Jista’ l-Ministru jgħid liema indikaturi u metodi jintużaw biex jitkejlu r-riżultati u l-impatt fuq il-parteċipanti, separatament għall-Youth Wellbeing Festival u għal-Life Skills Lab tal-2026? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex ser jiġu ppubblikati rapporti ta’ evalwazzjoni, is-sejbiet tal-konsultazzjonijiet maż-żgħażagħ u r-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom, u jekk iva, meta? Jista’ jgħid ukoll kif ser jiġu kkunsidrati dawn ir-riżultati fit-tfassil tal-politika pubblika?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, matul il-Youth Wellbeing Festival 2026, inġabar rispons mingħand il-parteċipanti permezz ta’ formoli ta’ evalwazzjoni dwar l-esperjenza tagħhom, il-kwalità tal-attivitajiet u l-benefiċċji miksuba.
Fil-każ tal-Life Skills Lab 2026, inġabar feedback mingħand iż-żgħażagħ parteċipanti kif ukoll mingħand il-ġenituri tagħhom dwar l-esperjenza u l-benefiċċji tal-programm.
Il-feedback miġbur jintuża biex issir evalwazzjoni interna bil-għan li kull sena jitjiebu l-inizjattivi li jsiru sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet taż-żgħażagħ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet disponibbli fil-programm Youth.Inc u kemm minnhom huma okkupati fil-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm applikanti fuq il-lista ta’ stennija, x’inhu ż-żmien medju ta’ stennija u jekk hemmx pjanijiet biex tiżdied il-kapaċità tal-programm?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalissa hemm 79 parteċipant fil-programm Youth.Inc.
Ma hemm l-ebda applikant fuq il-lista ta’ stennija.
Jista’ l-Ministru jagħti n-numru ta’ żgħażagħ li rreġistraw għall-programm Youth.Inc, kemm minnhom temmewh u kemm minnhom waqfu qabel temmewh, mill-2021 sal-2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ jagħti wkoll, għal kull sena, l-infiq totali fuq il-programm u n-numru ta’ parteċipanti li, wara li temmewh, daħlu fl-impjieg jew komplew bl-edukazzjoni jew bit-taħriġ, filwaqt li jispeċifika l-perjodu li matulu ġew segwiti dawn ir-riżultati?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-informazzjoni disponibbli dwar il-programm Youth.Inc hija kif ġej:
Sena
Temmew il-programm
Daħlu fl-impjieg
Komplew bit-taħriġ
Ma xtaqux jiġu segwiti
2021–2022
9 temmew kompletament u 14 parzjalment
9
16
4
2022–2023
25 temmew kompletament u 3 parzjalment
10
6
9
2023–2024*
—
2
4
2
2024–2025
19 temmew kompletament u 11 parzjalment
11
9
10
*Matul is-sena 2023–2024, minħabba bidliet fil-programm, ma kienx hemm grupp fit-tielet sena.
Infrastructure Malta – Ammont dovut lill-kuntratturi
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3271 fl-intier tagħha u jgħid jekk hemmx kuntratturi li sal-lum għadhom ma tħallsux għal xogħlijiet li twettqu u ġew iċċertifikati, kemm permezz ta’ ċertifikati finali kif ukoll ċertifikati interim? Jekk hemm, jista’ jgħid x’inhu l-ammont totali dovut (f’Ewro) minn Infrastructure Malta lil dawn il-kuntratturi?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 3271.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3273 u ċjoè: Fid-dawl li hemm numru ta’ persuni li ilhom jistennew sabiex japplikaw u jagħmlu l-eżami għal-liċenzja ta’ bennej, jista’ l-Ministru jgħid meta ser jiftħu l-applikazzjonijiet? Jekk m’hemmx data speċifika, jista’ jagħti raġuni għal dan id-dewmien?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in segwitu għar-riforma mwettqa fil-qasam tal-Liċenzjar tal-Bennejja, l-Awtorità qed tassigura li s-sillabu jiġi aġġornat minn żmien għal żmien sabiex jirrifletti l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fis-settur, kif ukoll il-kompetenzi u l-ħiliet li bennej liċenzjat huwa mistenni li jkollu. Malli dan il-proċess jiġi finalizzat, jinfetħu l-applikazzjonijiet relatati.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3125 u tgħid kemm kienet in-nefqa totali biex tittella’ s-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards? Tista’ tgħid ukoll kemm kienet in-nefqa totali tal-ħames edizzjonijiet preċedenti, maqsuma edizzjoni b’edizzjoni?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għadu għaddej l-ipproċessar tal-ħlasijiet tas-sitt edizzjoni tal-Animal Honours Awards li saret fil-bidu ta’ dan ix-xahar, biex jingħata rikonoxximent lil individwi u organizzazzjonijiet li jagħmlu differenza fil-ħajja tal-annimali. Infurmata li n-nefqa li saret mill-ministeru ta' dak iż-żmien relatata mal-edizzjonijiet tal-Animal Honours Awards bejn l-2021 u l-2025 kienet kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Individwu – Allegazzjonijiet – Rapport lill-Pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għandux informazzjoni dwar rapport li allegatament tressaq lill-Pulizija b’rabta mal-allegazzjonijiet tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jekk iva, jista’ jindika meta tressaq ir-rapport, liema awtorità ġiet infurmata u jekk il-Ministeru tiegħu rċeviex xi komunikazzjoni uffiċjali dwar il-każ?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) bdietx investigazzjoni dwar l-allegazzjonijiet tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar allegat indħil politiku u pressjoni esterna fuq it-tim nazzjonali tal-waterpolo? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema data bdiet, min qed imexxiha, x’inhu t-terminu mistenni għall-konklużjoni tagħha u jekk hux se jiġi ppubblikat rapport finali?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Individwu – Allegazzjonijiet – Investigazzjoni indipendenti
Question
Fid-dawl tas-serjetà tal-allegazzjonijiet li saru mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, dwar allegat indħil politiku, pressjoni fuq uffiċjali sportivi u żvelar mhux awtorizzat ta’ informazzjoni kunfidenzjali, jista’ l-Ministru jgħid jekk ħax xi passi sabiex issir investigazzjoni indipendenti dwar dawn l-allegazzjonijiet u jekk le, huwa lest li jieħu l-passi meħtieġa sabiex tinbeda tali investigazzjoni? Jekk m’huwiex lest li jieħu dawn il-passi, jista’ jgħid għaliex?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Fid-dawl tal-allegazzjonijiet li saru pubbliċi dwar persuni b’influwenza politika li allegatament ippruvaw jagħmlu ħsara lit-tim nazzjonali tal-waterpolo, jista’ l-Ministru jgħid jekk jafx min huma l-persuni li għalihom kien qed jirreferi l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u jekk xi wieħed minn dawn il-persuni jokkupax kariga pubblika?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba parlamentari numru 3475.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ġie infurmat, minn min u x’azzjoni ħa dwar l-allegazzjonijiet li għamel l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament dwar allegat indħil politiku fl-isport Malti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
L-Onorevoli Interpellant għandu jagħmel l-almu tiegħu biex ma jdaħħalx il-politika partiġjana fl-isport. Qed nirreferi kemm għall-mistoqsija parlamentari, kif ukoll għall-istqarrija li ħareġ l-Onorevoli Membru nhar it-18 ta' Ottubru 2026. F'din l-istqarrija, fost l-oħrajn, intqal: "Il-Partit Nazzjonalista għalhekk jistaqsi lill-Gvern: Min huma l-politiċi li għalihom irrefera Ćirović?" L-istess stqarrija kompliet tistaqsi: "Kien hemm xi ndħil politiku fil-każi li semma dan il-kowċ u fil-mod kif l-informazzjoni waslet għand il-media?"
Ironikament, l-għada stess, l-istess min għamel l-istorja fil-midja tal-Partit Nazzjonalista ddikjarat li ma kinitx qed tirreferi għal ministri jew għal politiċi eletti. Jekk l-Onorevoli Membru jixtieq kopja ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, inkun aktar minn dispost li ngħaddihomlu jew inqegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra. Huwa ta' dispjaċir li l-Onorevoli Membru għaġġel jagħmel tiegħu dak li ntqal mill-midja tal-partit tiegħu stess, verżjoni li wara nbidlet u li minnha mbagħad tneħħiet ir-referenza għall-politiċi.
Rigward l-istejjer li jidhru fil-midja, għalkemm għandi l-ħsibijiet tiegħi dwarhom, nispera li l-Onorevoli Membru ma jistenniex li l-Ministru jew il-Gvern jinvestigaw lill-ġurnalisti u jobbligawhom jiżvelaw is-sorsi tagħhom.
L-isport akkwatiku, flimkien mal-isport kollu, se jibqa' jsib l-appoġġ sħiħ tiegħi, tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport u tal-Gvern Malti. Fl-istess waqt, jekk l-awtoritajiet investigattivi jħossu l-ħtieġa li jinvestigaw, ma għandhomx bżonn il-permess tal-Ministru biex jagħmlu dan. L-Onorevoli Membru jaf tajjeb li dawn l-awtoritajiet jaħdmu b'mod awtonomu mill-Ministru u l-Ministru mhux involut f'dawn l-investigazzjonijiet. Finalment, tajjeb li l-Onorevoli membru jagħraf l-awtonomija tal-Assoċjazzjonijiet sportivi inkluż tal-Aquatic Sports Association li fiha għandi kull rispett u fiduċja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa' l-bord editorjali tal-PBS mill-1 ta' Ġunju 2026 sal-aħħar ta' Settembru 2026 u liema huma d-dati li fih iltaqa' dan il-bord?
Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-valutazzjoni li saret (jekk saret) tal-impatt finanzjarju fuq l-ekonomija Maltija tal-qtugħ fil-provvista tal-elettriku li seħħ f’pajjiżna mill-1 ta’ Lulju sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (DALLI, MIRIAM)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija parlamentari 3181.
Ħal Tarxien – Proġett ta’ Misraħ ir-Repubblika – Kumpens lir-residenti/sidien tan-negozji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jingħata xi forma ta’ kumpens lir-residenti u lis-sidien tan-negozji li ġew affettwati mid-dewmien fil-proġett ta’ Misraħ ir-Repubblika u t-toroq tal-madwar f’Ħal Tarxien?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kull persuna jew negozju li jqis li ġarrab dannu jew impatt finanzjarju b’riżultat ta’ xogħlijiet infrastrutturali jista’ jressaq talba għal kumpens lill-Infrastructure Malta permezz tal-proċeduri stabbiliti mill-Aġenzija.
Ħal Tarxien – Proġett ta’ Misraħ ir-Repubblika – Spiża totali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sewa s’issa l-proġett ta’ Misraħ ir-Repubblika u t-toroq tal-madwar f’Ħal Tarxien, u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża totali tal-proġett meta jitlesta?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qiegħda tiġi miġbura.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3272 u jagħti figura finanzjarja dwar kemm għandha tiġbor fondi Infrastructure Malta mingħand entitajiet u azjendi tal-Gvern sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tiġi miġbura.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1860, 2296 u 3269 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Transport Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?
Response (BONETT, CHRIS)
Qiegħda titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bid-dettalji mitluba.