Legislature:
Category:
Reset
Active:

Infrastructure Malta - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1858, 2294 u 3268 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Infrastructure Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.

Baġit 2026 - Miżuri li għadhom ma ġewx implimentati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2166 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u jgħid liema miżuri mħabbra fil-Baġit 2026 għadhom ma ġewx implimentati u jipprovdi l-istadju ta’ implimentazzjoni ta’ kull waħda minnhom?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Krediti tal-kontribuzzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1503 u 3088 u jgħid kemm-il persuna għamlet użu mill-krediti tal-kontribuzzjonijiet minħabba trobbija tat-tfal jew caregiving matul l-aħħar ħames snin?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-krediti tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali fir-rigward ta’ trobbija tat-tfal u tal-Carers jingħataw biss għal finijiet ta’ pensjoni tal-irtirar u għalhekk l-ammont ta’ persuni li bbenefikaw minn dawn il-krediti iridu bilfors ikunu persuni li jirċievu l-pensjoni msemmija. Minn informazzjoni miksuba jirriżulta li mill-2021 ‘l hawn, l-ammont ta’ pensjonanti tal-irtirar li ngħataw il-krediti tal-kontribuzzjonijiet minħabba trobbija tat-tfal jew caregiving huwa kif ġej: 1.    Krediti minħabba t-Trobbija tat-Tfal (Child Credits): 4,345 persuna; u 2.    Krediti  tal-Carers Allowance (CRA u ICRA) : 32 persuna. Naturalment in-numru jikber kull sena kull meta persuni bħal dawn jibdew jirċievu l-pensjoni tal-irtirar.

Anzjani bil-kundizzjoni tad-dimenzja

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1087, 2065 u 3203 u jgħid kemm hawn anzjani f’pajjiżna li ġew dijanjostikati bil-kundizzjoni tad-dimenzja? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-anzjani qed jirċievu servizzi speċjalizzati u x’tip ta’ servizzi qed jingħataw?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta - Dar tal-Anzjani - Xogħlijiet

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3078 u 3202 u jgħid meta ser tkun lesta d-Dar tal-Anzjani tal-Mosta? Jista' jgħid ukoll għaliex ix-xogħlijiet qed idumu daqshekk u meta ser jirritornaw lura l-anzjani li nħarġu mid-dar biex isiru dawn ix-xogħlijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Djar tal-anzjani - Lista ta’ stennija - Anzjani fil-komunità

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3079 u 3201 u ċjoè: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1518, jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jispjega kif f'leġiżlaturi oħra dejjem kien jingħata n-numru ta’ anzjani fil-komunità li jkunu qed jistennew biex jidħlu fi djar tal-anzjani u issa dan in-numru mhux qed jingħata?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għar-raġuni mogħtija fil-Mistoqsija Parlamentari nru.1518.

Kummissarju għall-Anzjani – Ilmenti relatati ma’ djar residenzjali

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3087 u jgħid kemm mill-ilmenti li waslu għand il-Kummissarju għall-Anzjani matul l-aħħar ħames snin kienu relatati ma' djar residenzjali għall-anzjani? Jista' jgħid ukoll kemm minn dawn l-ilmenti kienu jinvolvu allegazzjonijiet dwar trattament ħażin, nuqqas ta' kura jew kundizzjonijiet mhux xierqa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni tinsab fit-tabella ta’ hawn taħt: Sena Numru ta' Każijiet Każijiet fid-djar residenzjali tal-anzjani li jinvolvu allegazzjonijiet dwar trattament ħażin, nuqqas ta' kura jew kundizzjonijiet mhux xierqa 2022 6 1 2023 4 1 2024 2 2 2025 5 1 2026 (sas-8 t'Ottubru 2026) 2 2

Bagħal taż-żunżan – Miżuri ta’ kontroll

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’miżuri hemm fis-seħħ biex tiġi kkontrollata ż-żieda fil-popolazzjoni tal-bagħal taż-żunżan (Vespa orientalis) f’pajjiżna? Tista’ tgħid ukoll liema studji qed isiru biex tifhem aħjar is-sitwazzjoni attwali ta’ din l-ispeċi u ta’ speċi invażivi oħra, u x’għajnuna qed tingħata lil min jindokra n-naħal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Kumitat tal-Wirt Dinji – Dossier tan-nomina ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dossier ippreżentat għall-evalwazzjoni mill-Kumitat tal-Wirt Dinji għan-nomina ‘Il-Fortifikazzjonijiet Maltin tal-Kavallieri ta’ San Ġwann’ biex jiġu kkunsidrati għal-Lista tal-Wirt Dinji tal-UNESCO?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-dokument mitlub diġa’ tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra fis-Seduta numru 2 tat-22 ta’ Ġunju 2026.

Ambjent Malta – Proġett fil-Buskett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex il-proġett ta’ ċentru edukattiv fil-Buskett minn Ambjent Malta ma tkompliex? Tista’ tgħid ukoll għaliex ma sarux il-faċilitajiet sanitarji mwiegħda għaliex il-bini jidher mitluq u fih konsenturi kbar? Tista’ tgħid ukoll x’se jsir minn dan il-proġett f’post daqstant frekwentat mnin turisti u Maltin, speċjalment fi żmien ix-xitwa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq iċ-Ċentru Edukattiv fil-Buskett kienu tlestew fl-2023. Peress li sussegwentement kienu ġew osservati xi konsenturi fini fil-binja, Ambjent Malta, bħala miżura ta’ prekawzjoni u fuq parir tekniku, kienet ikkummissjonat monitoraġġ u testijiet speċjalizzati sabiex tiġi evalwata l-kundizzjoni strutturali tal-binja. Sakemm jitlestew dawn l-evalwazzjonijiet u jkunu magħrufa r-rakkomandazzjonijiet finali tal-professjonisti, il-binja aktar kmieni din is-sena nżammet magħluqa sabiex tkun garantita s-sigurtà tal-pubbliku. Infurmata li Ambjent Malta qed tistenna r-rapport finali, sabiex fuq il-bażi tiegħu jiġu deċiżi u implimentati l-passi meħtieġa biex il-faċilità tkun tista’ tkompli tintuża skont il-funzjoni maħsuba tagħha. Fir-rigward tal-faċilitajiet sanitarji pubbliċi fil-Buskett, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 3097.

Wied il-Qlejgħa – Crayfish

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm inqabdu crayfish minn Wied il-Qlejgħa fis-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Wied il-Qlejgħa tneħħew madwar 5,000 ċkala (crayfish) tal-ilma ħelu fl-aħħar snin, fosthom 500 fl-2024 u 460 fl-2025. L-informazzjoni għall-2026 għadha mhix disponibbli. L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), daħlet ukoll fi proġett Interreg mal-Università ta’ Malta u msieħba minn Sqallija biex jissaħħu l-isforzi għall-kontroll tal-iċkala f’Wied il-Qlejgħa.

Wied il-Qlejgħa – Tiswija ta’ ħajt

Question

B’referenza għal mistoqsijiet parlamentari preċedenti, fejn ġie mwiegħed li se ssir it-tiswija fuq ħajt li hemm f’Wied il-Qlejgħa fis-sajf meta l-wied ikun mingħajr ilma, tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma saritx it-tiswija biex jitranġa u jinbena l-ħajt kif kien?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 2432. F’każ li qed jirreferi għal xi ħajt ieħor, nitolbu jindika b’mod aktar speċifiku s-sit fejn jinsab.

Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hi responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Tista’ tgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, tipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (FARRUGIA, OMAR)

L-informazzjoni qed tinġabar.