Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pjazza ta’ Ħal Tarxien – Xogħlijiet – Konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Infrastructure Malta kkonsultatx mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-Pjazza ta’ Ħal Tarxien? Jista’ jgħid ukoll xi studji u riċerka saru qabel il-bidu tagħhom, u x’sehem kellu l-Kunsill Lokali fl-ippjanar u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar dawn ix-xogħlijiet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan kien progett li origina mil-Kunsill lokali li kien propona din it-talba ghand Infrastructure Malta sabiex isir il-progett ta’ rigenerazzjoni tal-pjazza u l-madwar. Il-proġett tax-xogħlijiet fil-Pjazza huwa proġett imexxi u ffinanzjat minn Infrastructure Malta. Il-Kunsill Lokali jinżamm infurmat b’mod kontinwu dwar ix-xogħlijiet proposti, inkluż id-disinn tal-proġett kif ippreżentat mill-entità responsabbli u kkonsultat fuq kull tip ta’ deċiżjonijiet relatati mal-estetika fosthom madum, sistema ta’ dawl u anki disinn u traffic management u l-għamara tal-pjazza. B’koordinament mal-Kunsill Lokali saru numru ta’ konsultazzjonijiet mal-ghaqdiet ta’ Hal Tarxien, kif ukoll mar-residenti tal-madwar. Fir-rigward tal-istudji, ir-riċerka u kwalunkwe valutazzjonijiet tekniċi jew preparatorji li setgħu saru jew kienu meħtieġa qabel il-bidu tax-xogħlijiet, infurmata mill-Kunsill Lokali li dawn kienu jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ Infrastructure Malta, bħala l-entità inkarigata mill-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-proġett. Infurmata wkoll li l-Kunsill Lokali kien qiegħed ikun ikkonsultat u kien qed isegwi l-progress tal-proġett.

Pjazza ta’ Ħal Tarxien – Xogħlijiet – Konsultazzjonijiet mal-Kunsill Lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk Infrastructure Malta kkonsultatx mal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Tarxien qabel bdew ix-xogħlijiet fuq il-Pjazza ta’ Ħal Tarxien? Tista’ tgħid ukoll xi studji u riċerka saru qabel il-bidu tagħhom, u x’sehem kellu l-Kunsill Lokali fl-ippjanar u fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar dawn ix-xogħlijiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nirrefer lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3593.

Ħaż-Żabbar – Triq in-Nevew – Rapporti dwar rampi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk kienx hemm rapporti fuq xi rampi jostakolaw il-bankina fi Triq in-Nevew ġewwa Ħaż-Żabbar? Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx ħsieb li dawn jitranġaw biex ikunu aċċessibbli għar-residenti?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż-Żabbar li l-Kunsill Lokali m’għandu l-ebda rapport uffiċjali dwar rampi li qed jostakolaw il-bankina fi Triq in-Nevew, Ħaż-Żabbar.

Il-Kalkara – Triq il-Kanun tal-Milja – Żieda fid-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Kanun tal-Milja, il-Kalkara, b’mod partikolari fl-inħawi fejn jinsabu l-bus stops, sabiex ikun hemm aktar viżibilità u sigurtà għall-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, speċjalment matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tal-Kalkara li Triq il-Kanun tal-Milja hi mdawla permezz t'arbli li ilhom is-snin fil-post. Il-parti li qed issir referenza għaliha hi parti qasira ta' ftit metri. Intant lura għas-sena l-oħra, fl-estensjoni ta' din it-Triq li llum jisimha Triq Wied Għammieq, ġew installati numru t' arbli ġodda biex iż-żona ddawlet għall-ewwel darba wara tant snin fid-dlam.

Il-Kalkara – Triq il-Kanun tal-Milja – Żieda fid-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjan biex jiżdied id-dawl fi Triq il-Kanun tal-Milja, il-Kalkara, b’mod partikolari fl-inħawi fejn jinsabu l-bus stops, sabiex ikun hemm aktar viżibilità u sigurtà għall-passiġġieri li jużaw it-trasport pubbliku, speċjalment matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għal mistoqsija parlamentari numru 3590.

L-Isptar Mater Dei – Anzjani li baqgħu rikoverati

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm baqgħu rikoverati anzjani fl-Isptar Mater Dei minkejja li kienu ngħataw l-permess mediku biex joħorġu, bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, minħabba nuqqas ta’ appoġġ fid-dar jew nuqqas ta’ post f’faċilità ta’ kura residenzjali? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni sena b’sena u jgħid kemm kien iż-żmien medju ta’ stennija għal dawn il-persuni?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Suwiċidji – Sena 2026

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm persuni tilfu ħajjithom b’suwiċidju f’Malta u Għawdex matul is-sena 2026 u sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u jaqsam din l-informazzjoni skont l-età u l-ġeneru?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministeru kkonċernat.

Vjolenza domestika – Każijiet

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika aġġornata dwar in-numru ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika rrappurtati f’Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma skont l-età u l-ġeneru tal-vittmi? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-każijiet kienu jinvolvu vittmi li kienu diġà għamlu rapporti preċedenti lill-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Hawn taħt għandkom issibu 2 tabelli bl-informazzjoni mitluba.. Vittmi Maskili u femminili Eta’ bejn 0 u 17 Eta’ bejn Eta’ Total ta vittmi Numru ta’ każi 18 u 59 60+ Sal-14/10/26 Domestic Violence Malta Vittmi 119 1405 239 1763 1638 Domestic Violence Għawdex - Vittmi 8 121 18 147 140 Total Malta and Gozo 127 1526 257 1910 1778 It-tabella t’hawn taħt tindika n-numri ta’ vittmi skond il-ġeneru, f’ Malta u Għawdex. Vittmi Femminili Eta bejn Eta bejn Eta Total 0 u 17 18 u 59 60+ Sal-14/10/26 61 1031 153 1245 Vittmi Maskili Eta bejn Eta bejn Eta Total 0 u 17 18 u 59 60+ Sal-14/10/26 66 495 104 665

Vjolenza domestika – Ordnijiet ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu ordnijiet ta’ protezzjoni mill-Qrati f’każijiet ta’ vjolenza domestika bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm ġew irrappurtati ksur ta’ dawn l-ordnijiet u kemm tressqu persuni il-Qorti b’rabta ma’ dawn il-ksur?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Persuni li nħelsu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li nħelsu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin reġgħu ddaħlu l-ħabs wara l-ħelsien tagħhom bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm persuni bbenefikaw s'issa mill-programm Offender Aftercare and Reintegration Support (OARS)?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra.

Servizz tas-Saħħa – Psikjatri, psikologi, psikoterapisti u social workers full-time

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm psikjatri jaħdmu mas-Servizz tas-Saħħa full-time? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm psikologi, psikoterapisti u social workers jaħdmu full-time mas-Servizz tas-Saħħa?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

L-Isptar Mount Carmel – In-patients

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hemm pazjenti ġewwa l-Isptar Mount Carmel bħala in-patients fil-ġurnata li fiha qed tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn il-pazjenti qegħdin għal kura ta’ saħħa mentali, użu tad-droga jew sustanzi abbużivi?

Response (BORG, IAN)

Infurmat li fl-Isptar Mount Carmel, li huwa faċilita' għal kura tas-saħħa mentali, fil-preżent hemm 235 pazjent.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu humiex qed jikkunsidraw ukoll l-effett kumulattiv fuq l-esportazzjonijiet Maltin, partikolarment il-każijiet fejn negozju jġarrab spejjeż relatati mal-emissjonijiet fuq it-trasport tal-materja prima u l-komponenti importati, fuq il-produzzjoni lokali fejn applikabbli, u għal darb'oħra fuq it-trasport tal-prodotti lesti lejn swieq barranin, kif ukoll l-effetti potenzjali fuq il-kompetittività tal-esportaturi Maltin meta mqabbla ma' dawk ta' Stati Membri li għandhom aċċess dirett għat-trasport bit-triq jew bil-ferrovija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux ser jippubblika r-riżultati tal-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu, inklużi stimi kwantitattivi tal-impatt fuq l-ispejjeż tat-trasport marittimu u bl-ajru, l-importazzjoni ta' prodotti essenzjali, il-kompetittività tan-negozji, l-inflazzjoni u l-għoli tal-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista’ l-Ministru tgħid f'liema stadju jinsabu l-analiżijiet tekniċi u ekonomiċi li indikat li qed jitwettqu, liema entitajiet jew esperti qed iwettquhom, x'inhu l-ambitu tagħhom u meta huwa previst li jitlestew?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, jekk ma twettqitx valutazzjoni kumulattiva qabel l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej imsemmija fl-istess mistoqsija, tista’ l-Ministru tgħid x'valutazzjonijiet ekonomiċi, settorjali jew oħrajn intużaw sabiex jiġu stabbiliti l-pożizzjonijiet ta' Malta fin-negozjati Ewropej u għaliex ma saritx valutazzjoni komprensiva tal-impatt fuq l-ekonomija Maltija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 3549.

Impact Assessment fuq l-Effett Kumulattiv fuq Malta bħala Stat Membru insulari tal-Mekkaniżmu ta’ Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntieri

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3187, tista' l-Ministru tgħid jekk qabel l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej imsemmija fl-istess mistoqsija, il-Gvern wettaqx jew ikkummissjonax valutazzjoni nazzjonali tal-impatt ekonomiku kumulattiv tagħhom fuq Malta bħala Stat Membru insulari u jekk iva, meta twettqet din il-valutazzjoni, minn min ġiet ikkummissjonata, liema entitajiet ipparteċipaw fiha, x'kienu l-konklużjonijiet tagħha u tqiegħed kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li kif diġà ġie indikat fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 3187, l-Awtorità kompetenti flimkien ma’ entitajiet oħra qiegħda twettaq evalwazzjoni tal-effetti individwali u kumulattivi ta’ dawn il-mekkaniżmi fuq Malta. Matul in-negozjati u l-adozzjoni tal-miżuri Ewropej rilevanti, il-Gvern Malti kkunsidra diversi analiżi, valutazzjonijiet tekniċi u ekonomiċi, konsultazzjonijiet u informazzjoni disponibbli fil-kuntest tal-proċess leġiżlattiv tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li konsistentement innegozja skont iċ-ċirkostanzi partikolari ta’ Malta bħala Stat Membru insulari, b’mod partikolari fir-rigward tal-konnettività marittima u tal-ajru, id-dipendenza fuq l-importazzjonijiet, il-kompetittività tan-negozji, il-piż amministrattiv fuq l-SMEs u l-impatti possibbli fuq il-konsumaturi. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ġew riflessi fil-pożizzjonijiet li Malta ressqet matul id-diskussjonijiet Ewropej relatati ma’ dawn il-miżuri. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġibiet parlamentari l-oħra li ngħataw dwar il-materja, il-qafas Ewropew dwar il-klima qed ikompli jiġi implimentat u żviluppat permezz ta’ strumenti differenti li jidħlu fis-seħħ progressivament. Konsegwentement, l-evalwazzjoni tal-effetti individwali u kumulattivi mhijiex eżerċizzju ta’ darba, iżda proċess kontinwu sew ta’ monitoraġġ, anke ġbir ta’ data, analiżi teknika u ekonomika, u konsultazzjoni mal-partijiet interessati. Hekk kif tavvanza l-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri u ssir disponibbli aktar evidenza dwar l-effetti tagħhom fil-prattika, il-Gvern ser ikompli jevalwa l-impatti fuq Malta sabiex ikompli jinforma l-pożizzjonijiet li Malta tieħu fil-livell Ewropew.

Uffiċċju tal-Prim Ministru – Infiq fuq reklamar

Question

Jista’ l-Prim Ministru jagħti rendikont tal-infiq fuq reklamar, marketing u relazzjonijiet pubbliċi mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru u minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità taħt ir-responsabbiltà tiegħu, separatament għas-sena 2025 u għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ wkoll jipprovdi l-informazzjoni f’tabella li tindika, għal kull nefqa, l-entità li għamlitha, l-isem tal-fornitur, il-kampanja jew is-servizz, it-tip ta’ mezz użat, id-data jew il-perjodu tas-servizz, il-metodu ta’ akkwist u l-ammont, filwaqt li jispeċifika jekk dan jinkludix il-VAT?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, flimkien mad-dipartimenti, l-aġenziji, l-awtoritajiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu, għandu r-responsabbiltà u l-obbligu li jżomm lill-pubbliku infurmat dwar is-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi tal-Gvern, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jagħmlu l-aħjar użu minnhom. Għal dan il-għan, fl-Estimi Finanzjarji tal-Gvern hemm provvediment taħt il-Vot 29, Information Services , li jinkludi allokazzjoni għall-pubblikazzjoni ta' avviżi, kampanji ta' informazzjoni u edukazzjoni, u materjal ieħor ta' komunikazzjoni permezz ta' diversi mezzi. Dawn l-estimi huma diġà ppreżentati fuq il-Mejda tal-Kamra. Fir-rigward tar-rendikont dettaljat mitlub, għandu jiġi ċċarat li l-ġbir, il-verifika u l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni għal kull nefqa, minn kull dipartiment, aġenzija, awtorità u entità, skont il-kategoriji u l-perjodi indikati fl-interpellanza, jirrikjedu eżerċizzju amministrattiv estensiv u l-użu ta' riżorsi sostanzjali. Dan l-eżerċizzju jkun jinvolvi ħin u riżorsi li għandhom jiġu bbilanċjati mal-ħtieġa li l-amministrazzjoni tkompli twettaq il-funzjonijiet u s-servizzi tagħha b'mod effiċjenti għall-benefiċċju taċ-ċittadini.

Programm elettorali – Implimentazzjonijiet tal-miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jispeċifika l-kriterji li jintużaw biex miżura tal-programm elettorali tiġi kklassifikata bħala implimentata, u jgħid min huwa responsabbli biex jivverifika li dawn il-kriterji jkunu ntlaħqu? Jista’ jgħid ukoll liema dokumentazzjoni tintalab bħala prova tal-implimentazzjoni, kemm-il darba jitħejjew rapporti ta’ progress, lil min jiġu ppreżentati u jekk dawn ir-rapporti humiex ser jiġu ppubblikati?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-proċess ta’ monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-manifest elettorali beda immedjatament wara l-ħatra tal-membri tal-Kabinett il-ġdid, hekk kif il-proposti ġew assenjati lill-Ministri rispettivi skont id-dekasteru tagħhom. Sussegwentement, kull Ministeru ntalab jinnomina project manager, responsabbli mit-twettiq tal-proposti assenjati lill-Ministeru rispettiv, kif ukoll jissottometti pjan ta’ implimentazzjoni għal kull proposta elettorali. Ġaladarba dawn il-pjanijiet jiġu approvati u ffinalizzati jittellgħu fuq sistema ta’ project management, iddisinjata mill-MITA, sabiex ikun jista’ jsir monitoraġġ kontinwu f’real time. Fir-rigward tar-rappurtar, kull xahar issir laqgħa li matulha l-project managers jirrappurtaw dwar il-progress li jkun sar. Kull tliet xhur, imbagħad, issir laqgħa individwali fil-preżenza tas-Segretarji Permanenti, li matulha nidħlu f’aktar dettall għal kull proposta. Barra minn hekk, il-Kabinett tal-Ministri jiġi aġġornat perjodikament dwar il-progress li jkun sar fit-twettiq tal-manifest elettorali, li jikkostitwixxi l-programm ta’ ħidma tal-Gvern. Infatti, l-aħħar aġġornament sar fil-15 ta’ Settembru, waqt laqgħa tal-Kabinett miftuħ, fejn matulha tħabbar it-twettiq ta’ numru ta’ proposti oħra. Fi tmiem l-ewwel 100 jum ta’ din il-leġiżlatura, saret ukoll konferenza li matulha ngħata rendikont tax-xogħol li sar, b’diversi kelliema minn setturi differenti jitkellmu dwar l-ewwel proposti li daħlu fis-seħħ. Is-sistema u l-metodu ta’ ħidma li qed noperaw bihom flimkien mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru jibnu fuq l-esperjenza miksuba matul l-aħħar tliet leġiżlaturi. Qed inkomplu nirfinaw u nsaħħu l-operat tagħna sabiex, għal darb’oħra, niżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-manifest elettorali. Ir-rapporti u l-preżentazzjonijiet li jitħejjew huma għall-użu intern, filwaqt li l-Prim Ministru u jien nagħtu rendikont lill-pubbliku, perjodikament, dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-manifest elettorali.

Kejl tal-benesseri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru għandux, jew huwiex qiegħed iħejji, qafas nazzjonali ta’ indikaturi għall-kejl tal-benesseri? Jekk iva, jista’ jispeċifika l-indikaturi magħżula, il-valuri ta’ referenza, il-miri, is-sorsi tad-data u l-frekwenza li biha ser jiġu aġġornati u ppubblikati r-riżultati? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-qafas, jekk diġà jeżisti, jew jagħti ż-żmien previst għat-tlestija u l-pubblikazzjoni tiegħu?

Response (FARRUGIA, OMAR)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern diġà żviluppa qafas ta’ indikaturi għall-kejl tal-benesseri permezz tal-Wellbeing Index, li għandu l-għan li jkejjel il-progress fil-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi, lil hinn mill-indikaturi ekonomiċi tradizzjonali. Dan l-indiċi huwa mibni fuq 10 dimensjonijiet u 20 indikatur, b’żewġ indikaturi għal kull dimensjoni. Id-dimensjonijiet jinkludu s-sostenibbiltà ambjentali, il-kwalità tal-ambjent lokali, is-saħħa, il-benesseri personali, l-akkomodazzjoni, il-protezzjoni soċjali, il-parteċipazzjoni ċivika u d-drittijiet, id-dħul u l-ġid, l-edukazzjoni u l-ħiliet, u l-kwalità tax-xogħol. Kull dimensjoni għandha piż ugwali ta’ 10% fl-indiċi ġenerali, filwaqt li ż-żewġ indikaturi fi ħdan kull dimensjoni għandhom piż ugwali bejniethom. Il-qafas huwa bbażat fuq data statistika minn sorsi uffiċjali, fosthom l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Eurostat. L-indiċi huwa bbażat fuq indikaturi statistiċi li d-data tagħhom tiġi aġġornata fuq bażi annwali. Madankollu, peress li l-indikaturi jiġu minn sorsi differenti, id-data rispettiva ma tkunx disponibbli kollha fl-istess żmien, u f’ċerti każijiet jgħaddu diversi xhur qabel ma tiġi ppubblikata. Għaldaqstant, l-indiċi se jiġi aġġornat perjodikament ladarba tkun disponibbli d-data kollha meħtieġa għall-indikaturi li jiffurmaw parti minnu. Barra minn hekk, għaddejja ħidma sabiex, apparti l-indiċi ġenerali fuq livell nazzjonali, jiġu żviluppati ukoll indiċijiet speċifiċi għal kategoriji differenti tas-soċjetà. Fost dawn hemm indiċijiet iddedikati għall-anzjani u għaż-żgħażagħ, kif ukoll indiċi speċifiku għal Għawdex, sabiex ikun jista’ jsir kejl aktar immirat tal-benesseri ta’ dawn il-gruppi u tar-reġjun. Dawn l-indiċijiet se jkomplu jsaħħu l-qafas eżistenti u jipprovdu għodda aktar dettaljata sabiex il-progress fil-benesseri jkun jista’ jiġi mmonitorjat u evalwat b’mod aktar komprensiv.