Legislature:
Category:
Reset
Active:

TCNs – Tfal li twieldu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn tfal minn ġenituri ta’ pajjiżi terzi (TCNs) li twieldu f’Malta? Jista’ jgħid ukoll minn liema pajjiżi terzi ġejjin dawn it-tfal u li bħalissa qegħdin hawn Malta?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Persuni b’diżabilità li setgħu jaħdmu – Sena 2025

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4154 u jgħid kemm persuni b'diżabilità setgħu jaħdmu fl-aħħar tal-2025? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni kienu qegħdin jaħdmu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 5223, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha Jobsplus in-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jaħdmu sal-aħħar ta’ Diċembru 2025 kien ta` 6,016-il persuna. In-numru ta’ persuni b'diżabilità li kienu qegħdin jirreġistraw fuq wieħed mir-reġistri tax-xogħol ma’ Jobsplus sal-aħħar ta` Diċembru 2025 kien ta’ 380 persuna. 214 -il persuna kienu qed ifittxu mpjieg full-time u 166 persuna kienu qed ifittxu mpjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.

Art agrikola barra minn żoni ODZ – Politiki tal-ippjanar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra reviżjoni tal-policies tal-ippjanar sabiex raħħala ġenwini jkunu jistgħu jimmodernizzaw il-faċilitajiet tagħhom f’żoni ODZ, filwaqt li jiġu rispettati l-ħarsien ambjentali u l-użu agrikolu tal-art? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx konsultazzjonijiet ippjanati mar-rappreżentanti tas-settur?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 4644.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni tal-alternattivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk qabel ma ttieħdet kwalunkwe deċiżjoni dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, saritx valutazzjoni tal-alternattivi kollha possibbli, inkluż jekk il-problema identifikata setgħetx tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri oħra ta’ mobilità jew infrastruttura?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi saru valutazzjonijiet ta’ soluzzjonijiet alternattivi, liema soluzzjonijiet ikkunsidraw b’mod partikolari s-sigurtà tal-persuni mexjin f’żona fejn il-bini huwa eżistenti, fejn il-livelli tal-bini eżistenti jridu jinżammu, u fejn hemm ukoll probabbiltà ta’ għargħar.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Valutazzjoni dwar is-sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx valutazzjoni dwar is-sigurtà tal-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, fid-dawl tal-fatt li matul l-aħħar 36 sena kien hemm inċident li wassal għall-mewt ta’ persuna, u jekk dan il-fattur ġiex ikkunsidrat fl-analiżi tal-ħtieġa għall-proġett?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4333.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Proġett tal-bridge - Konsultazzjoni mal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’konsultazzjoni saret mal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà qabel ma ġie kkunsidrat il-proġett tal-bridge propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà, u kemm-il darba saru laqgħat uffiċjali ma’ dawn il-Kunsilli u mar-residenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

L-Onor. Interpellant hija mitluba tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4330.

L-Imsida u l-Pietà - Proġett propost għall-konnessjoni - Pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux f’idejh il-pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsilli Lokali tal-Imsida u tal-Pietà dwar il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà u, jekk iva, jista’ jippreżenta kopja ta’ din il-korrispondenza jew konsultazzjoni lill-Kamra?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Il-Kunsilli Lokali għandhom kull dritt jesprimu u jikkomunikaw pubblikament il-pożizzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet li jolqtu lill-komunitajiet li jirrappreżentaw. Dan huwa dritt demokratiku li għandu jiġi rispettat minn kulħadd, inkluż minn din il-Kamra.

L-Imsida u l-Pietà - Kriterji għall-klassifikazzjoni tal-proġett propost għall-konnessjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji u premessi l-iżvilupp u/jew il-proġett propost għall-konnessjoni bejn l-Imsida u l-Pietà ġie kkunsidrat bħala ‘minor project’, u jekk saritx valutazzjoni dwar l-impatt kumulattiv tiegħu fuq ir-residenti u l-infrastruttura taż-żona?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorità tal-Ippjanar teżamina u tiddeċiedi dwar l-applikazzjonijiet għall-iżvilupp skont il-qafas leġiżlattiv u l-policies fis-seħħ, b’mod partikolari l-Istrateġija għall-Ambjent u l-Iżvilupp tal-2015 (SPED), il-politika u l-gwida tad-DC15, kif ukoll il-Pjanijiet Lokali tal-2006. Dawn il-parametri jservu bħala l-bażi għall-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet, filwaqt li jiġi żgurat li kull deċiżjoni tittieħed skont il-kunsiderazzjonijiet u l-kriterji rilevanti tal-ippjanar.

L-Imsida - Carrying capacity - Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar il-carrying capacity tal-Imsida matul l-aħħar tliet snin, partikolarment fir-rigward tal-popolazzjoni, l-iżvilupp residenzjali, it-traffiku, l-infrastrutturam, is-servizzi pubbliċi u l-iskart? Jekk iva, jista’ jagħti d-dettalji ta’ dawn l-istudji u jgħid meta ġew ippubblikati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoili Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal mistoqsija Parlamentari numru 2010.

Awtorità tal-Ippjanar – Permessi għal billboards

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi kollha maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar għal billboards, kemm permanenti kif ukoll temporanji, li kienu jew għadhom installati fil-lokalitajiet ta’ Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, Santa Luċija, il-Fgura u l-Gudja, matul il-perjodu mill-1 ta’ Awwissu 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jindika l-post eżatt ta’ kull billboard, id-data tal-ħruġ tiegħu u l-perjodu ta’ validità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 5413, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar toħroġ permessi għal billboards, iżda l-ħruġ ta’ permess mhux neċessarjament ifisser li l-billboard ikun ġie installat. Għaldaqstant, l-Awtorità ma jkollhiex informazzjoni dwar liema mill-billboards koperti minn tali permessi kienu jew għadhom effettivament installati fil-lokalitajiet imsemmija. Rigward liċenzjar tal-operaturi nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Ministeru kkonċernat.

Il-ħarsien tal-UCAs u tal-iskylines tradizzjonali

Question

Fil-każ li r-reviżjoni tal-Local Plans twassal għal tibdil fil-parametri tal-iżvilupp, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux se jsir b’rispett sħiħ lejn l-Urban Conservation Areas (UCAs), il-karatteristiċi arkitettoniċi, il-proporzjonijiet u l-karattru storiku tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant tiċċara għal liema parametri tal-iżvilupp qed tirreferi.  Il-princċpji ta' salvagwardja tal-Urban Conservation Areas jinstabu kemm fl-iSPED (Urban Objective 2), kif ukoll fil-Viżjoni 2050 u l-Manifest Elettorali.

Local Plans – Aktar spazji miftuħa

Question

Fid-dawl taż-żieda fid-densità tal-bini f’diversi lokalitajiet, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex iżid l-ispazji miftuħa permezz tar-reviżjoni tal-Local Plans? Jista’ jgħid ukoll jekk hux qed jiġi kkunsidrat li tiġi allokata aktar art għal spazji pubbliċi, żoni ħodor u spazji rikreattivi, u jekk hemmx mira konkreta jew ammont ta’ art, f’metri kwadri, li qed jiġi kkunsidrat għal dan il-għan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-izvilupp fil-lokalitajiet tagħna isir skont dak stipulat fil-pjanijiet lokali, liema pjanijiet jidentifikaw ukoll l-ispazji miftuħa fiż-żoni urbani tagħna. L-iSPED Thematic Objective 1.7 jippromwovi ż-żieda ta' dawn l-ispazji. Dan hu sostnut ukoll bil-Vizjoni 2050 kif ukoll fil-Manifest Elettorali.

Jobsplus – Impjieg ta’ persuni b’diżabilità – Skemi u għajnuniet finanzjarji

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1742, dwar inċentivi li Jobsplus joffru lill-employers sabiex jinkoraġġixxu l-impjieg ta’ persuni b’diżabilità, jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw kumpaniji minn kull waħda mill-iskemi msemmija fl-istess tweġiba, matul is-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena u skema, skema?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4973, qed nipprovdi lill-Onorevoli Interpellant tabella li turi n-numru ta’ employers li bbenefikaw mill-iskemi u l-miżuri msemmija fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1742. It-tabella hija maqsuma sena b’sena, għas-snin 2024, 2025 u 2026 sal-aħħar ta’ Ottubru 2026. In-numru ta’ employers uniċi huwa kkalkulat separatament għal kull skema/miżura u għal kull sena. Għaldaqstant, l-istess employer seta’ bbenefika minn aktar minn skema/miżura waħda fl-istess sena, kif ukoll matul snin differenti. Skema /Miżura 2024 2025 2026 s’ Ottubru Employers Uniċi Numru tad-drabi Employers Uniċi Numru tad-drabi Employers Uniċi Numru tad-drabi Inċentiv Fiskali 106 259 117 283 127 324 Eżenzjoni mill-KSS 325 581 290 546 307 544 Bridging the Gap Scheme 32 32 13 13 9 9 Job Carving 111 173 103 176 66 106 Job Coaching 211 402 196 379 205 375 I nċentiv Fiskali - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li għalihom ingħata l- Inċentiv Fiskali. Eżenzjoni Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li għalihom ingħatat din l-eżenzjoni. Bridging the Gap Scheme – In-numru ta’ persuni b’diżabilità li bbenefikaw huwa uniku. Job Carving - In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ persuni b’diżabilità li ġew impjegati ma’ dawn l-employers. Job Coaching -In-numru ta’ drabi jindika n-numru ta’ interventi ta’ sapport li bbenefikaw minnhom il-persuni jew impjegati b’diżabilità fuq il-post tax-xogħol ma’ dawn l-employers.  It-tul ta’ żmien li għalih jingħata s-sapport dejjem ikun skont il-ħtiġijiet individwali.

Awtorità tal-Ippjanar - Applikazzjonijiet approvati - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1795, 3146 u 3922 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ fondi miġbura mill-Awtorità tal-Ippjanar mill-applikazzjonijiet li ġew approvati fil-passat? Jista’ jgħid ukoll kemm huma l-fondi għal kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u kemm kienu f’Diċembru 2024 u f’Diċembru 2025? Jista’ jieħu l-passi neċessarji biex jinbidlu l-kriterji li fuqhom il-kunsilli lokali jistgħu jaċċessaw dawn il-fondi biex bihom ikunu jistgħu jwettqu bosta xogħlijiet li sal-lum mhux permess li jwettqu skont il-kriterji ta’ użu ta’ dawn il-fondi?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Irziezet tat-trobbija tan-nagħaġ u mogħoż - Applikazzjonijiet għaż-żvilupp jew immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet għaż-żvilupp jew għall-modernizzazzjoni ta’ irziezet tan-nagħaġ u l-mogħoż f’żoni barra mill-konfini tal-iżvilupp (ODZ) matul l-aħħar ħames snin? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-applikazzjonijiet ġew approvati, rifjutati jew għadhom pendenti, maqsuma lokalità b'lokalità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’riferenza għall-mistoqsija Parlamentari numru 4645, qed inpoġġi fuq il Mejda tal-Kamra tabella li turi kif inhuma maqsuma l-applikazzjonijiet, relatati ma irziezet għat-trobbija ta’ nagħaġ u/jew mogħoż, li l-Awtorità tal-Ippjanar ippublikat, bħala applikazzjoijiet kompluti riċevuti minnha, bejn l-1 ta’ Novembru 2021 u l 31 ta’ Ottubru 2026, maqsuma għal kull lokalità. Din l-informazzjoni nġabret mis-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn il-proposta tal-iżvilupp, kif ppreżentata mill-Perit, tinkludi l-kliem ‘naħaġ’, ‘mogħoż’, ‘sheep’, ‘goat’.

Irziezet fuq art tal-Gvern – Applikazzjonijiet għall-immodernizzar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet bejn il-Ministeri responsabbli mill-Agrikoltura, l-Awtorità tal-Artijiet u l-Awtorità tal-Ippjanar sabiex jiġu ffaċilitati l-applikazzjonijiet għall-modernizzazzjoni tal-irziezet li jinsabu fuq art tal-Gvern? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri konkreti qed jiġu kkunsidrati u meta hu mistenni li jiġu implimentati?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Il-policies fis-seħħ jipprovdu qafas regolatorju li jippermetti lill-bdiewa ġenwini jiżviluppaw u jimmodernizzaw il-faċilitajiet meħtieġa għall-attività agrikola tagħhom, filwaqt li jiżguraw il-ħarsien tal-ambjent u tal-karatteristiċi distintivi taż-żoni rurali. Fl-istess waqt, l-Awtorità tal-Ippjanar iżżomm djalogu kontinwu mal-Ministeri u mal-entitajiet governattivi konċernati, sabiex jiġu diskussi u indirizzati diversi aspetti relatati mal-ippjanar.

L-Imsida - Units residenzjali li jinsabu fil-pipeline

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm units residenzjali oħra li bħalissa jinsabu fil-pipeline tal-iżvilupp fl-Imsida, inkluż dawk li għandhom permess approvat iżda għadhom ma nbnewx, u dawk li l-applikazzjonijiet tagħhom għadhom pendenti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4327, u abbażi tad-database u tas-sistema tal-informatika tal-Awtorità tal-Ippjanar, sal-aħħar ta’ Settembru 2026 kien hemm 494 permess li għalihom kienet ġiet ippreżentata commencement notice, kif ukoll 138 permess validu ieħor li fir-rigward tagħhom kienet għadha ma ġietx ippreżentata commencement notice.

L-Imsida - Units residenzjali ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew units residenzjali ġodda fil-lokalità tal-Imsida matul l-aħħar sentejn, u kemm minn dawn kienu units ġodda approvati permezz ta’ permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 4327.

Awtorità tal-Ippjanar - Linji gwida għall-industrija tal-films

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità tal-Ippjanar għandhiex linji gwida li jqisu l-importanza ta’ siti storiċi għall-industrija tal-films meta tevalwa proposti għal interventi li jistgħu jbiddlu l-karatteristiċi viżivi jew arkitettoniċi tagħhom?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

Proġetti infrastrutturali – Transport impact assessments

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1890 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Mobbiltà Sostenibbli u jgħid kemm hemm proġetti infrastrutturali li qed isiru mingħajr transport impact assessment?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-Awtorita tal-Ippjanar titlob Traffic Impact Assessment għal proġetti ta’ żvilupp maġġuri li jaqgħu taħt il-kriterji kif stabliliti u kif inhu stipulat fiċ-cirkulari għall-Periti CIR 1/15. Proġetti infrastrutturali ma jaqgħux taħt waħda mill-kriterji stabbiliti fiċ-ċirkularili CIR 1/15 u għalhekk, waqt il-proċess ta’ applikazzjonijiet ta’ proġetti infrastrutturali , ma jintalabx studju ta’ Traffic Impact Assessment mill-Awtorita’ tal-Ippjanar.