Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4460 fl-intier tagħha u jagħti s-sena għal kull finanzjament mogħti lil NGOs f’dawn l-aħħar sentejn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mill-finanzjament li għalih qed issir referenza jingħata fil-qafas tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (CAP Strategic Plan) 2023-2027, inkluż permezz tal-programm LEADER, li huwa maħsub sabiex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali. Il-Pjan Strateġiku jipprovdi wkoll li 5% tal-kontribuzzjoni tal-EAFRD taħtu tiġi riżervata għal LEADER.
Il-programm LEADER huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’
Community-Led Local Development
, permezz ta’ approċċ “bottom-up”. Il-finanzjament ma jingħatax mill-Ministeru lil NGOs fuq bażi
ad hoc
, iżda jiġi amministrat permezz tal-Local Action Groups (LAGs), li huma sħubijiet lokali pubbliċi-privati magħżula sabiex jimplimentaw Local Development Strategies (LDS) għat-territorji rispettivi tagħhom.
Dawn l-istrateġiji jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tat-territorju u jwasslu għal sejħiet għal proposti skont il-miżuri, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għażla u l-baġits approvati. B’dan il-mod, permezz ta’ LEADER jistgħu jiġu appoġġjati proġetti ta’ żvilupp rurali, fosthom inizjattivi relatati mal-wirt kulturali, l-ambjent, l-infrastruttura ekoloġika, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-promozzjoni tat-territorju.
Fir-rigward tad-dettalji mitluba dwar il-benefiċjarji, l-għan u s-sena tal-finanzjament, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni hija ppubblikata mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) skont ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.
Kampanja Nazzjonali għall-promozzjoni tal-prodott Malti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti l-kampanja nazzjonali permanenti għall-promozzjoni tal-prodott Malti u x’hemm ipproġettat li jsir fix-xhur li ġejjin minn meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħidma tal-Malta Food Agency fir-rigward tal-promozzjoni tal-prodotti tal-ikel lokali, hija kontinwa u tinkludi diversi sħubijiet strateġiċi, inizjattivi u proġetti promozzjonali.
Fost l-inizjattivi ppjanati għall-2027, apparti l-kontinwazzjoni tal-attivitajiet, diga qed jigu imnedija diversi promozzjonijiet u skemi.
Strateġija Nazzjonali għas-Sajd – Implimentazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju waslet l-implimentazzjoni tal-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, wara li ġie konkluż il-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija Nazzjonali għas-Sajd 2026–2036, il-ħidma mxieja skont il pjanijiet imfassla.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern għall-Laboratorju Patoloġiku għall-Akwakultura?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aquatic Resources Malta qed tinvesti fl-ewwel Laboratorju tal-Patoloġija tal-Akkwakultura, bil-għan li ssaħħaħ ir-riċerka dwar is-saħħa tal-ħut, il-monitoraġġ u d-dijanjosi tal-mard, u tgħin biex l-industrija tal-akkwakultura tkun aktar sostenibbli u reżiljenti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’politika ser jadotta għall-ipproċessar tad-demel tal-annimali kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm flus ivvutati għal dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta dan il-proġett hu pproġettat li jkun operattiv?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 544, peress li t-terminu "importazzjoni" li għamilt referenza għalih ma kienx jirreferi għal moviment ta’ merkanzija minn pajjiżi terzi iżda għall-moviment ta' bhejjem li jikkonsistu f’mogħoż u nagħaġ minn barra minn Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impurtati nagħaġ u mogħoż f’pajjiżna minn Jannar 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?
Jista’ jgħid ukoll:
i. minn liema pajjiż ġiet impurtata kull nagħġa u mogħża;
ii. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata għamlitx kwarantina;
iii. kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għat-trobbija u kemm-il nagħġa u mogħża ġiet impurtata għal-laħam; u
iv. jekk kull nagħġa u mogħża impurtata sarilhiex veterinary certificate?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Malta irċeviet konsenja waħda min pajjiz Europew. Din il-kunsinna kienet tikkonsisti f'212-il nagħġa u 93 mogħża, destinati għall-bidwi Malti, u mhux għall-qatla. Il-kunsinna kienet akkumpanjata miċ-ċertifikazzjoni tas-saħħa veterinarja meħtieġa
.
Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Direct orders ta' inqas minn €2,000
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor, Interpellant li l-entitajiet u d-dipartimenti tal-Gvern japplikaw ir-regoli ghall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt joħorgu mill-Public Procurement Regulations.
Għajnuna għal faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bdiewa li rċevew għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2026 sa issa, il-bdiewa u r-raħħala li bbenefikaw minn għajnuna biex jibnu faċilitajiet għall-ħażna tal-ilma tax-xita kienu 50.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm raħħala kummerċjali li ngħataw ilma potabbli b’xejn, billi kull razzett ikun imqabbad mal-infrastruttura tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC)? Jista’ jgħid ukoll fejn huma dawn l-irziezet, maqsuma lokalità b'lokalità?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm individwi li ngħataw aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li m’għadhomx jintużaw fejn għad m’hemmx provvista diretta ta’ New Water matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b'xahar? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-individwi kienu bdiewa u raħħala ġenwini jew bdiewa u raħħala żgħażagħ?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-għoti ta’ aċċess ikkontrollat għal spieri pubbliċi li ma għadhomx jintużaw, f’żoni fejn għad ma hemmx provvista diretta ta’ New Water, jifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, skont il-Miżura 17 tal-Manifest Elettorali 2026.
L-għan ta’ din il-miżura huwa li jitnaqqsu d-diskrepanzi fl-aċċess għall-ilma bejn żoni agrikoli differenti u tingħata soluzzjoni ġusta u sostenibbli għall-isfida tan-nuqqas ta’ ilma għall-agrikoltura, partikolarment fejn il-provvista ta’ New Water għadha mhijiex direttament disponibbli.
Il-Gvern qiegħed jaħdem sabiex din il-miżura tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura. Għaldaqstant, f’dan l-istadju għad m’hemmx individwi li bbenefikaw minn din il-miżura u, konsegwentement, ma hemmx data x’tingħata maqsuma xahar b’xahar jew skont il-kategoriji msemmija fil-mistoqsija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tqassmu siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa ġenwini u bdiewa żgħażagħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm bdiewa gawdew minn din l-iskema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul l-avvenimenti organizzati mill-Ministeru matul din is-sena, tqassmu b’kollox 450 siġra tat-tut iswed (
Morus nigra
) lil 125 individwu.
Ninfurmah ukoll li l-Gvern, b’konformità mal-Miżura 14 tal-Manifest Elettorali 2026, li tifforma parti mill-Programm ta’ Ħidma tal-Gvern għal din il-leġiżlatura, se jkompli jsaħħaħ il-preservazzjoni tal-bijodiversità lokali permezz tat-tqassim ta’ aktar siġar tal-frott indiġeni mingħajr ħlas.
F’dan ir-rigward, il-Ministeru qiegħed ifassal pjan sabiex matul l-2027 jitqassmu aktar siġar tal-frott indiġeni lill-bdiewa, lis-sidien tar-raba’, lill-kunsilli lokali u lill-iskejjel, skont il-kriterji ta’ eliġibbiltà rispettivi. Din l-inizjattiva se tkompli tiġi implimentata matul din il-leġiżlatura bil-għan li tissaħħaħ l-identità agrikola u kulturali ta’ pajjiżna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’riċerka saret fuq il-varjetajiet indiġeni ta’ dwieli u pjanti oħra fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2021 ġiet stabbilita kollezzjoni ta’ varjetajiet ta’ dwieli Maltin fiċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett, bil-għan li dawn il-varjetajiet jiġu kkonservati u studjati. Matul l-2024, żewġ varjetajiet indiġeni tad-dwieli, il-Girgentina u l-Ġellewża, ġew inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet.
Saret ukoll identifikazzjoni preliminari ta’ kloni ta’ varjetajiet indiġeni miżmuma fil-kollezzjonijiet taċ-Ċentru għall-Vitikoltura u l-Enoloġija fil-Buskett u fil-Bank Ġenetiku Nazzjonali f’Ħal Lija. Permezz tal-Laboratorju tal-Bijoteknoloġija, għaddejja riċerka bil-għan li jiġu stabbiliti kloni ħielsa mill-mard ta’ diversi varjetajiet lokali tad-dwieli, sabiex dawn ikunu jistgħu eventwalment jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-suq lokali.
Fl-istess waqt, għaddejjin ukoll studji fenotipiċi sabiex varjetajiet lokali oħra eżistenti jiġu kkaratterizzati fid-dettall, bil-għan li jkunu jistgħu jiġu inklużi fil-Katalgu Nazzjonali tal-Varjetajiet u jingħataw valur akbar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk bdiewa li għandhom is-serer hux jingħataw xi għajnuna biex iħaddmu prattiċi aktar sostenibbli u b’anqas impatt ambjentali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex tikkonsisti din l-għajnuna u kemm hemm bdiewa li gawdew minn din l-għajnuna sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala parti mill-miżuri li wettaq il-Gvern matul l-ewwel mitt jum tiegħu wara l-elezzjoni, ġiet imnedija skema ġdida għall-ġbir ta’ plastik, pajpijiet u materjal ieħor relatat mal-attività agrikola, mingħajr ħlas, għall-bdiewa li għandhom is-serer jew li jkabbru l-fjuri.
Permezz ta’ din l-iskema, Riżorsi Agrikoli Malta qed toffri servizz ta’ ġbir ta’ dan il-materjal mingħajr ebda spiża għall-bdiewa eliġibbli. Din il-miżura għandha l-għan li tinkoraġġixxi prattiċi agrikoli aktar sostenibbli u tnaqqas l-impatt ambjentali tal-attività agrikola, filwaqt li tiffaċilita l-immaniġġjar responsabbli tal-iskart agrikolu.
Din l-inizjattiva tikkumplimenta wkoll miżuri agroambjentali oħra disponibbli għall-bdiewa taħt il-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (PAK), li flimkien joffru appoġġ għal prattiċi agrikoli aktar sostenibbli, użu aktar effiċjenti tar-riżorsi u tnaqqis tal-impatt ambjentali tas-settur agrikolu.
Programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru programmi ta’ taħriġ u evalwazzjoni tal-ħiliet għall-bdiewa matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru organizza workshop għall-bdiewa fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer, li ffoka fuq il-faċilitajiet tat-twelid għall-ħnieżer, b’enfasi partikolari fuq ir-rekwiżiti u l-kundizzjonijiet xierqa għall-akkomodazzjoni tal-ħnieżer nisa u tal-qżieqeż.
Din l-attività twettqet b’kollaborazzjoni ma’ esperti minn TEAGASC, li hija meqjusa bħala istituzzjoni ta’ referenza f’dan is-settur fl-Irlanda, bħala parti mill-proġett Agrikonsulta, bil-għan li jkompli jissaħħaħ l-għarfien tekniku u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiċi fis-settur tat-trobbija tal-ħnieżer.
Barra minn hekk, matul l-2026, il-Ministeru organizza kors speċjalizzat dwar il-produzzjoni u l-evalwazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa, b’kollaborazzjoni ma’ esperti miċ-Ċentru ta’ Riċerka CIHEAM f’Bari.
Fl-istess waqt, bħalissa għaddejja ħidma b’kollaborazzjoni man-National Skills Council għas-settur agrikolu. Din il-ħidma tinkludi analiżi tal-lakuni fil-ħiliet, bil-għan li r-riżultati miksuba jikkontribwixxu għat-tfassil ta’ programmi futuri ta’ taħriġ immirati lejn il-ħtiġijiet attwali u futuri tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur.
Inżid ngħid li matul din is-sena, ġew ipprovduti ukoll tlett programmi ta’ taħriġ lill-bdiewa, fosthom:
· Agri-Environment-Climate Commitments (AECC)
· Complementary Income Support for Young Farmers (YF)
· Eco-Scheme 2 – Integrated Pest Management (ES2)
Jista’ l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi introdotta sistema ġdida biex il-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija jkunu aktar effiċjenti u ġusti mal-bejjiegħa u x-xerrejja?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara r-Riforma tal-Pitkalija fl-2021, l-Aġenzija responsabbli tejjbet u ssimplifikat il-proċess tal-bejgħ billi daħħlet Sistema tal IT robusta fil-qalba tal-operat.
Il-bdiewa (ilbidwi.gov.mt) u x-xerrejja (ixxerrej.gov.mt) issa għandhom apps biex jaraw u jivverifikaw il-bejgħ u x-xiri tagħhom.
Ġie introdott ukoll il-Proċess tal-Bejgħ Dirett, li jħeġġeġ lill-bdiewa jbiegħu direttament permezz ta’ ilbidwi.gov.mt, filwaqt li jibqgħu jgawdu l-istess inċentivi tat-taxxa bħall-bejgħ permezz tal-Pitkalija.
Barra minn hekk, il-Gvern qed jippjana l-bini ta’ Pitkalija ġdida bħala parti mill-programm ta’ ħidma tiegħu. Dan l-investiment ser joħloq l-opportunità sabiex, flimkien mal-infrastruttura l-ġdida, jiġu kkunsidrati aktar titjib u bidliet fis-sistema preżenti, bil-għan li l-operat tal-Pitkalija jsir aktar modern, effiċjenti u adattat għall-ħtiġijiet tal-bdiewa u tal-operaturi fis-settur.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għadux bil-ħsieb li jibdel il-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott (kaxxi tal-pitkalija)? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'tip ta' kaxxi ħodor tal-pitkalija ser jiġu introdotti f'pajjiżna, kemm se jiswew flus biex jinbidlu l-kaxxi kollha, kemm hemm bżonn kaxxi ġodda u jekk il-bdiewa u l-koperattivi tagħhom ġewx ikkonsultati b'dan it-tibdil?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Miżura Elettorali (19.008) tipprevedi l-modernizzazzjoni tas-sistema tal-ippakkjar fil-Pitkalija, permezz tas-sostituzzjoni tal-kaxxi l-ħodor tal-ħaxix u l-frott b’kontenituri aktar moderni u prattiċi għall-bdiewa.
F’dan il-kuntest, l-Aġenzija responsabbli qiegħda teżamina tipi differenti ta’ kontenituri li jistgħu jtejbu l-immaniġġjar u l-preżentazzjoni tal-prodott, kif ukoll il-loġistika marbuta mad-dħul, il-bejgħ u d-distribuzzjoni tal-prodott fil-Pitkalija.
Bħala parti minn dan il-proċess, l-Aġenzija qed tippjana li tidentifika sett ta’ kontenituri standard u tniedi proġett pilota sabiex jiġu ttestjati u evalwati l-aktar għażliet adattati, b’konsultazzjoni mal-għaqdiet tal-bdiewa u l-koperattivi. Dan ix-xogħol ser jikkontribwixxi wkoll għall-proċess usa’ ta’ modernizzazzjoni tas-sistema tal-bejgħ u x-xiri fil-Pitkalija, skont l-għanijiet tal-Miżura Elettorali.
Proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel? Jista’ jgħid ukoll kemm hi stmata l-ispiża biex isir dan il-proġett, fiex ser ikun jikkonsisti dan il-proġett, meta hu ppjanat li jibda x-xogħol u meta hu ppjanat li jkun lest?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq id-disinji tal-Pitkalija l-ġdida u l-faċilitajiet tal-ħażna tal-ikel, filwaqt li qiegħed jiġi kkompilat ukoll rapport ta’ fattibbiltà dwar il-proġett.
Id-dettalji dwar l-ispiża stmata tal-proġett u l-iskeda prevista għall-bidu u t-tlestija tax-xogħlijiet jingħataw fi stadju aktar avvanzat, ladarba jitlestew id-disinji u r-rapport ta’ fattibbiltà.
Art agrikola privata - Eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tiġi estiża l-eżenzjoni tat-taxxa tas-suċċessjoni għal art agrikola privata li tingħata għall-użu minn bdiewa żgħażagħ jew bdiewa ġenwini?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-miżura ta’ eżenzjoni mit-taxxa tas-suċċessjoni, daħlet fis-seħħ permezz ta’ Kapitolu 364 tal-Liġijiet ta’ Malta, u se tibqa’ fis-seħħ għaliex mihiex miżura temporanja.
Jista’ l-Ministru jgħid x'tibdiliet leġiżlattivi ġew introdotti sabiex l-art agrikola tal-Gvern tingħata lill-bdiewa ġenwini, speċjalment bdiewa żgħażagħ u studenti tal-agribusiness?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddej proċess ta’ konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati dwar abbozz ta’ Avviż Legali li tħejja sabiex jiġu introdotti regolamenti ġodda li jistabbilixxu l-proċedura għall-allokazzjoni ta’ art agrikola lill-bdiewa, wara li tali art tkun ġiet assenjata jew akkwistata mill-Aġenzija Riżorsi Agrikoli Malta.
F’dan il-kuntest, ġie wkoll konkluż ftehim mal-Awtorità tal-Artijiet sabiex jiġu identifikati artijiet vakanti li huma proprjetà tal-Gvern, bil-għan li dawn jiġu sussegwentement assenjati lil RAM u, minn hemmhekk, ikunu jistgħu jiġu allokati lil bdiewa żgħażagħ jew lil bdiewa li jkollhom l-għan li jkabbru l-attività tagħhom fis-settur agrikolu.
Barra minn hekk, il-Gvern kompla bil-ħidma tiegħu dwar il-miżuri relatati mat-tnaqqis tat-taxxa tas-suċċessjoni fuq wirt ta’ art agrikola, fil-każijiet fejn il-werriet ikun rikonoxxut bħala bidwi professjonali permezz tal-kategorizzazzjoni tal-bdiewa. Din il-miżura għandha l-għan li tiffaċilita t-trasferiment u ż-żamma tal-art agrikola f’idejn dawk li jkunu attivament involuti fil-biedja, filwaqt li tħeġġeġ il-kontinwità u s-sostenibbiltà tal-attività agrikola.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-2026 żdiditx l-għajnuna finanzjarja lill-bdiewa u r-raħħala, kemm minn fondi nazzjonali kif ukoll minn fondi Ewropej, separatament, u b’kemm flus? Jista’ jgħid ukoll għal kemm kienet tammonta din l-għajnuna finanzjarja u kemm ibbenefikaw bdiewa u raħħala minn din l-għajnuna?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar.