Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Qawra - Skola Primarja - Tneħħija ta’ faċilitajiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi faċilitajiet li kienu jiffurmaw parti mill-iskola primarja tal-Qawra kellhomx jitneħħew biex ikunu jistgħu jiżdiedu l-klassijiet f’dik l-iskola? Jekk iva, liema kienu dawn il-faċilitajiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li sabiex l-iskola tkun tista’ tilqa’ għan-numru ta’ studenti, matul is-snin saru diversi aġġustamenti fl-użu tal-faċilitajiet eżistenti. Il-Ministeru jkompli jissorvelja l-ħtiġijiet tal-infrastruttura edukattiva madwar il-pajjiż. Kwalunkwe intervent jew investiment futur jiġi evalwat skont il-ħtiġijiet edukattivi, id-domanda u l-prijoritajiet stabbiliti fiż-żmien rispettiv

Ir-Rabat, Għawdex - Mużew - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Mużew fir-Rabat, Għawdex, x’xogħlijiet għad fadal isiru u meta huwa mistenni li jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-istima oriġinali tal-ispiża ta’ dan il-proġett u kemm intefaq fuqu sal-lum?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat, Għawdex - Mużew - Proġett

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab il-proġett tal-Mużew fir-Rabat, Għawdex, x’xogħlijiet għad fadal isiru u meta huwa mistenni li jitlesta? Jista’ jgħid ukoll x’kienet l-istima oriġinali tal-ispiża ta’ dan il-proġett u kemm intefaq fuqu sal-lum?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Mużew ta’ Għawdex se jinfetaħ għall-pubbliku fix-xhur li ġejjin. Ix-xogħlijiet waslu f’aħħar fażi, fejn issa qed jitlestew l-installazzjonijiet ta’ vetrini li se jospitaw madwar elf artifatt u oġġetti oħra ta’ valur. Dan il-mużew, li se jkun l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu mhux biss f’Għawdex iżda wkoll f’Malta, se jkollu rwol ċentrali fil-Victoria 2031.

Mġarr, Għawdex - Fast ferry - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex ippjanat investiment fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, li jservi r-rotot lejn Buġibba u Tas-Sliema? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar fiex se jikkonsisti dan l-investiment u meta hu mistenni li jibda x-xogħol?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej xogħol biex itejjeb il-faċilitajiet fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, għall-passiġġieri li jużaw ir-rotta bejn Għawdex, Buġibba u Tas-Sliema, bil-għan li tkompli ttejjeb il-faċilitajiet u toffri esperjenza aktar komda u konvenjenti. Dan l-investiment se jinkludi tinda adegwata għall-kenn tal-passiġġieri, uffiċċju għall-bejgħ tal-biljetti u bankijiet għal dawk li jużaw is-servizz. Dawn it-titjibiet ser jikkontribwixxu għal terminal aktar modern, funzjonali u attrezzat għall-ħtiġijiet tal-passiġġieri, bix-xogħlijiet mistennija jitlestew sal-ewwel kwart tal-2027. Barra minn hekk, ta’ min jenfasizza l-ħidma tal-Imġarr Port Task Force, li għandha rwol importanti fit-tfassil ta’ pjan infrastrutturali komprensiv u viżjoni ħolistika fit-tul għall-Port tal-Imġarr.

Mġarr, Għawdex - Fast ferry - Terminal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jitlesta x-xogħol fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, li jservi lill-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn il-Belt, Valletta? Jista’ jgħid ukoll jekk iż-żona ta’ stennija għall-passiġġieri hijiex se tkun magħluqa u mgħammra b’arja kundizzjonata?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi x-xogħlijiet fit-terminal tal-Fast Ferry fl-Imġarr, Għawdex, li jservi l-passiġġieri li jivvjaġġaw lejn il-Belt Valletta, jinsabu għaddejjin u huma mistennija jitlestew sal-aħħar ta’ Ottubru. Fir-rigward tal-faċilitajiet għall-passiġġieri, iż-żona ta’ stennija ġiet imfassla bħala spazju miftuħ u arjuż, li jippermetti ċirkolazzjoni naturali tal-arja.

Qorti t’Għawdex - Każijiet ta’ traffikar tad-droga

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 464 u 1114 u jgħid kemm-il każ ta’ traffikar ta’ droga tressaq quddiem il-Qrati f’Għawdex matul is-snin 2024, 2025 u 2026, maqsuma sena b’sena, u jindika x’tip ta’ sustanzi kienu involuti f’kull każ?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qed nippreżenta tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Sena Numru ta’ każi ta’ pussess sempliċi ta’ droga rrapurtati f'Għawdex Numru ta’ persuni mressqa l-Qorti skond data tal-Pulizija Numru ta’ persuni mressqa fit-Tribunal skond data mis-sistema LES 2024 14 Nil 3 pussess ta’ kannabis 3 pussess ta’ kokaina 4 pussess ta’ eroina 2025 9 2 pussess ta’ kokaina 2 pussess ta’ kannabis 2 pussess ta’ kokaina 3 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku 2026 sa Settembru 8 1 Pussess ta’ Kannabis 1 pussess ta’ kokaina 1 pussess ta’ kannabis 5 fuq konsum ta’ kannabis fil-pubbliku

Għawdex - Pulizija, Forzi Armati u Protezzjoni Ċivili – Żieda fl-uffiċjali u membri

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 458 u 1048 u jgħid jekk hemmx ħsieb li jiżdiedu l-uffiċjali tal-Pulizija, il-Membri tal-Forzi Armati u tal-Protezzjoni Ċivili f’Għawdex u jekk huwa l-każ, meta huwa ppjanat li jsir dan u kemm huwa n-numru ta’ persuni/uffiċjali li se jiżdiedu, kif ukoll ir-rank tagħhom?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-korpi dixxiplinati kollha minn żmien għal żmien ikun hemm ingaġġ skont il-ħtieġa. F’kull ingaġġ dejjem nieħdu t-taqsimiet kollha in konsiderazzjoni, inkluż it-taqsimiet li jservu f’Għawdex.

Karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin – Reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta żżommx, jew jekk għandhiex il-ħsieb li flimkien ma’ Heritage Malta, tistabbilixxi reġistru komplut tal-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin li għadhom jeżistu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħin fir-restawr u fl-użu sigur ta’ dawn il-vetturi permezz ta’ skema ta’ liċenzjar għall-vetturi storiċi, għotjiet finanzjarji, rotot turistiċi apposta jew mużew nazzjonali tat-trasport?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-preżent m’hemx diskussjoni dwar reġistru konġunt ma’ Heritage Malta jew l-introduzzjoni ta’ skemi speċifiċi għar-restawr tal-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin.

Karozzi tal-linja mibjugħa jew trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja li kienet tifforma parti mis-servizz antik tat-trasport pubbliku u li nbiegħet jew ġiet trasferita minn Transport Malta jew minn entità governattiva oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: i.    inbiegħet bil-kundizzjoni li tiġi restawrata; ii.   inbiegħet wara dikjarazzjoni mix-xerrej li kellha tiġi restawrata; iii.  kienet intiża biex tintuża bħala attrazzjoni turistika jew ta’ wirt nazzjonali; jew iv.  kienet intiża biex tintuża għal sightseeing jew għal servizzi oħra tal-passiġġieri? Jista’ wkoll jipprovdi n-numru tar-reġistrazzjoni jew tal-flotta għal kull waħda minn dawn il-karozzi tal-linja, id-data tal-bejgħ, il-prezz tal-bejgħ, l-użu ddikjarat, l-istat tar-restawr u jekk bħalissa hijiex effettivament tintuża għall-iskop indikat meta nbiegħet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Karozzi tal-linja antiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, kemm mill-karozzi tal-linja antiki marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku li ġew akkwistati, riċevuti, ikkontrollati, mibjugħin jew trasferiti minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bħalissa huma: i.    irreġistrati f’Malta jew Għawdex; ii.    liċenzjati biex jintużaw fit-toroq pubbliċi; iii.    koperti b’liċenzja għat-trasport tal-passiġġieri jew b’Malta Heritage Bus Licence; iv.    irreġistrati bħala li ntużaw fit-toroq pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar; v.    użati għal sightseeing tours, eskursjonijiet, tiġijiet jew attivitajiet oħra marbuta mat-turiżmu; vi.    ippreservati biss għall-wiri; vii.   qegħdin jiġu restawrati; viii.  maħżuna iżda mhux restawrati; ix.    esportati; jew x.    skrappjati? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tar-reġistrazzjoni u l-klassifikazzjoni attwali ta’ kull vettura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Trasport pubbliku – Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il karozza tal-linja marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku ġiet akkwistata, riċevuta, ikkontrollata, mibjugħa jew trasferita minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-vetturi u għal kull vettura jipprovdi: i.    in-numru tar-reġistrazzjoni u n-numru preċedenti tal-flotta; ii.    il-marka, il-mudell, ix-chassis u s-sena tal-manifattura; iii.   l-entità li rċeviet il-vettura; iv.   jekk il-vettura nżammitx, inbiegħetx, ingħatatx bħala donazzjoni, ġietx skrappjata jew esportata; v.    id-data u l-metodu tad-disponiment; vi.    il-prezz tal-bejgħ jew korrispettiv ieħor; u vii.   kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-bejgħ jew mat-trasferiment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Trasport pubbliku bil-baħar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, għal kull rotta tat-trasport pubbliku bil-baħar: i.    kemm kien hemm vjaġġi skedati u kemm minnhom saru; ii.   kemm inġarru passiġġieri; iii.  kemm ġew ikkanċellati vjaġġi u għal liema raġunijiet; iv.  x’kien il-livell ta’ puntwalità; v.    kemm tħallas sussidju pubbliku; u vi.   liema konnessjonijiet ma’ servizzi skedati tal-karozzi tal-linja kienu disponibbli, minn Mejju 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bejn Mejju u Settembru 2026, is-servizzi tal-ferry bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera, u bejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema, kellhom 64 vjaġġ skedat kuljum kull wieħed. Is-servizz bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex kellu 26 vjaġġ skedat kuljum, filwaqt li dak bejn il-Belt Valletta u Għawdex kellu 39 vjaġġ. Matul l-istess perjodu, is-servizz bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera ġarr 299,129 passiġġier, dak bejn il-Belt Valletta u Tas-Sliema 489,667 passiġġier, filwaqt li s-servizzi bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex, u bejn il-Belt u Għawdex, ġarrew 462,838 u 553,114 passiġġier rispettivament. Fir-rigward tal-operat, is-servizzi kienu regolari, bis-sospensjonijiet ikunu kważi kollha dovuti għall-kundizzjonijiet tat-temp; bl-unika eċċezzjoni tkun sospensjoni ta’ sagħtejn fuq ir-rotta bejn il-Belt Valletta u l-Kottonera li kienet ir-riżultat ta' ħsara teknika. Is-sussidju pubbliku kien ta’ €926 għal kull vjaġġ bejn il-Belt Valletta u Għawdex u €726 għal kull vjaġġ bejn Tas-Sliema, Buġibba u Għawdex. Fir-rigward tal-konnettività mat-trasport pubbliku, it-terminal ta’ Ta’ Liesse huwa moqdi mir-rotot 150 u 300, ikkoordinati mal-Fast Ferry, kif ukoll mir-rotta 133. It-terminal ta’ Buġibba huwa moqdi mill-bus ċirkolari numru 406 u dik ta’ Tas-Sliema bin-numru 410.

Enemalta – Cables f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'żoni storiċi u żoni ta' konservazzjoni urbana, hux il-prassi li l-Enemalta tħalli cables telgħin b'dan il-mod mal-bini (ritratt anness)? Tista' tgħid ukoll x'sar mill-policy imħabbra fil-passat li f'dawn iż-żoni l-cables jitniżżlu taħt l-art?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Artikolu 4(1) tal-Kapitolu 81 tal-Liġijiet ta’ Malta jistabbilixxi kif l-infrastruttura tas-servizzi tista’ tiġi installata. Il-liġi ma timponix obbligu ġenerali li tali infrastruttura titqiegħed taħt l-art. Ix-xogħlijiet tal-Enemalta jsiru skont il-liġijiet, ir-regolamenti u l-permessi applikabbli, fejn tali permessi jkunu meħtieġa. Il-politika tal-kumpanija tibqa’ li, fejn hu teknikament possibbli u operattivament fattibbli, aktar infrastruttura elettrika titqiegħed taħt l-art, inkluż f’żoni storiċi u żoni ta’ konservazzjoni urbana. Madankollu, il-mod kif titqiegħed l-infrastruttura jiġi evalwat fuq bażi ta’ każ b’każ u jiddependi fuq iċ-ċirkostanzi partikolari tas-sit, fosthom il-konfigurazzjoni tat-triq u tal-bini, l-ispazju disponibbli għal servizzi taħt l-art, il-preżenza ta’ infrastruttura eżistenti ta’ utilitajiet oħrajn, konsiderazzjonijiet ta’ sigurtà u aċċessibbiltà, kif ukoll il-ħtieġa li tinżamm l-affidabbiltà u l-kontinwità tal-provvista tal-elettriku.

Infrastructure Malta – Bini ta’ ħitan

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn Infrastructure Malta qed tibni tip ta' ħitan bi blokok kbar tal-ġebel (ritratt anness), minflok b'ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fejn hemm għelieqi għola mil-livell tat-triq, qegħdin jitpoġġew il-blokok tal-ġebel bħala sistema tal-qlugħ għall-ħamrija (retaining wall), inkella dawn jispiċċaw kollha għal ġot-triq mal-ewwel xita. Fuq barra ta’ dawn il-blokki u ‘l fuq minnhom għad irid jitkompla l-bini tal-ħitan tas-sejjieħ. Jekk wieħed isuq it-tul kollu tat-triq fejn hemm ħitan li diġa’ tlestew, jinduna li kullimkien qed jinbnew ħitan tas-sejjieħ skont is-sengħa, li jikkumplimentaw il-pajsaġġ Malti.