Legislature:
Category:
Reset
Active:

Faċilitajiet fit-toroq tal-lokalitajiet – Proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed lista fuq il-Mejda tal-Kamra li turi kemm: i.    karreġġjati segregati għar-roti; ii.    rotot protetti għall-persuni li jimxu; iii.    bankini aċċessibbli; iv.    pedestrian crossings siguri; u v.    faċilitajiet għall-ipparkjar tar-roti tlestew minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari jew li huma ppjanati sal-aħħar ta’ Diċembru 2028, maqsuma lokalità b’lokalità? Jista’ jgħid ukoll x’inhuma: it-tul, l-ispiża, is-sors tal-finanzjament u d-data mistennija għat-tlestija ta’ kull proġett, u jidentifika n-nuqqasijiet li qegħdin iżommu lil dawn ir-rotot milli jiffurmaw networks kontinwi?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tinaġħata f'xi seduta oħra.

Inċidenti tat-traffiku – 2024-2026

Question

Fid-dawl taż-żieda fl-inċidenti tat-traffiku u ta’ persuni li korrew matul it-tieni kwart tal-2026, jista’ l-Ministru: i.    jidentifika l-25 post fit-toroq bl-ogħla numru ta’ inċidenti matul l-2024, l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari; ii.    jgħid jekk saritx verifika tas-sigurtà fit-toroq f’kull post; iii.   jiddeskrivi x-xogħlijiet korrettivi li ġew ordnati; u iv.   jipprovdi l-baġit u d-data mistennija għat-tlestija ta’ kull intervent?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ir-risposta ser tinaġħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi – Triq l-Imdina – Problemi ta’ vultaġġ u qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq l-Imdina, Ħal Qormi, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ u qtugħ ta' dawl? Tista' tgħid ukoll kemm-il rapport kien hemm dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Enemalta wettqet diversi xogħlijiet ta’ tisħiħ tan-network tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Ħal Qormi u fl-inħawi tal-madwar matul l-aħħar snin, u se tkompli tagħmel aktar investimenti biex tkompli ssaħħaħ in-network fil-lokalità. Billi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, hija waħda distributorja u twila mhux ħażin tant li hija fornuta minn diversi substations, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika ż-żona konċernata b’mod aktar speċifiku.

FIAU – Impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan il-Korp għall-Analiżi ta’ Informazzjoni Finanzjarja (FIAU) bħala: i.    Ekonomisti; ii.   Avukati; iii.   Accountants; iv.   IT Professionals; u v.    Inġiniera?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: IMPJEGAT NUMRU Ekonomisti 0 Avukati 14 Accountants 10 IT Professionals 12 Inġiniera 0

MFSA – Impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati full-time fi ħdan l-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta (MFSA) bħala: i.    Ekonomisti; ii.    Avukati; iii.   Accountants; iv.   IT Professionals; u v.    Inġiniera?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hi skond it-tabella hawn taħt: IMPJEGAT NUMRU Ekonomisti 21 Avukati 53 Accountants 38 IT Professionals 51 Inġiniera 5

Il-Mellieħa – Triq Dun Franġisk Sciberras – Problemi ta’ vultaġġ u qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq Dun Franġisk Sciberras, il-Mellieħa, qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ u qtugħ ta' dawl? Tista' tgħid ukoll kemm-il rapport kien hemm dwar dan minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar snin, Enemalta wettqet numru ta’ interventi biex tkompli ssaħħaħ in-network tal-elettriku f’diversi żoni tal-Mellieħa, inkluż cables ġodda, substations u tisħiħ fis-sistemi ta’ vultaġġ medju u baxx. Fir-rigward ta’ Triq Dun Franġisk Sciberras, ninsab infurmata li Enemalta diġà ppjanat it-tisħiħ tan-network fejn ser jiġu installati feeders ġodda fuq livell ta’ vultaġġ baxx.

Il-Baħrija – L-inħawi tal-Gwiedi – Problemi ta’ vultaġġ u qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi tal-Gwiedi, il-Baħrija qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ u qtugħ ta' dawl? Tista' tgħid ukoll kemm-il rapport sar dwar dan, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li kwlaunkwe issue li seta’ kien hemm ġiet indirizzata u solvuta. Fil-preżent, l-Enemalta ma jirriżultalhiex li hemm problemi fil-provvista tal-elettriku fl-inħawi indikati f’din il-mistoqsija.

Ix-Xagħra, Għawdex – Triq il-Masri – Problemi ta’ vultaġġ u qtugħ ta’ dawl

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn l-inħawi ta' Triq il-Masri, fix-Xagħra, Għawdex qed jesperjenzaw problemi ta' vultaġġ u qtugħ ta' dawl? Tista' tgħid ukoll kemm-il rapport sar dwar dan, minn Jannar 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u x'inhu l-pjan biex din il-problema tissolva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li Enemalta kkummissjonat low voltage feeder ġdid speċifikament għal din it-triq, kif ukoll għaddejjin preparamenti biex eventwalment tiġi kummissjonata anke substation ġdida biex tkompli tissaħħaħ is-sistema tad-distribuzzjoni fiż-żona.

Għawdex – Qorti tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 958 u jgħid kemm-il seduta pproċessaw l-uffiċċju tal-Qorti tal-Pulizija f'Għawdex fis-sena 2025 u kemm-il seduta pproċessaw din is-sena sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jgħid ukoll kemm hemm pulizija jaħdmu ġewwa l-imsemmi uffiċċju, jekk humiex full-time jew part-time u x'inhu x-xogħol ta' kull pulizija fl-istess uffiċċju?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li l-uffiċċju tal-Qorti tal-Pulizija f'Għawdex ipproċessat mija u wieħed u tletin (131) seduta fis-sena 2025 u mitt (100) seduta sa Settembru tas-sena 2026. Bħalissa hemm seba’ uffiċjali li huma kollha fulltime, Żewġ uffiċjali huma responsabbli għal preparamenti ta’ ċitazzjonijiet u akkużi u dokumenti relatati mas-seduti, waqt li dawn jattendu wkoll għal kull seduta tad-distrett. Żewġ uffiċjali oħra huma responsabbli biex iwasslu ċ-ċitazzjonijiet tas-seduti qabel id-data ta’ kull seduta fil-ħin stabbilit mill-liġi, waqt li tnejn oħra jsegwu proċessi ġenerali oħra, li jinkludu d-doveri marbuta mal-aġġornament ta’ rekords kriminali, fost l-oħrajn. Dan apparti d-dmirijiet l-oħra li jwettaq kull wieħed minn dawn l-uffiċjali, lil hinn minn dawk marbuta speċifikament mas-seduti inkwistjoni.

Teatri – Opri – Baġit allokat

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 957 u jgħid kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal kull opra individwali li ttellgħet jew li għadhom se jittellgħu fit-Teatru Manoel u teatri oħrajn f'Malta? Jista' jgħid ukoll kemm hu l-baġit allokat għal din is-sena għal kull opra individwali li saru jew li għadhom iridu jsiru ġewwa t-teatri f'Għawdex?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fit-Teatru Manoel ma jittellgħux biss opri, imma jsiru rappreżentazzjonijiet differenti li jinkludu fost l-oħrajn mużika, drama, żfin, u Toi Toi (programm ta’ tagħlim u parteċipazzjoni għat-tfal).  Ġejt infurmat li s’issa din is-sena diga’ ittellgħu 54 rapreżentazzjoni fit-Teatru Manoel, li għalihom attendew ’il fuq minn 26,500 persuna.  Waħda minn dawn ir-rappreżentazzjonijiet kienet l-Opera Falstaff. Fir-rigward tat-tieni mistoqsijia, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 956.

Elettriku u ilma – Konsum nazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-perċentwali tal-konsum nazzjonali tal-elettriku u tal-ilma, bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena, minn dawn il-kategoriji: i.    domestiku; ii.    residenzjali; iii.   kummerċjali; iv.   agrikoltura; u v.   (jekk disponibbli) industrija u ospitalità?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Meters tal-ilma u d-dawl

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru installazzjonijiet ta’ meters ġodda tal-ilma u tad-dawl fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u tinkludi: i.    in-numru totali (eżistenti u attivi) ta’ meters sal-31 ta’ Diċembru 2019; u ii.   in-numru ta' installazzjonijiet ġodda; maqsuma skont dawn il-kategoriji: a.    domestiku; b.    residenzjali; c.    kummerċjali; u d.    (jekk disponibbli) industrijali u lukandi?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità tal-Ippjanar – Dħul minn skemi ta’ kontribuzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-ammonti mħallsa lill-Awtorità tal-Ippjanar taħt il-Commuted Payment Parking Scheme (CPPS), l-Urban Improvement Fund (UIF), l-Urban Development Fund (UDF), jew skemi oħra ta’ kontribuzzjoni minflok il-provvista ta’ spazji ta’ parkeġġ meħtieġa skont il-Parking Standards fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u jinkludi: i.    in-numru ta’ spazji ta’ parkeġġ li skont l-Awtorità, kienu neqsin u li fir-rigward tagħhom saret il-kontribuzzjoni msemmija, għal kull permess approvat u għal kull sena, u f’kull waħda minn dawn il-lokalitajiet; u ii.    it-total ta’ fondi mħallsa kull sena (2020-2025), maqsuma skont dawn il-kategoriji tal-iżvilupp: a.    residenzjali; b.    lukandi u stabbilimenti tal-ikel u x-xorb; c.    kummerċjali, inklużi ħwienet u uffiċini; d.    istituzzjonijiet reliġjużi jew soċjali; u e.    industrija?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Awtorità tal-Ippjanar – Units residenzjali ġodda approvati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ units residenzjali ġodda approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont: i.    in-numru ta’ kmamar tas-sodda (kamra waħda, tnejn, tlieta, erbgħa jew aktar); u ii.   it-tip ta’ bini (djar terraced, appartamenti/flats, vilel detached/semi-detached)?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tiġi miġbura.

Studenti Għawdxin – Lectures – Sistemi ta’ video conferencing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex studenti Għawdxin li jattendu l-Università ta’ Malta u l-MCAST ikunu jistgħu jsegwu lectures mill-kampus rispettivi tagħhom f’Għawdex permezz ta’ sistemi ta’ video conferencing, f’dawk il-każijiet fejn, għal raġunijiet validi, ma jkunx possibbli għalihom li jattendu fiżikament Malta? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar f’dan il-qasam, kemm f’termini ta’ infrastruttura teknoloġika u riżorsi meħtieġa sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment sabiex jiġi ffaċilitat dan is-servizz għall-istudenti Għawdxin?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li matul is-sena akkademika li għaddiet, l-MCAST għamel arranġamenti biex jakkomoda lill-istudenti Għawdxin meta, minħabba maltemp qawwi, ma setgħux jivvjaġġaw lejn Malta. Fejn kien possibbli, intużaw pjattaformi diġitali għal tagħlim mill-bogħod, għalkemm lezzjonijiet prattiċi, laboratorji u workshops baqgħu jeħtieġu preżenza fiżika. L-MCAST ser ikompli jsaħħaħ l-infrastruttura teknoloġika u l-appoġġ lill-istudenti Għawdxin, filwaqt li l-Kampus t’Għawdex diġà joffri programmi f’diversi oqsma. Infurmat li L-Università ta’ Malta investiet fir-restawr tal-Kampus t’Għawdex u fi Study Area li tibqa’ miftuħa sa filgħaxija. Bl-approvazzjoni tal-lettur u għal raġuni valida, l-istudenti jistgħu jsegwu lezzjonijiet mill-bogħod minn din iż-żona jew mid-dar meta ma jkunux jistgħu jattendu fiżikament.

Għawdex – Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħinijiet tas-servizz Park and Ride bejn Ta’ Xħajma u t-Terminals tal-Imġarr, kemm fil-Hub Ta’ Xħajma kif ukoll fil-punt tat-tluq fl-Imġarr, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu aktar effiċjenti minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar fil-faċilità tal-park and ride Ta’ Xħajma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż ix-xogħlijiet infrastrutturali li twettqu u l-ispiża totali tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa dan is-servizz sa mill-bidu tiegħu, billi jipprovdi rendikont sena b’sena tal-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u ta’ kwalunkwe nefqa oħra relatata ma’ dan is-servizz?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex – Park and Ride

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni ċara u aġġornata dwar il-ħinijiet tas-servizz Park and Ride bejn Ta’ Xħajma u t-Terminals tal-Imġarr, kemm fil-Hub Ta’ Xħajma kif ukoll fil-punt tat-tluq fl-Imġarr, sabiex il-pubbliku jkun jista’ jagħmel użu aktar effiċjenti minn dan is-servizz? Jista’ jgħid ukoll x’investiment sar fil-faċilità tal-park and ride Ta’ Xħajma sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż ix-xogħlijiet infrastrutturali li twettqu u l-ispiża totali tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm sewa dan is-servizz sa mill-bidu tiegħu, billi jipprovdi rendikont sena b’sena tal-ispejjeż operattivi, ta’ manutenzjoni u ta’ kwalunkwe nefqa oħra relatata ma’ dan is-servizz?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li informat li fil-jiem li ġejjin ser jitwaħħlu tabelli b’informazzjoni dwar il-ħinijiet tas-servizz fil-hub ta’ Ta’ Xħajma filwaqt illi rigward nefqa operattiva nirreferik ghal PQ 3684 tas-sena 2022.

Skwadra ta’ Kontra d-Droga

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 456, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali tal-Pulizija stazzjonati fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u f’Għawdex bejn l-2016 u l-2026, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jindika r-rank tal-uffiċjali stazzjonati f’din l-Iskwadra għal kull waħda minn dawn is-snin, b’taqsima separata għal Malta u għal Għawdex? Jista’ jgħid ukoll, għal kull sena msemmija, kemm minn dawn l-uffiċjali kienu assenjati xogħol amministrattiv (fl-uffiċċju) u kemm kienu assenjati xogħol operattiv fuq barra, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Risposta tingħata f’seduta oħra

Każijiet ta’ avvelenament tal-ikel

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ avvelenament tal-ikel matul Ġunju u Lulju 2026?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul ix-xahar ta’ Ġunju ġew irrappurtati b’kollox 165 każ (125 ikkonfermati u 40 suspettati) ta’ mard sporadiku li jittieħed mill-ikel. Barra minn hekk, ġew irrappurtati 6 tifqigħat (jiġifieri żewġ każijiet jew aktar b’rabta epidemjoloġika bejniethom) li nvolvew 24 każ ieħor (19 ikkonfermati u 5 suspettati). Matul ix-xahar ta’ Lulju ġew irrappurtati b’kollox 249 każ (156 ikkonfermati u 93 suspettati) ta’ mard sporadiku li jittieħed mill-ikel. Barra minn hekk, ġew irrappurtati 13 -il tifqiegħa (jiġifieri żewġ każijiet jew aktar b’rabta epidemjoloġika bejniethom) li involvew 31 każ ieħor (ilkoll ikkonfermati).

Tapering benefits – Benefiċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li bbenefikaw mit-tapering benefits f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Minn dawk li bbenefikaw, jista’ jipprovdi numri u persentaġġi ta’ kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li l-informazzjoni mitluba minnha hija kif tidher fit-tabella t’hawn taħt: UAT Irgiel Nisa Total 2021 246 15.13% 1,380 84.87% 1,626 2022 191 13.44% 1,230 86.56% 1,421 2023 141 11.62% 1,072 88.38% 1,213 2024 120 10.94% 977 89.06% 1,097 2025 98 10.84% 806 89.16% 904 2026* 76 11.00% 615 89.00% 691 *Ghas-sena 2026, l-istatistika tkopri sal-pagament ta’ Settembu.