Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli – Direct Orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġu direct orders mill-ministeru tiegħu?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li kif weġibt f’diversi istanzi, l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Bormla - Proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien il-perit u koordinatur tal-proġett tal-housing ġewwa Bormla minn meta beda x-xogħol sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kif intgħażlu, kemm tħallsu sa issa u jekk għadx fadall x'jitħallas?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32491 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari li huma: i.    Applikanti single; ii.    Applikanti ’l fuq minn 60 sena; u iii.    Applikanti akkumpanjati bi tfal minuri magħhom?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Akkomodazzjoni soċjali - Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 32490 u jgħid kemm hemm persuni li qed jistennew akkomodazzjoni soċjali sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.

Rent Subsidy Scheme (RSS), Private Rented Sector (PRS) u Private Rent Housing Benefit Scheme (HBS)

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li jieħdu s-sussidju tal-kera fil-mument taħt l-iskemi Rent Subsidy Scheme (RSS), Private Rented Sector (PRS) u Private Rent Housing Benefit Scheme (HBS)?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar għandha 3,238 persuna li jieħdu s-sussidju tal-kera bħalissa taħt l-iskemi Rent Subsidy Scheme (RSS), Private Rented Sector (PRS) u Private Rent Housing Benefit Scheme (HBS).

Awtorità tad-Djar – Persuni b’Diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li huma indipendenti u li jgħixu waħidhom, u kemm hemm li joqogħdu f’shared apartments li jaqgħu taħt l-Awtorità tad-Djar? Minn dawn il-persuni, jista’ jgħid kemm minnhom għandhom diżabilità fiżika, intellettwali jew mentali?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, mis-sena 2022 ’l hawn, l-Awtorità tad-Djar allokat total ta’ 28 proprjetà lil persuni b’diżabilità jew b’problemi ta’ mobilità li jgħixu waħidhom.

Evictions

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il eviction saret fis-sena 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, għall-perjodu li jibda mis-sena 2024 sal-21 ta’ Jannar 2026, saru total ta’ 34 każ ta’ żgumbrament. Dawn il-każijiet seħħew wara li jkunu ġew eżawriti l-proċeduri kollha previsti mil-liġi skont Kap. 573 u, b’ordni tal-qrati kompetenti. Huwa xieraq li jingħad li dawn il-miżuri jittieħdu biss bħala l-aħħar rimedju, wara li l-Awtorità tad-Djar tkun għamlet minn kollox sabiex il-persuna tikkonforma mar-regolamenti applikabbli. Qabel ma jsir kwalunkwe żgumbrament, jiġu esplorati soluzzjonijiet alternattivi u jiġi pprovdut l-appoġġ soċjali meħtieġ sabiex il-persuni affettwati jkunu jistgħu jkomplu jgħixu ħajjithom b’mod xieraq.

Awtorità tad-Djar – applikanti – lista ta’ stennija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il każ kien hemm fejn post mogħti lil persuni li jinsabu fil-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali mill-Awtorità tad-Djar  kien irrifjutat u x’ raġuni ngħatat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li mil-lista ta’ stennija hemm 110 applikazzjonijiet li kienu ġew murija proprjetà li ġiet irrifjutata. Għalkemm mhux dejjem tingħata raġuni għalfejn post ġie rifjutat, ir-raġunijiet primarji għalfejn l-applikanti irrifjutaw il-post muri kienet minħabba nuqqas ta’ aċċessibbiltà jew minħabba li l-post ma kienx fil-lokalità preferuta.

Bejgħ ta’ postijiet tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inbiegħu postijiet li l-Gvern huwa s-sid tagħhom lil inkwilini rikonoxxuti, fil-perjodu bejn Diċembru 2023 u l-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll x’kien l-ammont totali, sena b’sena?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Diċembru 2023 u sal-lum inbiegħu 407 postijiet li l-Gvern kien is-sid tagħhom lill-inkwilini rikonoxxuti, maqsumin skont is-sena kif indikat hawn taħt: 2023 – 99 2024 – 122 2025 – 186

Bormla – Proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wara Diċembru l-Awtorità tad-Djar hix ser timmulta lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, f’każ li l-proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla ma jitlestiex?

Response (GALDES, RODERICK)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32283.

Binjiet ta’ Akkomodazzjoni Soċjali - Rapporti ta’ mġiba ħażina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm rapporti ta’ mġiba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali marbuta ma’ condominiums? Jista’ jgħid ukoll kemm hu ż-żmien ta’ stennija sabiex tittieħed azzjoni?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, fil-preżent, l-Awtorità tad-Djar għandha ħmistax (15)-il każ attiv relatat ma’ mġiba ħażina f’binjiet ta’ akkomodazzjoni soċjali. L-Awtorità tad-Djar tivvaluta l-livell ta’ urġenza ta’ kull każ u tieħu l-azzjonijiet xierqa skont iċ-ċirkostanzi, normalment fi żmien 24 siegħa li jkun daħal l-ilment.

L-Imtarfa - Binja Qlejgħa - Kumpless ta’ garaxxijiet - Xogħlijiet ta’ tiswija

Question

B’referenza għall-email mibgħuta nhar is-16 ta’ Settembru 2025 mill-Awtorità tad-Djar fejn ingħad li x-xogħol tat-tibdil tas-soqfa tal-garaxxijiet fil-Qasam Binja Qlejgħa, fl-Imtarfa kien mistenni li jinbeda fil-bidu ta’ Novembru, u b’referenza wkoll għall-ittri postali li ntbagħtu biex is-sidien ibattlu l-garaxxijiet u jżarmaw il-bibien, jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar dawn ix-xogħlijiet ta’ tiswija u jgħid meta huwa mistenni li jibdew peress illi t-timeline stabbilit ma nżammx?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, f’dan il-każ, ix-xogħlijiet jinsabu f’fażi ta’ preparazzjoni skont il-proċedura stabbilita mill-BCA (Circular 4), u permezz tal-periti responsabbli qed isir il-ħidma meħtieġa biex jintlaħqu l-approvazzjonijiet u l-clearances neċessarji sabiex ix-xogħlijiet jibdew mill-aktar fis possibbli.

Kumpanija - Ittra ta’ riżenja

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija inkwistjoni hija kumpanija ta’ natura public limited company (plc) u, għaldaqstant, topera b’mod awtonomu skont il-liġijiet kummerċjali applikabbli. Fid-dawl ta’ dan, u peress li l-ittra tar-riżenja tal-eks Chairman tifforma parti minn dokumentazzjoni interna u kunfidenzjali tal-kumpanija, ma jkunx xieraq u lanqas possibbli li din titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Postijiet vojta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet tal-housing li huma vojta?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kwalunkwe post disponibbli jiġi allokat skont il-proċeduri, il-kriterji u l-prijoritajiet stabbiliti mill-Awtorità responsabbli, u b’konformità mal-politika applikabbli. Minħabba li l-allokazzjoni sseħħ kontinwament, mhux possibbli li jingħata numru preċiż ta’ postijiet.

Skema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli – Persuni li applikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif persuna tista' tapplika għall-iskema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli u kemm kien hemm persuni li applikaw għal din l-iskema?

Response (GALDES, RODERICK)

Fil-preżent, l-iskema ta’ Akkomodazzjoni Affordabbli hi miftuħa fil-forma ta’ espressjoni ta’ interess. Il-persuni jistgħu juru l-interess tagħhom billi jimlew formola fuq is-sit eletroniku tal-Fondazzjoni għal Djar Affordabbli. Dan isir sabiex wieħed jibqa’ aġġornat bl-aħħar aħbarijiet, avviżi ta’ applikazzjonijiet, u l-iżviluppi ewlenin kollha mill-Fondazzjoni.

Bormla - Proġett tal-Housing

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29688, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet fuq il-proġett tal-housing f’Bormla?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit ta’ kostruzzjoni f’Bormla bħalissa jinsab soġġett għal sospensjoni temporanja tax-xogħlijiet. Qabel din is-sospensjoni, ix-xogħlijiet kienu għaddejjin skont l-iskeda pjanata u l-ispeċifikazzjonijiet mitluba. Fil-mument li twaqqaf ix-xogħol, il-proġett kien jinsab f’fażi avvanzata, b’xogħlijiet ta’ tlestija għaddejjin fil-blokok residenzjali u fl-ispazji komuni. B’mod ġenerali, kien inkiseb progress sostanzjali fuq il-maġġor parti tas-sit qabel is-sospensjoni temporanja. Inżid li x-xogħlijiet mistennija jerġgħu jitkomplew fi ftit ġranet oħra.

Awtorità tad-Djar - Skemi ta’ aċċessibiltà - Talbiet

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità, jista’ l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm minn meta twieġbu dawn il-mistoqsijiet parlamentari u kif it-tagħrif mogħti f’dawn il-mistoqsijiet inbidel minn meta ngħataw it-tweġibiet? Jista’ jgħid ukoll liema għaqdiet oħra bbenefikaw, jew talbu li jibbenefikaw mit-30 ta’ Lulju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, liema talbiet intlaqgħu, liema ġew rifjutati u liema għadhom pendenti?

Response (GALDES, RODERICK)

Nistaqsi lill-Onorevoli Interpellant sabiex tikkjarifika xi trid tfisser fuq żviluppi u tibdil b’referenza għat-tweġibiet tal-Mistoqsijiet Parlamentari 29566 u 29859 fir-rigward ta’ organizzazzjonijiet volontarji u non-governattivi li għamlu talbiet mal-Awtorità tad-Djar biex itejbu l-aċċess għall-ġid tal-komunità.

Awtorità tad-Djar - Blokok tal-Gvern - Liftijiet installati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il lift ġie installat fi blokok tal-Gvern mill-Awtorità tad-Djar minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?  Jista’ jgħid ukoll f’liema lokalità jinsabu u kemm minnhom bdew jiffunzjonaw?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li fl-2024, ingħataw total ta’ wieħed u għoxrin lift fil-lokalitajiet tal-Furjana, Birkirkara, Bormla, Ħal Għaxaq, il-Kalkara, il-Mosta, il-Marsa, l-Imtarfa, il-Pietà, Raħal Ġdid, Santa Luċija (2), Ħal Tarxien (2), il-Belt Valletta (3), Ħaż-Żebbuġ (3) u iż-Żurrieq. Fl-2025, ġew mogħtija tnejn u erbgħin lift. Dawn kienu jinsabu fl-Imsida (2), il-Pietà (2), il-Marsa, Birkirkara (6), Santa Luċija (2), il-Belt Valletta (4), Santa Venera (2), Bormla (2), Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Pembroke, Ħal Luqa (8), iż-Żejtun (2), il-Furjana, l-Isla, Ħal Lija, il-Kalkara, ir-Rabat u Ħaż-Żabbar (2). Barra minn hekk, lift wieħed fil-Marsa, wieħed fir-Rabat, wieħed fis-Siġġiewi u wieħed f’Santa Venera bħalissa qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni. Għaddejjin ukoll ix-xogħlijiet fi sittax-il blokka f’ tlettax-il lokalità differenti.

Liftijiet - Ċertifikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il blokka qiegħda tistenna ċ-ċertifikat li lift ikun lest u konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tat-tender u r-regolamenti tal-liftijiet, biex b’hekk ikun ‘placed into service’?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li bħalissa, hemm erba’ liftijiet li għadhom qed jistennew iċ-ċertifikazzjoni u l-ikkummissjonar.

Akkomodazzjoni soċjali - Liftijiet għat-tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm idum biex jissewwa lift f’binja ta’ akkomodazzjoni soċjali, minn meta jiġi rrappurtat?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lil Onorevoli interpellant li d-dewmien għat-tiswijiet tal-lift jiddependi min-natura u l-kumplessità tal-problema. Filwaqt li xi ħsarat jistgħu jiġu solvuti fl-istess jum, oħrajn jistgħu jeħtieġu bejn sitt u tmien ġimgħat, soġġetti għad-disponibbiltà tal-partijiet meħtieġa.