Fid-dawl li x-shelters għall-persuni homeless eżistenti ma jaċċettawx persuni bi problema tad-droga u li shelter ta’ emerġenza minnhom iżomm lil dawn il-persuni għal sitt ġimgħat, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-Gvern sabiex ikun hemm shelters għall-persuni homeless bi problemi tad-droga, li mhumiex lesti li jagħmlu programm ta’ riabilitazzjoni?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li l-Gvern qed jikkunsidra diversi għażliet biex iwieġeb għal din l-isfida. Inżid ukoll li f’xi ħin jew ieħor dawn il-persuni jmissu mas-servizzi tagħna, primarjament id-DETOX jew l-Addictions Community Team (ACT) fi ħdan l-Aġenzija Sedqa , jew servizzi offruti minn NGOs fis-settur u tingħata għajnuna skont il-bżonn.
B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsija 35104 tal-Erbatax-il Leġiżlatura u tal-mistoqsija parlamentari 38 ta’ din il-leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid hux qed jiġu kkunsidrati miżuri sabiex persuni li ma jistgħux jaħdmu full-time, b’mod partikolari single parents jew persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li jirċievu benefiċċji soċjali, ikunu jistgħu jaħdmu għal ftit sigħat fil-ġimgħa biex itejbu ftit il-qagħda finanzjarja tagħhom u jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod regolat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lil Onorevoli Interpellanta li, permezz ta’ miżura tal-Baġit għas-sena 2026 ġie introdott il-kunċett ta’ Pensjoni għal Invalidita’ Parzjali b’impenn kontinwu fuq is-saħħa mentali. Dan il-benefiċċju se jagħmel possibbli li persuni jkunu jistgħu ikunu f’impjieg part-time jew iwettqu xi siegħat ta’ xogħol waqt li jkomplu jieħdu il-Pensjoni tal-Invalidita’ parzjali, dejjem fuq ordni ta’ speċjalist’ li jkun qed isegwihom.
Jista’ l-Ministru jassigura li mhux ser tiżdied sena oħra ta’ kontribuzzjonijiet, minflok ma togħla l-età tal-irtirar, bħalma ġara fil-Baġit 2025 fejn il-minimu ta’ kontribuzzjonijiet tela’ minn 41 sena għal 42 sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, wara li ntemm il-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar ir-Rapport Strateġiku tal-Pensjonijiet għall-2025, li kien tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Diċembru li għadda, il-Gvern, kif anke hemm imwiegħed fil-Manifest Elettorali, qiegħed jiggarantixxi li mhu se jkun hemm ebda żieda, la fl-età tal-irtirar u lanqas fir-rata tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali. Fil-fatt l-istess rapport strateġiku tal-pensjonijiet msemmi, ma jpoġġi l-ebda proposta sabiex in-numru ta’ snin ta’ kontribuzzjonijiet jiżdied.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport dwar il-pensjonijiet?
Response (FALZON, MICHAEL)
Infakkar lill-Onor. Interpellanta li kif diġà kont weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari tagħha stess numru 34518 tal-leġislatura preċedenti, ir-rapport imsemmi poġġejtu fuq il-Mejda tal-Kamra fis-16 ta’ Diċembru 2025 waqt Seduta Numru 442.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1526 u jgħid jekk intalabx jew inkisibx parir legali minn Identità, mill-Pulizija tal-Immigrazzjoni, mill-Avukat tal-Istat jew minn xi awtorità oħra dwar kif għandu jiġi trattat il-każ tad-dħul f’Malta tal-humanoid robot magħruf bħala “Sophia”? Jekk iva, jista’ jgħid meta ntalab dan il-parir u minn min?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 2116.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1525 u jgħid jekk Identità, il-Pulizija tal-Immigrazzjoni jew xi awtorità oħra għandhomx policy, linji gwida jew istruzzjonijiet dwar kif għandhom jiġu trattati każijiet fejn humanoid robot, sistema ta’ intelliġenza artifiċjali jew entità mhux umana tiġi ppreżentata ma’ dokument ta’ identifikazzjoni jew vjaġġar? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġijiet li jirregolaw id-dokumenti ta' identifikazzjoni u ta' vjaġġar, fosthom l-Ordinanza dwar il-Passaporti (Kap. 61) u l-Att dwar il-Karti tal-Identità u Dokumenti Oħra ta' Identità (Kap. 258), jirrikonoxxu biss lill-persuni umani. Dawn id-dokumenti jinħarġu biss lil individwi u huma marbuta mal-identità tagħhom, stabbilita mat-twelid u kull dokument jinkorpora fih id-data bijometrika tad-detentur. Dawn jinkludu l-immaġini tal-wiċċ tal-persuna, il-marki tas-swaba' u l-firma.
Ir-robots u s-sistemi ta' intelliġenza artifiċjali jaqgħu taħt leġiżlazzjoni oħra, inkluż ir-Regolament (UE) 2024/1689 dwar l-Intelliġenza Artifiċjali.
Trasport pubbliku - Ta’ Qali – Rotot numri 403 u 405
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 317, fejn intqal li “matul l-aħħar ħmistax-il ġurnata qabel it-tqegħid ta’ din il-mistoqsija, ir-rotta 403 intużat minn total ta’ 801 passiġġier, filwaqt li r-rotta 405 intużat minn total ta’ 450 passiġġier” u fid-dawl li skont l-iskeda tal-Malta Public Transport, isiru 186 vjaġġ fil-ġimgħa fuq iż-żewġ rotot u allura f’dawk il-15-il-ġurnata taħt eżami kien hemm medja ta’ 2.1 passiġġier fuq kull vjaġġ fuq rotta 403 u medja ta’ 1.2 passiġġier fuq kull vjaġġ fuq rotta 405, jista' l-Ministru jikkonsidra li l-karozzi ta’ dawn ir-rotot jibdew jiġbru wkoll in-nies li jkunu qed jistennew fuq il-bus stops u b’hekk isir użu aħjar mir-riżorsi?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotot 403 u 405 ġew imfassla bħala servizzi express, b’numru limitat ta’ waqfiet sabiex il-ħin tal-vjaġġ jinżamm kemm jista’ jkun qasir.
Madanakollu, is-suġġeriment imressaq ser jiġi evalwat aktar ’il quddiem, fid-dawl tal-użu ta’ dawn ir-rotot u tal-ħtiġijiet tal-passiġġieri.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il persuna ġiet diagnosed bil-kundizzjoni tas-Sleep Apnea matul l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx il-ħsieb li l-maskri għal min ibati b’din il-kundizzjoni jibdew jingħataw permezz tal-POYC?
Response (BORG, IAN)
Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar u t-30 ta’ Settembru 2026, 684 pazjent li dehru fil-Kliniċi Respiratorji ġew iddijanjostikati wara l-istudju tal-irqad tagħhom. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti fil-maskri fejn meħtieġ.
Skejjel - Kampanji dwar stili ta' ħajja b'saħħitha
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux kampanji dwar stili ta' ħajja b'saħħitha fl-iskejjel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport jippromwovi stili ta’ ħajja b’saħħithom fl-iskejjel permezz ta’ approċċ komprensiv li jintegra l-kurrikulu, il-politiki nazzjonali, il-programmi edukattivi u l-kollaborazzjoni ma’ diversi entitajiet. Din il-ħidma hija implimentata b’mod kontinwu matul is-sena skolastika kollha.
F’dan il-kuntest, id-Direttorati u ċ-Ċentri fi ħdan il-Ministeru jikkoordinaw u jimplimentaw inizjattivi relatati man-nutrizzjoni, il-benesseri, l-attività fiżika u stili ta’ ħajja sana, kemm permezz tal-kurrikulu kif ukoll permezz ta’ attivitajiet u riżorsi edukattivi. Fl-istess ħin, tingħata importanza lill-iżvilupp professjonali tal-edukaturi u lill-kollaborazzjoni ma’ diversi msieħba sabiex dawn il-prinċipji jiġu integrati fil-prattika edukattiva.
Il-Ministeru ser ikompli jsaħħaħ dawn l-isforzi biex jippromwovi l-benesseri u l-iżvilupp ħolistiku tal-istudenti bħala parti integrali mill-esperjenza edukattiva tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux programmi relatati mas-saħħa mentali fl-iskejjel?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li fl-iskejjel tal-Istat jeżistu diversi programmi, servizzi u inizjattivi mmirati biex jippromwovu s-saħħa mentali, il-benesseri emozzjonali u l-iżvilupp soċjo-emozzjonali tal-istudenti, filwaqt li jrawmu ambjent skolastiku sigur, inklużiv u ta' appoġġ.
Fost dawn hemm is-servizzi ta' counselling, social work u professjonisti psikosoċjali, li jipprovdu appoġġ lill-istudenti u lill-familji tagħhom skont il-ħtiġijiet individwali. Barra minn hekk, permezz tas-suġġett
Personal, Social and Career Development (PSCD)
, l-istudenti jiżviluppaw ħiliet relatati mar-reżiljenza, ir-regolazzjoni tal-emozzjonijiet, ir-relazzjonijiet b'saħħithom, il-ġestjoni tal-istress u l-promozzjoni ta' saħħa mentali pożittiva.
Fuq livell ta' kulleġġi u skejjel, jiġu organizzati wkoll inizjattivi u programmi ta' sensibilizzazzjoni dwar is-saħħa mentali, kif ukoll taħriġ u interventi mmirati għal gruppi differenti ta' etajiet, skont il-ħtiġijiet tal-komunità skolastika.
Infurmat ukoll li d-Direttorat għall-Wellbeing Services jipprovdi firxa ta' servizzi preventivi u ta' intervent bikri, inkluż appoġġ f'każijiet ta' diffikultajiet emozzjonali, ta' mġiba jew ta' relazzjonijiet, kif ukoll interventi relatati mal-bullying u ċ-cyberbullying. Dawn is-servizzi jitwasslu f'kollaborazzjoni mal-edukaturi, il-ġenituri u professjonisti oħra, bil-għan li jissaħħaħ il-benesseri tal-istudenti u tiġi promossa kultura ta' prevenzjoni, rispett u inklużjoni fl-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid liema Ministeri, dipartimenti, entitajiet pubbliċi jew organizzazzjonijiet ikkollaboraw fit-twettiq tal-kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-kampanji edukattivi, il-programmi ta' għarfien u l-inizjattivi li twettqu fl-iskejjel ġew implimentati b'kollaborazzjoni ma' diversi ministeri, dipartimenti, direttorati, entitajiet pubbliċi, istituzzjonijiet edukattivi, organizzazzjonijiet lokali u internazzjonali, kif ukoll ma' skejjel u partijiet interessati oħra, skont in-natura tal-inizjattiva.
Fost oħrajn kien hemm kollaborazzjoni mal-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA), il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA), Tech.mt, Safer Internet Centre Malta, l-Università ta' Malta, il-European School Education Platform / eTwinning, NGOs u rappreżentanti tal-industrija. Dawn is-sħubijiet appoġġjaw inizjattivi relatati mal-litteriżmu diġitali, is-sigurtà online u l-użu responsabbli tat-teknoloġija fl-edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu s-suġġetti indirizzati minn kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li mill-2010 sal-aktar data riċenti disponibbli, il-kampanji edukattivi huma, il-programmi ta' għarfien u l-inizjattivi li twettqu fl-iskejjel indirizzaw firxa wiesgħa ta' suġġetti relatati mal-benesseri, is-saħħa, is-sigurtà, iċ-ċittadinanza, l-ambjent, il-litteriżmu diġitali u ħiliet oħra essenzjali, skont il-prijoritajiet edukattivi ta' kull sena.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi li twettqu fl-iskejjel mill-2010 jew mill-ewwel sena li għaliha hija disponibbli d-data, sal-aktar data reċenti disponibbli?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li matul is-snin twettqu diversi kampanji edukattivi, programmi ta' għarfien u inizjattivi fl-iskejjel li indirizzaw suġġetti relatati mal-litteriżmu diġitali, iċ-ċittadinanza diġitali, is-sigurtà online, il-ħsieb komputazzjonali, il-kodifikazzjoni (coding), il-media literacy, l-użu responsabbli tat-teknoloġija u temi oħra relatati mal-edukazzjoni diġitali. Twettqu wkoll diversi kampanji ta' informazzjoni u sensibilizzazzjoni dwar l-assessjar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistux proċeduri, protokolli jew linji gwida fis-seħħ għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-bullying u ċ-cyberbullying fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jqiegħed kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport għandu fis-seħħ diversi proċeduri, protokolli u linji gwida li jirregolaw il-prevenzjoni, l-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-bullying u ċ-cyberbullying fl-iskejjel. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-politika kontra l-bullying, il-proċeduri ta’ rappurtar u intervent, il-linji gwida għall-edukaturi u t-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll miżuri ta’ prevenzjoni permezz ta’ programmi ta’ sensibilizzazzjoni u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza diġitali u l-użu responsabbli tat-teknoloġija.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali li għandhom carer?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma llil Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx din l-informazzjoni, peress li l-fatt li persuna jkollha carer mhuwiex rekwiżit jew kriterju għall-allokazzjoni jew għall-okkupazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali. Għaldaqstant, din id-data mhijiex disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġenituri waħedhom li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar ma żżommx profil tal-inkwlini skont il-qagħda familjari tagħhom. Għaldaqstant, din l-informazzjoni mhijiex disponibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità li jgħixu f’akkomodazzjoni soċjali u jekk l-akkomodazzjoni fejn jgħixu hijiex aċċessibbli għal persuni b’diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 209 persuni b’diżabilità li ġew allokati akkomodazzjoni soċjali.
Fl-allokazzjoni ta’ akkomodazzjoni soċjali lil persuni b’diżabilità, jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tal-persuna kkonċernata sabiex l-akkomodazzjoni allokata tkun adegwata għaċ-ċirkostanzi u l-bżonnijiet tagħha.
Il-ħtiġijiet ta’ aċċessibbiltà jvarjaw minn persuna għal oħra u jistgħu jinkludu, fost oħrajn, aċċess għall-entratura mingħajr turġien, akkomodazzjoni fil-pjan terran, aċċess permezz ta’ lift, kif ukoll spazji u faċilitajiet interni adattati għall-ħtiġijiet tal-persuna. Kien hemm ukoll każijiet fejn sar bdil ta’ akkomodazzjoni sabiex il-proprjetà tkun aktar adegwata għall-ħtiġijiet tal-persuna kkonċernata.
Id-deċiżjoni finali dwar l-adegwatezza tal-akkomodazzjoni li tiġi allokata taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Bord tal-Allokazzjonijiet, li għandu quddiemu ċ-ċirkostanzi u l-ħtiġijiet partikolari tal-applikant. Għandi fiduċja li l-Bord jagħmel l-evalwazzjoni meħtieġa u jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu abbażi tal-ħtiġijiet, inklużi dawk ta’ aċċessibbiltà, tal-persuna kkonċernata.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 54 u jgħid jekk hemmx pjan biex persuni jkunu jistgħu jużaw l-app minflok it-Tallinja Card fuq il-karozzi tal-linja?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 54 f’Seduta 10.
Jista’ l-Ministru jgħid x’indikaturi ta’ prestazzjoni (KPIs) intużaw sabiex jitkejjel is-suċċess tal-investimenti riċenti fil-Freeport u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar rapport ta’ monitoraġġ disponibbli?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Nitlob lill-Onor Interpellant sabiex jiċċara għal-liema investiment qiegħed jirreferi.
Servizzi ta’ broadband u 5G – Studji/valutazzjonijiet
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe studju jew valutazzjoni li saru dwar il-livell ta’ kopertura u kwalità tas-servizzi ta’ broadband u 5G f’Malta u Għawdex matul l-aħħar sentejn?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tali informazzjoni diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra fir-rapport annwali tal-Awtorità Maltija dwar il-Komunikazzjoni (MCA).