Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali – Organogramma

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 24087, jista’ l-Ministru jgħid f’liema skala (grad) jaħdmu dawn il-persons of trust?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika t-talba tagħha dwar x’tip ta’ informazzjoni tixtieq.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — Infiq fuq materjal ta' reklamar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont li ntnefaq mill-Ministeru fuq materjal ta' reklamar inkluż fuq billboards, reklami fil-gazzetti, reklami fuq social media u leaflets jew pubblikazzjonijiet oħrajn li tqassmu fid-djar għal kull xahar bejn Jannar 2020 u Jannar 2022?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Liġi li tgħin lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tidħol fis-seħħ l-liġi li hu stess qal li qed iħejji biex tkun tista’ tgħin lill-bdiewa fil-kawżi fil-Qorti fejn l-istess bdiewa qed jintalbu joħorġu mir-raba’ tagħhom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li jien tiegħu responsabbli qed jipprepara d-dokumenti legali neċessarji. Wieħed għandu japprezza li l-abbozzar ta’ liġi li tindirizza kwistjoni ta’ din il-portata m’għandux isir b’għaġla, sabiex ikun żgurat li jintlahqu objettivi mixtieqa u jkun hemm ġustizzja ma kulħadd.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Animali – ħaddiema f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 22305 u 22839 u jgħid kemm hemm ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu u anke tal-kuntrattur li jagħmlu xogħol ġewwa Għawdex? X’inhu x-xogħol ta’ kull wieħed minn dawn il-ħaddiema, x’inhu l-grad tagħhom, fejn - bħala post - jaqdu d-dmirijiet tagħhom u kemm ilhom jaħdmu f'Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħaddiema li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi u jaħdmu ġewwa Għawdex huma dawn. Erba’ persuni li jaħdmu bħala Fisheries Protection Officers. Xogħolhom hu nfurzar tar-regolamenti tas-Sajd, Spezzjonijiet meħtieġa f’portijiet, fuq bastimenti tas-sajd, eċċ. L-ispezzjonijiet jistgħu jiffokaw fuq iż-żoni tas-sajd, fuq il-qbid tal-ħut, fuq il-bastimenti tas-sajd infushom, eċċ. Assistant Manager wieħed fejn jinforza u jieħu ħsieb l-istess infurzar tal-Fisheries Protection Officers. Fuq din is-sezzjoni nsibu Manager 1 li mmaniġja, jissorvelja u jipparteċipa fix-xogħol ta’ inforzar tar-regolamenti tas-Sajd. Jikkoordina x-xogħol fuq l-ispezzjonijiet meħtieġa f’portijiet, fuq bastimenti tas-sajd, eċċ. Assistant clerk li tagħmel dmirijiet ġenerali amministrattivi. Disa’ persuni jaħdmu bħala Landing Attendant li jagħmlu spezzjonijiet fuq landing tal-ħut maqbud minn bastimenti tas-sajd. Dawn jaħdmu fuq roster bejn l-Uffiċċju tas-Sajd, Għawdex u l-Landing Office tal-Veccja, San Pawl il-Baħar.

Reġistru għall-microchipping tal-qtates

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 24430 rigward il-microchipping tal-qtates filwaqt li naqbel li trid issir kampanja ta’ edukazzjoni dwar il-microchipping obbligatorja tal-qtates domestiċi, jista’ l-Ministru ġentilment jgħid x’ tip ta’ kampanja ta’ edukazzjoni qed issir biex animal lovers oħrajn bħali nkunu nistgħu nwasslu l-istess messaġġ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-microchipping tal-qtates għadu mhux obbligatorju, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali qiegħed jieħu kull opportunità biex jeduka, jinforma, u jinkoraġixxi l-pubbliku biex jiċċippja l-qtates tiegħu. Il-pubbliku qed jiġi nfurmat ukoll li diġà teżisti l-possibbiltà li wieħed jiċċippja u jirreġistra l-qtates tiegħu. Il-kampanja ta’ edukazzjoni dwar il-microchipping tikkonsisti f’parteċipazzjoni fi programmi fuq it-televiżjoni kif ukoll qed jingħataw dettalji dwar din l-inizzjattiva kemm fl-iskejjel kif ukoll fic-ċentri ta’ matul il-jum minn ufficjali tad-Direttorat.

Għawdex – Għajnsielem – annimali eżotiċi li nstabu f’residenza privata

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23983 dwar annimali eżotiċi li nstabu f’residenza privata f’Għajnsielem fejn il-Ministru kkonferma li kelb ġie ferut f’inċident allegatament b’gidma ta’ dawn l-annimali eżotiċi, jista’ l-Ministru ġentilment jikkonferma għaliex sal-lum dawn l-annimali eżotiċi għadhom għand l-istess sid u ma ġewx sekwestrati, meta dawn ma kenux illiċenzjati? Fiex waslu l-investigazzjonijiet tad-Dipartiment tal-Animal Welfare u dawk tal-pulizija u hux se jittieħdu passi skont kif tipprovdi l-liġi? Jaħseb li post l-annimali eżotici mhuwiex fi djar privati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Riforma tal-Pitkalija — nefqiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’nefqiet saru ta’ titjib fir-riforma tal-Pitkalija maqsuma sena b’sena mill-2018, 2019, 2020, 2021 u 2022 sad-data meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija? Kemm kienu dawn in-nefqiet għal kull sena? Fiex kienu jikkonsistu dawn in-nefqiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Bdiewa reġistrati bħala full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24425 u jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ bdiewa reġistrati bħala full-time u part-time, separatament għal kull lokalità li fiha hemm bdiewa reġistrati?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ bdiewa rreġistrati u d-dettalji mitluba huma kif jidhru fit-Tabelli segwenti. Ninfurmaha wkoll li ma tinżammx informazzjoni dwar jekk il-bdiewa humiex full-time jew part-time. Tali informazzjoni għandha tintalab lill-Ministeru kkonċernat. Tabelli 1a u 1b: Numru ta’ persuni u l-lokalità tagħhom hekk kif irreġistrati fir-Reġistru tal-Bdiewa sat-31 ta’ Jannar 2022: a) Malta, u b) Għawdex b’total ta’ 12,094 persuna rreġistrata. Lokalità - Malta Nru. ta’ Bdiewa ATTARD 171 BALZAN 39 BIRGU 4 BIRKIRKARA 183 BIRZEBBUGIA 235 BORMLA 9 DINGLI 322 FGURA 90 FLORIANA 5 GHARGHUR 106 GHAXAQ 200 GUDJA 167 GZIRA 14 HAMRUN 33 IKLIN 41 ISLA 2 KALKARA 35 KIRKOP 95 LIJA 51 LUQA 180 MARSA 28 MARSASCALA 136 MARSAXLOKK 81 MDINA 11 MELLIEHA 573 MGARR 461 MOSTA 662 MQABBA 160 MSIDA 40 MTARFA 108 NAXXAR 356 PAOLA 45 PEMBROKE 17 PIETA 8 QORMI 274 QRENDI 201 RABAT (Malta) 828 SAFI 145 SAN GILJAN 47 SAN GWANN 119 SAN PAWL IL-BAHAR 361 SANTA LUCIJA 18 SANTA VENERA 42 SIGGIEWI 700 SLIEMA 65 SWIEQI 69 TA' XBIEX 5 TARXIEN 76 VALLETTA 19 XGHAJRA 28 ZABBAR 386 ZEBBUG (Malta) 587 ZEJTUN 377 ZURRIEQ 491 Total 9506 Lokalità - Għawdex Nru. ta’ Bdiewa FONTANA 37 GHAJNSIELEM 198 GHARB 137 GHASRI 72 KERCEM 211 MUNXAR 79 NADUR 330 QALA 123 RABAT (Victoria) 315 SAN LAWRENZ 73 SANNAT 158 XAGHRA 334 XEWKIJA 322 ZEBBUG (Għawdex) 199 Total 2588

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali – servizzi professjonali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22556 u jagħti lista tas-servizzi professjonali kollha li kkuntratta l-Ministeru tiegħu fl-aħħar seba’ snin? Min huma dawn is-service providers? Kemm tħallsu? Kif intgħażlu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.

Nisġet Artna (Xitwa 2021)

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ħarġa Numru 28 ta' Nisġet Artna (Xitwa 2021) intbagħtitx fil-households kollha ta' Għawdex? Jista' jgħid f’liema lokalitajiet oħra f'Malta din il-pubblikazzjoni ġiet mibgħuta fil-households kollha ta’ dik il-lokalità? Jista' jagħti r-raġuni għaliex din intbsgħtet fil-households kollha ta' Għawdex? Jista' jgħid kemm kienet l-ispiża totali ta' din il-pubblikazzjoni, liema spiża tkun tinkludi xogħol ta' artwork, artikli, printing, posta eċċ?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pubblikazzjoni imsemmija nbgħatet fejn ilha tiġi mqasmma għal dawn l-aħħar snin.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — reklam fil-Gazzetta KullĦadd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu jew xi entità li taqa' taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għamlitx reklam fl-edizzjoni tal-gazzetta KullĦadd tas-16 ta' Jannar 2022 fl-okkażjoni tas-sentejn mill-ħatra ta' Robert Abela bħala Prim Ministru? Jekk iva, min approva dan ir-reklam u kemm ġie jiswa?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li, bħalma jiġri spiss matul is-sena, varji mezzi tal-midja u l-komunikazzjoni jiġu għand il-Ministeru u l-entitajiet tiegħu jitolbuna biex nirreklamaw magħhom dwar ħidma jew servizzi li ċittadin jista’ jirrikorri għalihom. Il-Ministeru u l-entitajiet ta’ taħtu jirreklamaw ma’ diversi mezzi tal-midja u t-talbiet isiru taħt diversi temi minn mezzi tradizzjonali bħal gazzetti, radjijiet u stazzjonijiet televiżivi, sa dawk aktar moderni, bħal portals, blogs, vlogs u websajts. Hu d-dmir tagħna li ninfurmaw u nedukaw b’mod ġenerali u mingħajr dawn il-mezzi tal-midja kieku żgur ma kienx jirnexxielna nagħmlu dan. L-approvazzjoni tar-reklamar issir skont il-proċeduri stabbiliti. Għal dan il-għan intużaw fondi allokati apposta fil-baġit tal-Ministeru bl-ispiża ta’ €700 (VAT eskluża).

Reġistru għall-microchipping tal-qtates

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex ikun hemm reġistru għall-microchipping tal-qtates l-istess bħalma hemm tal-klieb? Fid-dawl li din kienet ukoll proposta tal-Kummissarju għall-Ħarsien tal-Annimali, jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet biex il-microchipping tal-qtates domestiċi jsir obbligatorju u jkun hemm reġistru biex min taħrablu qattus/qattusa pet ikollu aktar ċans li tinstab u tiġi ritornata għand sidha?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara studju li sar sabiex jimplimenta miżura fil-Manifest Elettorali, kien ġie deċiż li kien hemm bżonn li l-pubbliku u l-entitajiet ikunu infurmati u edukati tajjeb qabel jiġi implimentat il-microchipping obbligatorju għall-qtates. Dan qiegħed isir mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Il-microchipping fuq bażi volontarja huwa possibbbli u r-reġistru diġa’ jinżamm mid-Dipartiment għas-Saħħa u Trattament Xieraq tal-Annimali, b’ hekk f’każ li jaħarbu xi qtates lis-sid, diġa hemm ic-ċans li meta jinstabu dawn jiġu rritornati għand sidhom.

Bdiewa reġistrati bħala full-time u part-time

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ bdiewa reġistrati bħala full-time u part-time, separatament għal kull lokalità li fiha hemm bdiewa reġistrati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-informazzjoni qed tingabar u ser tingħata f'xi seduta oħra.

Minsiteru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — organogramma

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istruttura (organogramma) tas-segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarju Parlamentari (fil-każ li hemm wieħed)? Jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu diġà jaħdmu mas-servizz pubbliku u kemm minnhom qed jaħdmu bħala “persons of trust”?

Response (REFALO, ANTON)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellanta tirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24070, ninfurmaha li l-għadd ta’ persuni fil-Ministeru li diġà jaħdmu mas-Settur Pubbliku hu ta’ 10, waqt li l-Persons of Trust jammontaw għal 9.

Ta’ Qali – Sptar tal-Annimali — tmexxija

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23963, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-offerti maħruġ mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u kopja tal-kuntratt ta' ċens temporanju għal 25 sena ma' Animal Pro Health (APH) Ltd li ġie ffirmat fit-12 ta’ Frar 2016?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni ser tingħata f'xi seduta oħra.

Ix-Xewkija u Għajnsielem Għawdex – kawża tal-intiena ta’ drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 23027 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'inhi jew x'kienet il-kawża tal-intiena ta' drenaġġ li tinxtamm fl-inħawi ta' Triq l-Imġarr bejn ix-Xewkija u Għajnsielem?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-mistoqsija parlamentari ma tikkonċernax lill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra (inkluż pereżempju assistenza fuq marketing ta’ events jew kiri ta’ swali) lill-fondazzjonijiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, mill-Ministeru tiegħu jew entitajiet u aġenziji fid-dekasteru tiegħu minn Jannar 2020 sa Diċembru 2021, bid-deskrizzjoni ta’ kull wieħed, u l-ammonti relattivi?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ma nagħtaw l-ebda kuntratti, direct orders, donazzjonijiet jew benefikati diretti jew indiretti oħra lill-fondazzjonijiet in kwistjoni mill-Ministeru li tiegħu jiena responsabbli.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — Tiġdid ta' telework/remote working

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il applikazzjoni ġdida jew applikazzjoni għal tiġdid ta' telework/remote working ġiet irċevuta minn Jannar 2021 sal-aħħar ta' Novembru 2021 minn ħaddiema fil-Ministeru u d-Dipartimenti, Aġenziji u Awtoritajiet li jaqgħu taħtu u kemm minn dawn ġew aċċettati jew irrifjutati?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23717.

Ta’ Qali – Sptar tal-Annimali — tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġie ffinanzjat l-Isptar tal-Annimali f'Ta' Qali, min qiegħed fil-preżent imexxih u taħt liema arranġament qed imexxih?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Isptar tal-Annimali f'Ta' Qali qed jitmexxa minn Animal Pro Health (APH) Ltd. F’Awwissu 2015 kien inħareġ tender mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern u dan ingħata lil APH Ltd. Il-kuntratt ġie ffirmat fit-12 ta’ Frar 2016, fejn il-Gvern ta t-titlu ta’ enfitewsi temporanja lill-APH Ltd għal 25 sena.