Legislature:
Category:
Reset
Active:

Livelli tal-emissjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b’mod grafiku l-livelli tal-emissjonijiet skont il-lokalitajiet u r-reġjuni f’Malta u f’Għawdex?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) tagħmel monitoraġġ tal-livelli tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-benzin f’mitt sit f’Malta u Għawdex. Dan isir permezz ta’ ‘diffusion tubes’ li huma esposti għal 4 ġimgħat u analizzati f’laboratorju akkreditat. L-informazzjoni li toħroġ minn dan il-monitoraġġ tiġi proċessata biex jinħolqu mapep li juru l-livelli annwali ta’ tniġġiż (‘pollution maps’) fir-reġjuni u l-lokalitajiet rispettivi. Dawn il-mapep huma ukoll disponibbli għall-pubbliku fuq il-website tal-ERA, mis-sena 2014. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn il-mapep għas-snin 2018 sa 2023.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir — Newtralità tal-karbonju - Tnaqqis fl-emmissjonijiet

Question

Tista' l-Ministru jtħid x'qed isir fil-Ministeru biex jiġi żgurat tnaqqis fl-emissjonijiet sabiex tintlaħaq in-newtralità tal-karbonju sal-2050? Tista’ tgħid ukoll kif qed jiġu rreġistrati l-emissjonijiet fil-Ministeru u tipprovdi rendikont ta' dawn l-emissjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22256, infakkar li f’Ottubru tal-2021 il-Gvern kien ippubblika l-istrateġija tiegħu lejn in-newtralità fil-karbonju sal-2050 permezz tal-Low Carbon Development Strategy. Il-Ministeru tiegħi ħejja wkoll il-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima jew kif inhu magħruf bl-Ingliż, in-National Energy and Climate Plan (NECP). Biex jitkejjel u jkun segwit il-progress lejn dawn il-miri, l-emissjonijiet jiġu reġistrati bir-reqqa permezz ta’ qafas ta’ monitoraġġ ċentralizzat u mmexxi mill-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima. Din is-sistema tikkonsolida data minn diversi sorsi ta’ emissjonijiet, bħall-produzzjoni tal-enerġija, t-trasport, l-attivitajiet industrijali, u l-ġestjoni tal-iskart fost oħrajn, u tgħaddi minn validazzjoni regolari biex tiżgura l-eżattezza u l-konformità mal-istandards internazzjonali. L-emissjonijiet irreġistrati mbagħad jiġu valutati kull sena u rappurtati permezz ta’ inventarji nazzjonali, li jippermettu traċċar trasparenti u jgħinu lill-Gvern biex jaġġusta l-politiki u l-interventi tiegħu kif meħtieġ biex jibqa’ fit-triq lejn il-mira tal-2050. L-aħħar informazzjoni dwar l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ta’ pajjiżna hija dik ippreżentata fl-inventarju nazzjonali ta’ Malta għall-2024 permezz tad-dokument Malta’s National Inventory of Greenhouse Gas Emissions & Removals. L-impenn tal-Gvern favur l-azzjoni klimatika huwa wieħed b’saħħtu u dan jixhdu l-fatt li konna minn ta’ quddiem fl-Ewropa li waqqafna Awtorità speċifika biex tindirizza din il-materja. L-Awtorita’ għall-Azzjoni Dwar il-Klima se tkun qed tassigura li l-pajjiż jibqa’ miexi b’ritmu b’saħħtu biex nilħqu l-miri klimatiċi tagħna.

Ħal Tarxien — Triq San Anard – Xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma x-xogħlijiet li qed isiru fit-tieni parti ta’ Triq San Anard, f’Ħal Tarxien u kemm ser jiġu jiswew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru konċernat.

Project Green — Proġetti

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23139, tista' l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema huma l-proġetti kollha li saru minn meta twaqqfet Project Green? Fejn jinsabu dawn il-proġetti, meta nbdew u meta intemmu x-xogħlijiet fuq dawn l-istess proġetti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22217 li ngħatat fis-seduta 280 fit-18 ta’ Novembru 2024. Ma’ dik it-tweġiba nżid li Project Green għadha kemm lestiet żewġ proġetti oħra, dak ta’ Ġnien l-Indipendenza f’Birżebbuġa u l-Hospice Landscape Garden f’Santa Venera li flimkien ikopru medda ta’ 4,400 metru kwadru.

Drenaġġ fil-baħar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm każijiet ta’ drenaġġ fil-baħar matul din is-sena, maqsuma xahar b’xahar? F’liema żoni kienu u kemm għadda żmien biex is-sitwazzjoni ġiet rimedjata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lil-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21083, fil-jiem li għaddew f’Tas-Sliema ċediet tappiera li ssugwentament ħalliet impatt fuq is-sistema tad-drenaġġ. Ir-residenti ġew infurmati immedjatament dwar dan permezz ta’ stqarrija pubblika fuq siti soċjali, fejn il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet azzjoni minnufih biex il-problema ġiet riżolta fl-iqsar żmien possibbli. Kuntrarjament għall-impressjoni li tipprova tagħti l-Oppożizzjoni, il-fatti fir-rigward tal-każijiet li ġraw juru li dawn ma kienux relatati ma’ nuqqasjiet fl-infrastruttura tas-sistema tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Kif jixhdu wkoll rapporti li joħorġu minn istituzzjonijiet Ewropej, il-kwalità tal-ilma baħar f’pajjiżna dejjem tkun fost l-aqwa. Filwaqt li fis-settur tad-drenaġġ diġà saru investimenti u bidliet sostanzjali li qed iħallu l-frott, infakkar li fil-bidu ta’ din is-sena l-Korporazzjoni nediet Pjan ta’ Investiment Nazzjonali komprensiv ta’ €310 miljun immirat lejn il-modernizzazzjoni tal-infrastruttura tal-ilma u d-drenaġġ fil-pajjiż. Pjan ambizzjuż li fil-qasam tad-drenaġġ għandu €48.4 miljun allokati għal rinovazzjoni fin-network u €85.5 miljun f’upgrades. Dan il-pjan jinkludi t-titjib u l-espansjoni tal-faċilitajiet ta' trattament tad-drenaġġ biex tiżdied il-kapaċità u l-effiċjenza; titjib tan-network tad-drenaġġ biex jiġu evitati blokki u jsir titjib fil-prestazzjoni ġenerali; u titjib tal-inizjattivi ta' riċiklaġġ u użu mill-ġdid tad-drenaġġ fi New Water biex nappoġġjaw lill-bdiewa tagħna u s-sostenibbiltà ambjentali.

Light pollution policy

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20636, tista’ l-Ministru tgħid meta se jkun ippubblikat id-dokument finali bil-policy li tispeċifika l-linji gwida li jittrattaw it-tniġġis tad-dawl f’pajjiżna?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-linji gwida li jitrattaw it-tniġġis tad-dawl qegħdin jiġu finalizzati wara li ġew indirizzati l-kummenti tal-pubbliku u d-diskussjonijiet bejn l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità Għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir – Awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-awtoritajiet u l-korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tgħid ukoll min huma ċ-chairpersons, diretturi, u chief executive officers ta' kull waħda minnhom u x'inhuma s-salarji u benefiċċji oħra ta' kull wieħed minnhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marsa — MOBC - Ħażna taż-żejt

Question

B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 14338 u 15007, tista' l-Ministru tgħid fiex wasal il-proċess li jiġi determinat l-aħjar użu għas-sit tal-MOBC fil-Marsa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tas-sit indikat, ikun hemm tħabbira uffiċjali fil-mument opportun.

Bozoz pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li l-bozoz pubbliċi (public lighting) li hawn fl-ibliet u l-irħula tagħna jibdew jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-kunsilli lokali jew reġjuni, u dan biex ir-residenti ma jibqgħux jintbagħtu minn post għall-ieħor kull meta jkun hemm bozza ma tixgħelx?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li fis-sena 2002, ir-responsabbiltà tal-lampi tat-toroq residenziali u l-manutenzojni tagħhom kienet għaddiet taħt il-Kunsilli Lokali. Permezz tal-‘Public Service Obligation’ (PSO) agreement li kien iffirmat fl-2021, bejn il-Gvern, l-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u Enemalta, il-bozoz kollha fiż-żoni residenzjali li kienu għaddew għand il-Kunsilli Lokali baqgħu responsabbiltà tagħhom. Skont it-termini li hemm fl-istess PSO, il-bozoz fit-toroq tagħna li kienu tal-Enemalta saru tal-Gvern Ċentrali fejn Enemalta hija biss operatur.

ERA — informazzjoni dwar ħaddiema ingaġġati

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi informazzjoni dwar kemm persuni kienu ingaġġati u kemm ħallew l-impjieg tagħhom f'kull direttorat fi ħdan l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) minn Jannar tal-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista' wkoll tinkludi n-numru ta’ persuni li rriżenjaw mill-Awtorità, il-ħaddiema li ġew issekondati minn xi Dipartment jew Entità Governattiva oħra, kif ukoll dawk li ġew trasferiti minn direttorat għal ieħor permezz ta’ promozzjoni jew trasferiment intern?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

ERA — Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità attivi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Ordnijiet ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li għadhom attivi? Għal kull ordni preżentement attiva, tista’ tikkonferma jekk l-illegalitajiet għadhomx għaddejjin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li hemm 81 Ordni ta’ Waqfien u Konformità maħruġa mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) li huma attivi. Minn dawn hemm 31 fejn l-illegalità tneħħiet iżda fadal multi pendenti u għalhekk il-każ għadu attiv, waqt li 50 għad għandhom l-illegalià mertu tal-azzjoni tippersisti.

Xogħlijiet f’Wied il-Madliena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk xi entità jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha għamlux xi xogħlijiet f’Wied il-Madliena, bis-site plan inkwistjoni li qiegħed jintbagħat separatament, u tgħid jekk l-istess entitajiet jew dipartimenti daħlulhomx rapporti ta’ attività suspettuża li tinvolvi t-tneħħija ta’ veġetazzjoni fl-istess żona?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-site plan li tpoġġiet separatament tindika Wied Mejxu u hemmhekk madwar sena ilu Project Green, b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali, wettqet intervent ta’ tneħħija ta’ veġetazzjoni invażiva. Interventi bħal dawn jgħinu biex tiġi riġenerata l-eko-sistema tal-wied u jnaqqsu wkoll ir-riskju tan-nirien, u għaldaqstant hemm il-ħsieb li għaż-żmien li ġej jiġu ppjanati interventi simili. Sadanittant, għand l-entitajiet jew id-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, ma jirriżultax li daħlu rapporti ta’ attività suspettuża li tinvolvi t-tneħħija ta’ veġetazzjoni fl-istess żona. Fil-fatt, l-uniċi rapporti li daħlu għand l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kienu jikkonċernaw ix-xogħol li aċċennajt għalih u li kien jinvolvi interventi fuq siġar taż-żejt tar-riġnu, qasab u ewkaliptu.

Il-Port il-Kbir — Pjanijiet ġodda għar-riġenerazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru turi l-pjanijiet il-ġodda għar-riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, tindika liema żoni huma maħsuba jew ġew allokati għal liema industrija, u tikkonferma jekk dawn ġewx finalizzati? Tista’ wkoll tipprovdi pjan tal-inħawi proposti u tispjega liema mollijiet se jintużaw għal liema industrija/settur, lil min ġew allokati, u jekk hemmx rilokazzjoni prevista, min se jiġi rilokat u fejn se ssir din ir-rilokazzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjani jitħabbru ladarba dawn jiġu finalizzati. L-operaturi kollha se jkunu infurmati bil-progress u l-intenzjoni tal-Gvern hi li kull operatur ikompli għaddej bil-ħidma tiegħu b’mod normali.

Il-Gżira — Triq Rue D'Argens - Pjan ta’ xogħol

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21923, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-pjanijiet għall-Pumping Station li tinsab fi Triq Rue D'Argens, il-Gżira, faċċata tal-Empire Stadium imsemmija fl-istess tweġiba u meta ser jibdew dawn ix-xogħlijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Kif diġà spjegat fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21923, il-pumping station fil-Gżira topera u l-funzjoni tagħha hija waħda strateġika għaż-żona. Wara li jintemmu l-konsultazzjoni mal-awtoritajiet l-oħra konċernati, l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tkun tista’ tibda tħejji l-pjanti neċessarji għar-riabilitazzjoni tas-sit tal-madwar.

Noise Directive 2002/49/EC u Noise Action Plan 2019 — 2024

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21918, tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport li jagħti rendikont ta’ dak li sar s’issa fir-rigward tan-Noise Directive 2002/49/EC u tan-Noise Action Plan 2019 - 2024?

Response (DALLI, MIRIAM)

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Ħoss għal Malta (2019–2024), konformi mad-Direttiva Ewropea dwar il-Ħoss Ambjentali, jindirizza l-ħoss ambjentali mill-ajruplani, it-traffiku u l-industrija biex jitnaqqsu l-impatti fuq is-saħħa u jiġu protetti żoni kwieti. L-entitajiet relevanti qed jaħdmu biex ikollna rotot tal-ajru aktar ottimizzati u sistemi ta’ monitoraġġ avvanzati. Għat-traffiku, ġew installati l-ewwel barriers tal-ħoss u qed isiru aktar studji dwar dan, kif ukoll studji fuq asfalt b’livell baxx ta’ storbju, u ngħataw inċentivi għall-użu ta’ vetturi elettriċi. Fis-settur tal-industrija ddaħħlu kundizzjonijiet relatati mal-kontroll tal-ħoss. Kompla l-monitoraġġ u ġew aġġornati l-mapep strateġiċi tal-ħoss li jidentifikaw żoni ta’ prijorità. Barra minn hekk, ġiet imnedija storymap dwar Soundscapes, b’fokus fuq l-Imdina bħala żona kwieta, liema storymap hija wkoll disponibbli pubblikament fil-websajt tal-ERA minn din il-ħolqa https://era.org.mt/topic/mdina-soundscapes/

Ġnien ta’ Sant’ Anton — Guvi tal-għasafar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk sarx rapport u jekk sar, tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, biex tiġi ġġustifikata t-tneħħija tal-gaġeġ tal-għasafar (guvi) u jiġu mibdulin f’oħrajn ġodda, li jinsabu fil-Ġnien ta’ Sant’ Anton fejn dawn il-guvi nafu li ilhom jeżistu sa mill-inqas mis-sena 1929?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għas-sistema tal-Awtorità tal-Ippjanar E-Apps, fejn permezz tan-numru tal-applikazzjoni PA/07539/23, wieħed jista’ jsib id-dokumentazzjoni kollha, inklużi wkoll il-konsultazzjonijiet li saru mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali (SCH).

New Waters – Proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22031 dwar il-proġett imsejjaħ New Waters, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-lokalitajiet imsemmija għandhomx aċċess kontinwu? Jekk le, tista’ tgħid kemm-il darba jkollhom aċċess għall-ilma?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie spjegat diversi drabi, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’dan il-proġett innovattiv li jitratta n-New Water fejn apparti li dan is-servizz qed jilħaq iktar bdiewa qiegħed ukoll isir investiment f’ water dispensers ġodda intelliġenti. Dan ifisser li kull fejn diġà ġew installati dawn id-dispensers, dan l-ilma huwa disponibbli għal 24 siegħa kuljum, dejjem provdut b’mod għaqli u skont l-allokazzjoni miftiehma mal-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali għal kull bidwi.

Bormla — Ġnien Kottonera -

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 21689, 22550 u 23037 li oriġinarjament saru lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali rispettivament u tgħid minn meta nfetaħ Ġnien Kottonera f’Bormla f’2007, x’kienet il-manutenzjoni li saret f’dan il-ġnien u kemm intefqu flus sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Intepellanta li bħalissa qed isir proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Ġnien Kottoner, f’Bormla, li huwa maqsum fuq żewġ fażijiet. Aktar kmieni f’din il-leġiżlatura Parks Malta kienet nediet il-proċess ta’ preparazzjoni biex tkun tista’ ssir l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tikkonsisti f’bini ta’ ċnut mal-perimetru kollu tal-ġnien biex imbagħad jitwaħħal fencing li jassigura s-sigurtà tal-viżitaturi. Ix-xogħol fuq is-sit ta’ din l-ewwel fażi beda din is-sena minn Project Green (li ħadet post Parks Malta) u se tkun qed timplimenta wkoll it-tieni fażi li għandha l-għan li tiżviluppa spazju storiku u masġar, f’park attiv f’Bormla. Dan il-park mistenni jindirizza interessi diversi fi ħdan il-komunità lokali u lil hinn minnha, filwaqt li jixpruna r-rikreazzjoni fil-beraħ u l-għarfien ambjentali. Fost il-karatteristiċi proposti hemm mogħdijiet disinjati għall-użu rikreattiv tar-rota, kif ukoll spazji għall-annimali u logħob għat-tfal. It-tieni fażi se tinkludi wkoll tħawwil ta’ diversi siġar u arbuxxelli ġodda kif ukoll sistema ta’ irrigazzjoni biex jissaqqew is-siġar u l-pjanti. Ir-riġenerazzjoni tal-ġnien fl-intier tiegħu għandha stima preliminari ta’ madwar €2 miljun u mistennija tkun kompluta fl-2026. Barra minn hekk, isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni b’mod regolari fosthom it-tindif tal-passaġġi li jiswa madwar €300 fix-xahar. Is-sena li għaddiet sar tindif estensiv li nkluda wkoll it-tneħħija ta’ speċi invażivi, b’investiment ta’ madwar €19,000. Ninsab infurmata li fis-snin preċedenti fl-istess ġnien saru xogħlijiet mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Fl-2015 saret manutenzjoni ta’ strutturi li jipprovdu d-dell, fis-sena ta’ wara saru xogħlijiet fuq is-sistema tad-dawl, restawr ta’ ħitan u manutenzjoni ġenerali, waqt li fl-2021 sar restawr ta’ 60 bank u manutenzjoni ġenerali.

Ħal Balzan – Xogħlijiet minn kuntrattur

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ittieħdux passi kontra l-kuntrattur li kien inkarigat mix-xogħlijiet f'Ħal Balzan u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Tista' tgħid ukoll għaliex ittieħdu jew ma ttieħdux passi f'kull każ?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-istqarrija maħruġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma fid-19 ta’ Novembru 2024, li qed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.