Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Nefqa fuq fjuri għal funerali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm nefqet flus fi fjuri għal funerali matul is-snin 2022 u 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista tgħid jekk bagħtitx fjuri lil xi ħadd f’okkażjonijiet oħra u kemm kienet l-ispiża? Tista’ tgħid ukoll minn liema parti tal-baġit ittieħdu dawn il-flus?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar – Mina tad-drenaġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol marbut mal-mina tad-drenaġġ li għandha titħaffer f'San Pawl il-Baħar bejn iż-żona tal-Erba' Mwieżeb u x-Xemxija? Meta hu mistenni li se tkun tista' tiffunzjona kif ippjanata?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-imsemmi xogħol jinsab għaddej u huwa mmirat li jitlesta fi żmien sena.

Ħal Qormi – Spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Qormi matul is-sena 2024 u tipprvodi d-dettalji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-konfini ta’ Ħal Qormi, Project Green bdiet xogħlijiet f’Wied iċ-Ċawsli u Wied is-Sewda. Dawn l-interventi huma intiżi li jtejbu l-ekoloġija tas-siti u fl-istess waqt jagħmluhom aktar aċċessibbli għall-pubbliku. F’Wied iċ-Ċawsli l-pubbliku se jkun jista’ jgawdi minn żona mħaddra b’siġar adattati għall-ambjent tal-wied u se tinħoloq mogħdija li ttejjeb l-aċċess, b’sensittività sħiħa għall-ekoloġija tal-wied. Xogħlijiet simili qed jitwettqu f’Wied is-Sewda. Dawn jinkludu t-tindif u t-tħawwil ta’ siġar u arbuxelli indiġeni u r-riġenerazzjoni ta’ żona aċċessibbli għall-pubbliku. Minbarra l-interventi fil-widien, f’Ħal Qormi wkoll, il-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qed jassisti, b’finanzjament ta’ 85% tan-nefqa, fir-riġenerazzjoni ta’ Misraħ Narbona. Dan il-proġett għandu l-għan li jħaddar u jsebbaħ din il-pjazza b’mod li jiġi assigurat aktar spazju pedonali u tittejjeb l-aċċessibbiltà għar-residenti. Il-proġett intgħażel wara sejħa għall-proposti mmirata għall-Kunsilli Lokali sabiex dawn iwettqu proġetti infrastrutturali li jikkontribwixxu għall-Istrateġija għall-Iżvilupp Sostenibbli għal Malta għall-2050, kif ukoll għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tal-Ġnus Magħquda. Sadattant, fil-konfini ta’ din il-lokalità, permezz ta’ Greenserv sar il-proġett biex parti fiż-żona tal-Wied ta’ Ħal Qormi ssaqqfet u nbidlet fi spazju miftuħ imħaddar b’siġar u arbuxelli għat-tgawdija tar-residenti.

Ħal Luqa – Spazji miftuħa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi ħsieb hemm biex jiżdiedu l-ispazji miftuħa f’Ħal Luqa matul is-sena 2024 u tipprvodi d-dettalji?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Project Green għaddejja b’diskussjonijiet ma’ Sport Malta dwar il-possibiltà li jsir proġett ta’ spazju miftuħ fiż-żona ta’ Ħal Farruġ. Tinsab ukoll f’taħditiet separati mal-Awtorità tal-Artijiet biex art oħra li tinsab fil-qalba ta’ Ħal Luqa u li bħalissa tista’ tinbena, minflok tiġi kkundisdrata biex din ukoll tinbidel fi spazju miftuħ.

Aġenzija Project Green — Ftehim kollettiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk il-ħaddiema tal-aġenzija Project Green humiex koperti mill-protezzjoni ta' ftehim kollettiv kif inhija l-prattika fl-aġenziji tal-Gvern l-oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sad-data ta’ meta qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari l-ħaddiema ta’ Project Green qegħdin taħt l-istruttura approvata mill-P & SD, Salary and Grading Structure.

Aġenzija Project Green – Unions għad-drittijiet tal-ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-impjegati tal-aġenzija Project Green ingħatawx il-possibilità li jiltaqgħu ma' diversi Unions bil-ħsieb li jiddeċiedu liberalment dwar min ikun l-aħjar biex jirrapreżentahom fid-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-impjegati kollha ta’ Project Green huma liberi li jiltaqgħu u/jew jitkellmu ma’ kwalunkwe Union.

Aġenzija Project Green – Għoti ta’ sahra

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata dwar kemm kien hemm impjegati li bbenefikaw mill-għoti tas-sahra mill-aġenzija Project Green, maqsuma xahar b'xahar, minn Frar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tlabt biex l-informazzjoni tinġabar.

Aġenzija Project Green – Applikazzjoni mill-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati detailed tefgħu l-applikazzjoni tagħhom għal ‘Revocation’ biex jiġu rilaxxati mill-aġenzija Project Green?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kien hemm disa’ ħaddiema li talbu r-revocation tad-detailing tagħhom.

Aġenzija Project Green – Ħaddiema li qed jistennew ir-rilaxx

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati fis-Servizz Pubbliku bħalissa qegħdin jistennew biex jingħataw rilaxx u kemm ilhom jistennew biex din it-talba tiġi milqugħa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 14154, ninfurmah li l-proċessi tad-detailing jew tar-revoka tad-detailing huma prerogattiva tal-Amministrazzjoni Pubblika li tiġi eżerċitata skont l-esiġenzi tas-servizz u l-provvedimenti tal-artikolu 33 tal-Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika (Kap. 595 tal-Liġijiet ta’ Malta).

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża — Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm fondi ġejjin mill-Unjoni Ewropea li ntefqu jew se jkunu qed jintefqu fl-2023? Tista’ tgħid ukoll liema kienu u liema huma u tagħti break down tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża – Positions of Trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid preżentement kemm-il persuna hemm ingaġġata fil-Ministeru tagħha f’position of trust?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ karigi/pożizzjonijiet ingaġġati fuq bażi ta’ fiduċja, (persons of trust jew positions of trust), fil-Ministeru, hija skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iċ-Ċirkewwa – Reverse Osmosis

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema mains tal-ilma li jwasslu l-ilma tar-reverse osmosis tac-Ċirkewwa, hu mistenni li jinbidlu, jew li jiżdiedu ma’ dawk eżistenti? Meta hu mistenni li jitkompla u jitlesta dan it-tqegħid ta' mains?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-imsemmija mejnijiet huma intiżi sabiex tissaħħaħ il-kapaċità tad-distribuzzjoni prinċipali tal-ilma bejn l-impjanti tar-reverse osmosis taċ-Ċirkewwa, ta’ Ħondoq ir-Rummien u l-ġibjuni f’Ta’ Qali, liema impjanti wasslu għal żieda fil-kapaċità tal-produzzjoni kollettiva tal-ilma fit-Tramuntana tal-gżejjer Maltin. Dan il-proġett ser iwassal sabiex il-kwalità tal-ilma tkompli titjieb u tiġi armonizzata bejn id-diversi żoni u lokalitajiet. Bħalissa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja bi tħejjijiet sabiex isiru d-disinji neċessarji u jinħarġu s-sejħiet għall-offerti. Dan il-proġett ser ikun qed jitlesta fuq medda ta’ madwar sentejn.

Marsaskala – Dawl fit-toroq

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kemm-il darba d-dawl fit-triq l-antika ta’ Marsaskala huwiex jinxtegħel regolarment, billi hemm ilmenti varji li ma huwiex u dan b’detriment għas-sewwieqa varji u dawk li jużawha?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fit-triq imsemmija l-Enemalta bidlet is-sistema kollha tad-dawl tat-triq (street lighting) inkluż saru arbli ġodda b’lampi LED, li jikkunsmaw ferm inqas enerġija minn dawk konvenzjonali u għalhekk jiġġeneraw inqas emissjonijiet. Infurmata li l-installazzjoni hija prattikament kompluta u mixgħula, ħlief għal ftit arbli li ser jinxtegħlu fil-jiem li ġejjin.

Deċiżjoni ta’ sentenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ulterjuri ser jittieħdu fir-rigward tal-impjegati varji wara u in konsegwenza tas-sentenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament deċiża fil-25 ta Frar 2021 u dan kemm għall-impjegati li kienu parti fil-kawża kif ukoll dawk li ma kienux parti imma li għandhom interess?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Tarxien — Triq Karlu Maratta - Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12446 fejn intqal li “mhux minnu li hemm xi tappieri ssiġillati”, tista' l-Ministru tgħid x’kien l-użu tat-tappieri (ir-ritratti annessi u li qed jintbagħtu separatament) li ġew magħluqa bil-konkos hekk kif skont ħafna residenti dawn kienu jagħtu għal ġibjun li hemm fl-istess pjazza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li t-tappieri indikati mhumiex parti mill-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ħal Lija — Triq Tabor – Pressa tal-ilma

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx problema bil-pressa tal-ilma tal-Gvern fi Triq Tabor f'Ħal Lija? Jekk iva, tista' tgħid meta se tkun solvuta u jekk le, tista' tikkonferma li l-pressa hija dik adegwata għar-residenti tat-triq?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ma rċeviet l-ebda rapport dwar problema ta’ pressa fl-akkwata indikata, u li l-pressa fit-triq imsemmija hija adegwata u skont l-istandards stabbiliti. Persuni li jkollhom diffikultajiet dwar xi infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma jistgħu jċemplu fuq 8007 6400 jew jagħmlu rapport online permezz tas-sit elettroniku www.wsc.com.mt

Qtugħ fil-provvista tal-elettriku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm il siegħa ta’ qtugħ ta’ provvista tal-elettriku kien hemm f’Lulju, Awwissu u Settembru, tal-2023 f’kull lokalità f’Malta u f’Għawdex u tgħid ukoll kemm minn dawn kienu skedati għall-manutenzjoni?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interepellanta tirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11135.

Enemalta — Investiment għal provvista aħjar tal-elettriku

Question

Fid-dawl li fl-4 t’Awwissu 2022 ġie rrapurtat li l-Enemalta għamlet 15-il miljun investiment fis-sena għal provvista aħjar tal-elettriku, tista’ l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-15-il miljun investiment fl-aħħar sena biex ikun hemm provvista tad-dawl mingħajr interruzzjoni? Tista’ l-Ministru tqiegħed d-dokumenti relatati fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont ta’ kif sar l-investiment fl-aħħar sentejn mill-Enemalta biex tissaħħaħ is-sistema li twassal il-provvista tal-elettriku lill-klijenti f’Malta u Għawdex. Dan l-investiment li ammonta għal total ta’ €31,434,374 kien jinkludi upgrading taċ-Ċentri tad-Distribuzzjoni, tqegħid ta’ kilometri ta’ cables ta’ vultaġġi differenti, l-installazzjoni ta’ linji ġodda f’diversi lokalitajiet, substations ġodda, l-immodernizzar u l-awtomatizzazzjoni ta’ ħafna substations eżistenti fost xogħlijiet oħrajn.