Legislature:
Category:
Reset
Active:

Terapija tat-tfal – Nuqqas ta’ kunsens mill-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ terapija għal tfal f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika li ma tkomplewx minħabba nuqqas ta' kunsens minn wieħed mill-ġenituri f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Terapija tat-tfal – Riskji ta’ safeguarding

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra tibdil fil-liġi biex, meta jkun hemm riskji ta’ safeguarding identifikati mill-professjonisti, it-terapija tat-tfal tkun tista' tibda anke jekk ma jkunx ingħata l-kunsens miż-żewġ ġenituri?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Terapiji relatati ma’ trawma minn vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tifel u tifla qed jistennew terapija relatata ma’ trawma minn vjolenza domestika? Jista’ jgħid ukoll x'passi qed jieħu l-Gvern biex jiżgura li dawn it-tfal jingħataw intervent kmieni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tfal esposti għal vjolenza domestika – Terapija speċjalizzata

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-medja tal-‘waiting time’ biex tifel jew tifla li jkunu esposti għal vjolenza domestika jingħataw terapija speċjalizzata?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Manteniment tat-tfal – Ħlas mill-Istat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed jikkunsidra mudell fejn l-Istat iħallas il-manteniment lit-tfal minnufih u mbagħad jirkupra s-somma mingħand il-ġenitur responsabbli, kif isir f'pajjiżi bħall-Iżvezja u d-Danimarka? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx xi studju dwar il-benefiċċji u l-ispejjeż ta' sistema bħal din f'Malta?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-kura, manteniment u kustodja tat-tfal hija r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-kustodja tagħhom.

Manteniment tat-tfal – Każijiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm każijiet ta' manteniment tat-tfal jinsabu pendenti quddiem il-Qorti bħalissa? Jista’ jgħid ukoll x'kienu l-itwal u l-iqsar perjodu ta’ stennija matul l-aħħar ħames snin, sakemm ingħatat deċiżjoni f’każijiet ta’ dan it-tip?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lil Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema kawżi ta’ manteniment qed jirreferi. Jekk hux dawk quddiem il-Qorti tal-Maġistrati bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali jew quddiem il-Qorti tal-Familja.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta' inqas minn €2,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta' inqas minn €2,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Lulju 2026?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Inkjesti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jelenka kemm huwa l-ammont ta’ inkjesti pendenti quddiem l-erba’ Maġistrati li jieħdu ħsieb dawn l-inkjesti, minn meta l-inkjesti ġew miftuħa, maqsuma sena b’sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella hawn taħt. Rimarka: Mill-1 ta’ April 2024, ġew assenjati erba’ Maġistrati esklussivament fuq it-tmexxija tal-Inkjesti Maġisterjali. Kif rifless fl-istatistika li tkopri l-perjodu mill-2024 sal-lum, turi li ngħalaq numru sostanzjali ta’ inkjesti. Sussegwentement, l-informazzjoni tas-sena 2026 tkopri sal-aħħar ta’ Ottubru 2026. Sena 2022 2023 2024 2025 2026 Inkjesti ġodda 888 775 774 774 605 Inkjesti mgħaluqa 658 714 939 1392 688 Pendenti 1656 1598 1514 803 1188

Kawżi għas-sentenza pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3092 u jagħti l-ammont eżatt ta' kawżi għas-sentenza pendenti li għandu kull Imħallef u Maġistrat u għal kull ġudikant jikklassifikahom f’kemm minnhom ilhom pendenti inqas minn sena, bejn sena u sentejn, bejn sentejn u tlieta, bejn tliet snin u erbgħa, bejn erba’ snin u ħamsa, u aktar minn ħames snin?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Qed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella b’informazzjoni miġbura sat-12 t’Ottubru 2026.

Servizz tal-Għajnuna Legali – Evalwazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jiġi evalwat is-servizz tal-Għajnuna Legali u t-tip ta’ servizz li jingħata lil persuni vulnerabbli?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-servizz tal-għajnuna legali jinsab f’proċess kontinwu ta’ tiġdid, riforma u aġġornament, bil-għan li jkompli jsaħħaħ il-kwalità tas-servizzi offruti lil dawk li huma eliġibbli, b’mod partikolari persuni vulnerabbli.Dan l-impenn għall-aġġornament kontinwu diġà ġie rifless f’numru ta’ miżuri konkreti, fosthom: ·      Il-ħolqien ta’ lista speċjalizzata ta’ avukati tal-għajnuna legali għall-vittmi ta’ vjolenza domestika fl-2020, li fl-2023 ġiet estiża għall-vittmi kollha ta’ reati, inkluż dak ta’ traffikar uman, sabiex jingħata appoġġ legali professjonali u speċjalizzat lil kull min jinsab f’sitwazzjoni ta’ vulnerabbiltà. ·      F’Lulju 2023 ġie ffirmat Memorandum of Understanding mal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità , sabiex tiġi stabbilita proċedura li permezz tagħha anzjani, li huma eliġibbli għas-servizz, li jgħixu f’djar residenzjali tal-Istat jistgħu jirċievu parir u assistenza legali permezz ta’ video conference mal-avukati residenti tal-Aġenzija bl-għajnuna tal-ħaddiema soċjali li jkunu jsegwuhom. Din l-inizjattiva tneħħi ostakli prattiċi u tħaffef l-aċċess għall-ġustizzja għal din il-kategorija vulnerabbli. ·      Bħalissa għaddej il-preparamenti biex ir-remit tal-Children’s Advocate jiġi trasferit mill-Aġenzija dwar is-Servizzi tal-Qrati għall-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Malta fit-tieni kwart tas-sena 2027.  Dan il-pass se jippermetti organizzazzjoni aktar effiċjenti u aġġornata tal-panels tal-Children’s Advocate, u li se jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-servizzi legali offruti lit-tfal sabiex jiġu salvagwardati d-drittijiet tagħhom fi proċeduri li l-ġenituri tagħħhom jkunu għaddejja fil-Qorti. Dawn l-iżviluppi juru biċ-ċar li l-Aġenzija mhux biss qed tevalwa kontinwament is-servizzi tagħha, iżda qed tkompli tespandi, tirriforma u ttejjeb l-appoġġ li toffri lil persuni vulnerabbli, sabiex tiżgura li l-aċċess għall-ġustizzja jibqa’ wieħed effettiv, uman u adattat għall-ħtiġijiet tal-lum.”

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Direct orders ta' inqas minn €5,000

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista tad-direct orders ta’ inqas minn €5,000 li ngħataw mill-Ministeru tiegħu, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul Ottubru 2026?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-entitajiet u d-dipartimenti li huma fid-dekasteru tal-Ministeru, japplikaw ir-regoli għall-Offerti Dipartimentali u l-Metodi ta’ Akkwist skont il-Valur tal-Kuntratt li joħorġu mill-Public Procurement Regulations.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Defibrillators

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm defibrillators fil-binja ta’ kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi hemm 21 defibrillator fil-binjiet tal-entitajiet li jaqgħu taħt il Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – First Aiders iċċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders iċċertifikati f’kull entità li taqa’ taħt il-ministeru tiegħu bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat illi sa l-aħħar ta’ Settembru 2026 kien hemm (133) first aiders ċċertifikati fl-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tal Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – First Aiders iċċertifikati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm first aiders iċċertifikati fil-ministeru tiegħu bħalissa?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm first aider wieħed ċċertifikat fil-Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l Innovazzjoni u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu.