li jsibu carer tal-għażla tagħhom u għaldaqstant għalkemm is-servizz ġie approvat lilhom, dawn għadhom ma bdewx jagħmlu użu minn dawn il-fondi.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Deputati tal-Oppożizzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min huma d-Deputati tal-Oppożizzjoni li huma impjegati fiċ-ċivil, jew fis-servizz pubbliku, jew f'kumpaniji fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess maġġoritarju u ta' kontroll, jew f'aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hi responsabbli l-Ministru u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn qegħdin iservu u l-kariga li jokkupaw?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13997.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Servizzi ta’ kumpanija privata

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità fi ħdan id-dekasteru tagħha tatx xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jekk iva, liema entità, meta u kemm swiet?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ebda entità fi ħdan id-dekasteru tiegħi ma tat xi forma ta’ kuntratt, jew ftehim, ta’ servizzi/xogħol/konsulenza eċċ. lill-kumpanija msemmija.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu matul l-2020, 2021 u 2022? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u tagħti break down tagħhom?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur – Direct Orders

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi lista tad-direct orders li ngħataw matul is-sena 2023 u tgħid ukoll l-ammonti mħallsa, is-servizz provdut jew mitlub, u lil min ingħataw dawn id-direct orders?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.

ICLA Board — Membri

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-ICLA Board? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-membri huma persuni b'diżabilità u kemm minnhom qed jtibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li jiffurmaw l-ICLA Board huma dawn: Chairperson Sur Anatole Baldacchino Membri Dott. Agnes Vella Sur Joseph Bugeja Dott. Elayne Azzopardi Sa Doreen Mamo Segretarja Sa Mary Rose Farrugia Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li għall-fini ta’ protezzjoni tad-data, mhux etikament ġust li nimmarka dawk il-membri li għandhom xi forma ta’diżabilità. Barra minn hekk ma hemm l-ebda membru tal-Bord li jagħmel użu mis-servizz ta’ assistent personali.

Aġenzija Sapport — Assistenza Personali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk is-servizz ta' Assistenza Personali jingħatax lil persuni li għandhom diffikultajiet ta' saħħa mentali? Jekk le, tista' tgħid hemmx ħsieb li dan is-servizz jiġi estiż ukoll għal dawn il-persuni?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament is-servizz ta’ assistenza personali jingħata lil persuni b’diżabilità fiżika u/jew intelletwali. Dawn jista’ jkun li jkollhom ukoll diffikultajiet ta’ saħħa mentali.

Aġenzija Sapport — Assistenza Personali – Żmien ta’ stennija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu ż-żmien medju ta' stennija minn meta tiġi sottomessa applikazzjoni għas-servizz ta' assistenza personali mal-Aġenzija Sapport għal meta l-persuna tingħata risposta dwar jekk hix ser tkun qed tingħata dan is-servizz?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ż-żmien medju ta' stennija minn meta tiġi sottomessa applikazzjoni għas-servizz ta' assistenza personali ma’ Aġenzija Sapport għal meta l-persuna tingħata risposta dwar jekk hix ser tkun qed tingħata dan is-servizz ivarja skont l-urġenza tal-każ. Jekk il-każ ikun urġenti u jirrikjedi fondi immedjati, iż-żmien medju ta' stennija huwa ta' 3 xhur. Ladarba l-Bord jara l-każ, dan jevalwa s-sitwazzjoni u l-applikant jiġi infurmat bid-deċiżjoni tal-Bord fi żmien 3 ġimgħat minn meta jkun iltaqa’ l-Bord. Jekk ikun ġie deċiż li l-applikant jingħata dan is-sussidju, l-applikant jista’ jibda jutilizza dawn il-fondi b’mod immedjat minn meta jkun avżat b’din id-deċiżjoni.

Servizz ta’ Assistenza Personali – Lista ta’ stennija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna applikat għas-servizz ta' assistent personali u għadha qiegħda tistenna risposta dwar jekk hux ser tkun qiegħda tingħata sussidju mill-Gvern għas-servizz ta' assistent personali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li hemm 373 persuna li ġew approvati u allura qed igawdu diġà minn dan is-servizz. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba kien hemm 160 persuna b’diżabilità li applikat għas-servizz ta' assistent personali u li qed tistenna risposta mill-Bord dwar jekk hux ser tkun qiegħda tingħata sussidju għas-servizz ta' assistent personali.

Servizz ta’ Assistenza Personali – Użu tas-sussuidju

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il persuna, għalkemm ġiet infurmata li ser tkun qiegħda tingħata sussidju għas-servizz ta' assistent personali, għadha mhix tagħmel użu minn dawn il-fondi li ġew allokati għaliha?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fid-data tat-tweġiba hemm 48 persuna li għalkemm ingħataw l-approvazzjoni għas-sussidju għas-servizz ta’ assistent personali, dawn għadhom mhux qed jagħmlu użu minn dawn il-fondi allokati lilhom għar-raġuni li għadhom qed ifittxu biex jagħżlu assistent personali tal-għażla tagħhom sabiex jagħtihom is-sigħat ta’ servizz neċessarji għalihom. Dawn l-48 persuna huma maqsuma: - 34 mill-iskema Direct Payment - 9 mill-iskema tal-Independent Community Living - 5 persuni mill-iskema tal-Assistent Personali

ICL Appeals Board — Każijiet u appelli

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il appell irċieva l-ICL Appeals Board matul din is-sena u minn dawn kemm-il persuna ngħatat risposta għall-appell tagħha u kemm-il persuna għadha qiegħda tistenna risposta? Tista' tgħid ukoll kemm hemm każijiet pendenti quddiem l-ICL Appeals Board?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

ICL Board — Membri

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni li jiffurmaw l-ICL Board? Tista’ tgħid kemm minn dawn il-membri huma persuni b'diżabilità u kemm minnhom qed jtibbenefikaw mis-servizz ta' assistent personali?

Response (FARRUGIA PORTELLI, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ICL Board hu magħmul minn 8 membri, kif ġej: Isem Rwol Matthew Chetcuti Chairperson George Borg Membru Carmen Burmingham Membru Catherine Falzon Membru Charlene Fabri Membru Elinore Falzon Membru Elvira Psaila Membru Natasha Janika Laudi Segretarja Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li għall-fini ta’ protezzjoni tad-data mhux etikament ġust li persuni li jbatu b’diżabilità jiġu mmarkati. Barra minn hekk ma hemm l-ebda membru tal-Bord li jagħmel użu mis-servizz ta’ assistent personali.