Legislature:
Category:
Reset
Active:

Qorti Kostituzzjonali — Artikolu 39

Question

B’referenza għal diversi mistoqsijiet li saru fil-passat dwar kawżi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minħabba allegat non-konformi mal-artikolu 39 tal-Kostituzzjonu da parti tal-Korp għall-Analisi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) u tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) meta dawn l-awtoritajiet pubbliċi imponew penalitajiet sostanzjali, jista’ l-Ministru: (a) jagħti rendikont ta’ kull kawża li saret tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-pendenzi quddiem il-Qorti Kostituzzjonali? (b) jgħid jekk s’issa ġewx finalment deċizi xi appelli li saru quddiem l-istess Qorti Kostituzzjonali minn xi deċiżjoni tal-Prim Awla (Sede Kostituzzjonali) f’dak ir-rigward, u jekk ġew deċiżi xi appelli, liema kienu u x’kien l-eżitu?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MFSA, ma hemm l-ebda kawża pendenti f’dan ir-rigward kontra l-Awtorità quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Rigward l-FIAU, il-korp, flimkien mal-Avukat tal-Istat, preżentament għandu ħames (5) kawżi pendenti quddiem il-Qorti Kostituzzjonali. Kull kawża hija appell minn deċizjoni tal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali). Is-segwenti huwa rendikont tas-sitwazzjoni attwali fir-rigward ta’ kull kawża hawn fuq imsemmija: Referenza Numru ta' Seduti Skop tas-seduta li jmiss 51/2022/2MC 2 Għat-trattazzjoni dwar it-talba għal referenza quddiem il-Qorti Ewropea. 300/2022/2MC 2 Għall-kontinwazzjoni in segwitu l-ezitu tat-trattazjoni hekk indikata fl-iskop tal-appell kostituzzjonali 51/2022/2 suċitat. 11/2022/1MC 0 Primo Appuntamento 175/2021/2MC 0 Għadha mhux appuntata 394/2021/1MC 0 Għadha mhux appuntata Sal-ġurnata ta’ din ir-risposta, l-ebda appell li sar quddiem il-Qorti Kostituzzjonali minn xi deċiżjoni tal-Prim Awla Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ma għadu ġie deċiż.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Jannar 2024?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorġu mill-Public Procurement Regulations. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15432.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jaħdmu full-time jew part-time mal-Ministeru tiegħu b’kuntratt jew bħala persons of trust jew advisers jew experts li għandhom: i. ’l fuq minn 65 sena; ii. ’l fuq minn 70 sena; u iii. ’l fuq minn 80 sena? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont l-etajiet indikati?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: ETAFULL-TIMEPART-TIME l fuq minn 65 sena21 l fuq minn 70 sena13 l fuq minn 80 sena00

Il-Mellieħa — Selmun Palace Hotel – expression of interest/tender għal xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li tinħareġ expression of interest jew tender għax-xogħol fuq is-Selmun Palace Hotel, Mellieħa?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Profitt iddikjarat minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li ddikjaraw profitt ta' iktar minn €100,000, iktar minn €500,000 u iktar minn €1 miljun fis-sena 2020?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' kumpaniji li ddikjaraw profitt wara t-taxxa ta' iktar minn €100,000, iktar minn €500,000 u iktar minn €1 miljun fis-sena bażi 2020 huwa indikat hawn taħt: Sena Profitt ta’ iktar minn € 100,000 Profitt ta’ iktar minn € 500,000 Profitt ta’ iktar minn € 1 Miljun 2020 2,994 834 1,719 Din l-informazzjoni hija bbażata fuq kumpaniji li ppreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sena bazi 2020, skont it-tmiem tas-sena tagħhom.

Selmun Palace Hotel – Espressjoni ta’ Interess

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 15304, 15560, 15806, 16047 u 16429 u jgħid meta se toħroġ l-espressjoni ta' interess jew tender għar-riġenerazzjoni ta' Selmun Palace Hotel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il konsulent hemm fil-Ministeru tiegħu u x’livell ta’ edukazzjoni u esperjenza għandhom, speċjalment fil-qasam li l-Ministeru jirrappreżenta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulenti ġew impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skema ‘Xogħol fil-Komunità’

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema fl-iskema Xogħol fil-Komunità fl-2023? a. x’inhu l-għan ta’ din l-iskema? b. min huma l-persuni eleġibbli għal din l-iskema? ċ. f’liema entitajiet dawn il-persuni ħadmu? d. x’tip ta’ xogħol isir? e. x’kien il-ġeneru ta’ dawn il-ħaddiema? Kemm hemm minnhom li huma nisa? f. x’kienet l-età (age brackets)?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li sal-aħħar ta’ Diċembru 2023 kien hemm 1074-il ħaddiem fl-iskema Xogħol fil-Komunità. A) L-għan ta’ din l-iskema huwa: · Biex titwaqqaf fondazzjoni li timpjega persuni vulnerabli; · Tagħmel profil tal-parteċipanti u tidentifika taħriġ li għandhom bżonn · Tidħol fi ftehim ma’ Kunsilli Lokali, skejjel pubbliċi, NGOs u għaqdiet bi skopijiet soċjali biex tallokalhom parteċipanti biex jieħdu esperjenza ta’ xogħol. B) Il-persuni eleġibbli għal din l-iskema huma: Persuni żvantaġġati jew identifikati mil-Korporazzjoni bħala persuni li jistgħu itejbu l-impjegabilità tagħhom billi jipparteċipaw fl-iskema. Il-persuni żvantaġġati li jintitolhom li jidħlu f'din l-iskema huma: a. persuna li kienet bla impjieg/inattiva fl-aħħar sena u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus u hija: 1. persuna adulta li tgħix waħedha u li għandha persuna jew persuni dipendenti taħt ir-responsabbilta tagħha u li m’għandhiex impjieg full-time jew; 2. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li m’għandhiex kwalifiċi tas-sekondarja għolja jew kwalifiċi vokazzjonali (ISCED 3) u li m’għandhiex impjieg jew; 3. persuna ‘l fuq minn 50 sena li m’għandhiex impjieg jew; b. persuna li għandha 24 sena jew iktar u li kienet bla impjieg/inattiva f’dawn l-aħħar sentejn u li ma kinitx ipparteċipat fl-iskema ta’ traineeship ma’ Jobsplus. Ċ) Il-lista ta’ entitajiet fejn jaħdmu dawn il-persuni tinsab f’dokument ‘A’ mehmuż ma’ din ir-risposta. D) Il-lista tax-xogħol li qed jagħmlu tinsab f’dokument ‘B’ mehmuż ma’ din ir-risposta. E u F) Hawn taħt issib tabella li turi il-ġeneru ta’ dawn il-ħaddiema u l-età tagħhom: Irġiel Nisa Total Taħt 25 19 6 25 25 – 39 220 61 281 40 – 54 349 145 494 55 + 204 70 274 Total 792 282 1074

Profitt iddikjarat minn kumpaniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm kumpaniji li ddikjaraw profitt ta' iktar minn €100,000, iktar minn €500,000 u iktar minn €1 miljun fis-sena 2022?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta' kumpaniji li ddikjaraw profitt wara t-taxxa ta' iktar minn €100,000, iktar minn € 500,000 u iktar minn €1 miljun fis-sena bażi 2022 huwa indikat hawn taħt: Sena Profitt ta’ iktar minn € 100,000 Profitt ta’ iktar minn € 500,000 Profitt ta’ iktar minn € 1 Miljun 2022 2,768 745 1,531 Din l-informazzjoni hija bbażata fuq kumpaniji li ppreżentaw id-dikjarazzjoni tat-taxxa għas-sena bażi 2022, skont it-tmiem tas-sena tagħhom.

Twelid ta’ trabi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm twieldu trabi fl-2022 u fl-2023 skont l-istatistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO)? Jista’ jgħid ukoll: i. kemm minnhom huma minn ġenituri Maltin? ii. kemm minnhom huma minn ġenituri barranin? iii. kemm minnhom huma minn ġenitur Malti u l-ieħor barrani? iv. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent Malti? v. kemm minnhom huma minn ġenitur single parent barrani?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-aħħar statistika disponibbli relatata ma’ twelid ħaj ta’ residenti hija għas-sena ta’ referenza 2022. Fl-2022 kien hemm 4,309 twelid ħaj ta’ residenti. Iċ-ċittadinanza tal-ġenituri hija mqassma kif ġej: · Iż-żewġ ġenituri kienu Maltin - 2,763 · Iż-żewġ ġenituri kienu barranin - 1,008 · Ġenitur wieħed kien Malti u ġenitur wieħed barrani – 395 · Ġenitur li welldet kienet Maltija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 75 · Ġenitur li welldet kienet barranija u ġenitur l-ieħor ma ġiex iddikjarat waqt ir-reġistrazzjoni – 31 Is-37 twelid li jifdal ġew estratti minn rekords miżmuma mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Informazzjoni dwar il-ġenitur li welldet biss tinġabar minn dan is-sors u għalhekk dawn it-twelid ma jistgħux jiġu kklassifikati kif deskritt hawn fuq.

Il-Mellieħa — Palazz ta' Selmun - xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 14592 u 15000 u jgħid x’inhu x-xogħol ta' restawr li mistenni jsir fil-Palazz ta’ Selmun, fil-Mellieħa? Jista’ jgħid ukoll meta hu mistenni li dan ix-xogħol jibda u meta hu mistenni li jitlesta?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Selmun Palace Hotel – xogħol

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15307 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 9185, jista' l-Ministru jgħid jekk it-tender għal manutenzjoni estensiva tas-Selmun Palace Hotel fil-Mellieħa nħariġx? Jekk iva, jista' jagħti dettalji dwar dan it-tender u jekk dan ġiex aġġudikat? Jekk le, jista’ jgħid meta hu mistenni li jinħareg dan it-tender?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Selmun Palace Hotel – Pjan biex tiġi żviluppata mill-ġdid

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 15308 u jgħid x'inhu l-pjan tal-Gvern fir-rigward tas-Selmun Palace Hotel fil-Mellieħa, u jekk hemmx ħsieb li din il-binja tinbiegħ sabiex din tiġi żviluppata mill-ġdid?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Inċidenti stradali — Paid out claims

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif jikkompara t-total ta’ paid out claims minn kumpaniji tal-insurance li kellhom x’jaqsmu ma’ inċidenti stradali tas-sena 2023 mas-sentejn ta’ qabel?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi għas-snin 2021 u 2022, l-informazzjoni relatata ma’ paid out claims li ġiet rraportata lill-MFSA hija aggregata għall-klassijiet kollha tal-insurance, u mhijiex limitata għal dik li kellhom x’jaqsmu ma’ inċidenti stradali.

Inċidenti stradali – Insurance Premium

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kienx hemm żidiet fl-insurance premia għal inċidenti stradali matul is-sena 2023?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-insurance premia rrelatat ma’ vetturi li ġew irraportati mingħand il-kumpaniji tal-insurance, jammonta hekk: 2021 – EUR 114,861,402 2022 – EUR 122,681,572 2023 – EUR 139,151,769 Minn informazzjoni li tiġbor l-MFSA mingħand il-kumpaniji tal-insurance, l-MFSA tifhem li numru ta’ kumpaniji żiedu l-insurance premia li għandu x’jaqsam ma’ insurance tal-vetturi. Iż-żidiet ma jikontribwixxux biss għal żieda proġettata f’inċidenti stradali imma wkoll biex jagħmlu tajjeb għal spejjeż oħra li jkollhom effett dirett fuq iż-żieda fl-ammont monetarju tal-claims, bħal pereżempju l-inflazzjoni. Raġunijiet oħra jinkludu żieda fin-numru ta’ poloz tal-assigurazzjoni tal-vetturi li jirriflettu ż-żieda fin-numru ta’ vetturi ġodda fit-toroq Maltin.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien/kienu d-Deputati tal-Gvern li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kienu/huma jagħmlu parti min xi kumitati, panels u bordijiet fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat fejn kienu/qiegħdin iservu, il-kariga li kienu/li qed jokkupaw, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ngaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu impjegati (jekk hux b’sejħa pubblika, minn Ministru eċċ.) u kemm kien/hu l-pakkett finanzjarju/honoraria tagħhom? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-attendenza tax-xogħol tagħhom, ta’ kemm-il darba attendew fil-kumitat/bord/panels u kemm tħallsu jekk jitħallsu per sitting u l-ammont li tħallsu annwali?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Airmalta – Somom mogħtija lill-bdoti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema merti għandhom jingħataw dawn is-somom u jekk dawn hux se jingħataw lill-bdoti kollha preżenti tal-Airmalta, kemm dawk li għandhom kuntratti definiti kif ukoll kuntratti indefiniti?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-somom jirriflettu l-likwidazzjoni tal-ERS li hemm fil-ftehim kollettiv u li ġiet maqbula lura fl-2018.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Deputati tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kienu / huma d-Deputati tal-Gvern, li minn April 2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, ingħataw xi kuntratt ta' konsulenza miċ-ċivil, servizz pubbliku, jew minn kumpaniji / banek fejn il-Gvern għandu b'xi mod interess minoritarju jew maġġoritarju, minn aġenziji, entitajiet, jew awtoritajiet regolatorji fid-dekasteru li għalih hu responsabbli u jekk hemm persuni identifikati, jiġi indikat x'tip ta' konsulenza kienu qed jagħtu, fejn kienu qegħdin iservu, id-data tal-ingaġġ ta' dawn il-persuni, id-data sakemm baqgħu ingaġġati dawn il-persuni, b'liema mod kienu ingaġġati (jekk hux b’sejħa pubblika, direct order, eċċ.) u kemm kien il-pakkett finanzjarju tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għall-Finanzi u x-Xogħol — Ħaddiema fuq waiting list għal servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jaħdmu fis-settur pubbliku jew fis-servizz pubbliku, ma’ dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru li bħalissa qed jistennew (fuq waiting list) biex jieħdu servizz ta’ child care qrib il-post tax-xogħol tagħhom?

Response (CARUANA, CLYDE)

L-għażla taċ-child care hija tal-ġenituri u għaldaqstant ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub huwa tagħrif personali li ma jinżammx mis-Settur Pubbliku.