Legislature:
Category:
Reset
Active:

Parkeġġi ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1876 u jgħid kemm inħolqu parkeġġi ġodda mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u kemm minnhom huma park-and-ride?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-2022 sal-lum inħolqu tliet siti ġodda ta’ parkeġġ, kif ġej: ·   Il-Marsa, quddiem l-istazzjon ta’ ONE – 180 spazju għall-parkeġġ; ·   L-Addolorata – Park and Ride b’213-il spazju għall-parkeġġ; ·   Ta’ Qali – Park and Ride b’450 spazju għall-parkeġġ. Għaldaqstant, inħolqu total ta’ 908 spazju ġdid għall-parkeġġ, li minnhom 663 jinsabu f’żewġ siti ta’ Park and Ride. Barra minn hekk, fis-snin li gejin qed naraw li jinħolqu aktar parkeggi f’: o Msida Creek: madwar 120 post ġdid; o Pace Grasso Ground: madwar 153 post ġdid, li jinkludu 9 postijiet għal detenturi tal-blue badge u 9 postijiet għal vetturi elettriċi; o parkeġġ taħt l-art f’diversi livelli fil-Bormla: madwar 330 post ġdid; o SmartCity Malta: 441 post ġdid, li jinkludu 40 post għal detenturi tal-blue badge; o parkeġġ f’diversi livelli fi Triq Hompesch, Raħal Ġdid/Fgura: madwar 60 post ġdid; o parkeġġ f’diversi livelli fi Triq Wied iż-Żurrieq, il-Qrendi: madwar 50 post ġdid. o Siġġiewi – Service Road tal-By pass b’65 post ġdid.

Malta – Ħin medju tal-ivvjaġġar

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1874 u jgħid kemm naqas jew żdied il-ħin medju tal-ivvjaġġar fit-toroq ta’ Malta matul l-aħħar tliet snin?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa għaddej proċess biex isir update in-National Transport Plan mill-ARUP. Għaldaqstant, l-informazzjoni mitluba tingħata kif dan l-istudju jintemm.

Traffiku – Impatt ekonomiku

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1873 u jgħid x’azzjonijiet konkreti ttieħdu matul l-aħħar 12-il xahar biex it-traffiku ma jibqax jiswa lill-pajjiż madwar €67,000 kull minuta? Jista’ jgħid ukoll x'kien ir-riżultat ta’ dawn l-azzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Policy P46 (DC15) – Permessi ta’ żvilupp approvati

Question

B’referenza għall-Policy P46 tad-Development Control Design Policy, Guidance and Standards 2015 (DC15) tal-Awtorità tal-Ippjanar, li tirrikjedi li żviluppi residenzjali b’16-il residenza jew aktar jipprovdu refuse room aċċessibbli mil-livell tat-triq, jista’ l-Ministru jgħid: i.    kemm kien in-numru totali ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 li għalihom tapplika din il-policy; ii.   kemm kien in-numru ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 fejn il-policy ġiet effettivament applikata u inkluża bħala kundizzjoni fil-permess, kellha tkun standard condition; iii.   jekk u kif l-Awtorità tivverifika li tali refuse rooms ikunu ġew implimentati kif mitlub, inkluż jekk isirux spezzjonijiet fuq il-post jew verifiki oħra; u iv.   kemm kien in-numru ta’ permessi ta’ żvilupp approvati bejn l-2015 u l-2025 fil-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa, maqsuma skont il-lokalità?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn l-2015 u l-2025 ġew approvati 793 applikazzjoni għal żvilupp ta’ 16-il residenza jew aktar. Fir-rigward tal-Policy P46, fejn ir- refuse room tkun diġà prevista fil-pjanti approvati, ma jkunx hemm il-ħtieġa li tiġi imposta kundizzjoni separata fil-permess. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorità tal-Ippjanar twettaq il-verifiki meħtieġa, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, qabel il-ħruġ taċ-ċertifikat ta’ konformità.

Natural Population Growth

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien in-Natural Population Growth, jiġifieri d-differenza bejn dawk li twieldu u dawk li mietu, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll skont kull waħda mil-lokalitajiet li ġejjin: Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Mġarr, Mosta, Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Mtarfa, bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena? Jista’ wkoll jaqsam din l-informazzjoni separatament bejn residenti Maltin u residenti mhux Maltin?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ser tingħata f’Seduta oħra.

Trasport pubbliku – Peak hours

Question

Jista’ l-Ministru jindika: i.    il-ħinijiet fejn l-użu ikun l-iżjed (patronage - peak hour), kemm filgħodu u kemm filgħaxija; u ii.   it-three-hour patronage peak period, kemm filgħodu u kemm filgħaxija għal vjaġġi tat-trasport pubbliku skedati mill-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, il-Mosta, in-Naxxar, San Ġwann, Ħal Balzan, Ħ’Attard u l-Imtarfa, fuq bażi ta’ ġimgħa tipika, għal kull xahar, bejn is-snin 2020 u 2025?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Kirjiet – Diskriminazzjoni mal-kerrejja Maltin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li persuni ta’ nazzjonalità Maltija qed isibuha iktar diffiċli biex jikru proprjetà f’Malta minħabba li sidien jippreferu TCNs? Jekk iva, kif ser tiġi indirizzata din id-diskriminazzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lil Onorevoli Interpellent li l-Awtorità m’għandiex dettalji dwar l-għażliet tas-sidien. Nitlob biex jekk l-Onorevoli għandha f'idejha informazzjoni jindika dak li qed jiġi allegat tpoġġieh fuq il-Mejda tal-Kamra.

Akkomodazzjoni soċjali – Dħul massimu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hi realistika li waħda mir-rekwiżiti għall-akkomodazzjoni soċjali hija li d-dħul massimu ta’ sena jrid ikun ta’ €10,000 għal persuna waħedha u €12,000 għal koppja?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għan tal-akkomodazzjoni soċjali huwa li jiġi żgurat li individwi u familji bi dħul baxx ikollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata u affordabbli, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ akkomodazzjoni ta’ persuni u familji f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-akkomodazzjoni soċjali, inklużi l-limiti tad-dħul u tal-assi, huma ppubblikati fuq il-website tal-Awtorità tad-Djar. Fir-rigward tal-limiti tad-dħul, għal persuna waħedha l-limitu annwali huwa ta’ €10,000, filwaqt li għal koppja huwa ta’ €12,000. Għal koppji u ġenituri waħedhom, il-limitu tad-dħul jiżdied b’€700 fis-sena għal kull wild dipendenti.

Akkomodazzjoni soċjali – Sistema ta’ punti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx sistema ta’ punti biex tiġi ddeterminata l-prijorità għall-akkomodazzjoni soċjali? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra din is-sistema?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat –tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 162.

Akkomodazzjoni soċjali – Postijiet battala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm postijiet tal-akkomodazzjoni soċjali battala bħalissa u għaliex?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, sal-lum, hemm total ta’ mija u sitta u erbgħin (146) post vakanti li huma lesti għall-allokazzjoni. Dawn jinkludu kemm postijiet miksuba permezz tal-iskema Nikru Biex Nassistu, li għalihom diġà ġew iffirmati l-ftehimiet mas-sidien u li ċ-ċwievet tagħhom ġew mgħoddija, kif ukoll postijiet tal-Gvern li huma vakanti, wara li ġew ritornati iċ-ċwievet jew liema xogħlijiet ta’ tiswija u manutenzjoni tlestew, u li għalhekk huma lesti biex jiġu allokati.

Akkomodazzjoni soċjali – Tnaqqis tal-lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi pjan għandu l-Gvern biex il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali titnaqqas b’mod drastiku?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern diġà ħa passi konkreti sabiex jindirizza l-isfida tal-akkomodazzjoni soċjali, permezz ta’ investiment kontinwu u l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri intiżi sabiex jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ akkomodazzjoni għal dawk li l-aktar jeħtieġu l-appoġġ. F’dan ir-rigward, il-Gvern qed ikompli jinvesti fl-iżvilupp ta’ akkomodazzjoni soċjali ġdida, fil-manutenzjoni u fir-riġenerazzjoni tal-istokk eżistenti, kif ukoll fit-tisħiħ tal-Iskema ta’ Kiri ta’ Proprjetajiet mis-Settur Privat (NIK), sabiex jiżdiedu l-proprjetajiet disponibbli għall-akkomodazzjoni soċjali. Ma’ dawn l-inizjattivi jiżdiedu miżuri oħra li jikkumplimentaw l-akkomodazzjoni soċjali, fosthom l-għajnuna għall-kera, skemi ta’ akkomodazzjoni affordabbli, programmi speċjalizzati għal persuni bi bżonnijiet differenti, kif ukoll l-implimentazzjoni tal-politika ta’ Inclusive Communities , li permezz tagħha qed jingħata appoġġ lil għaqdiet volontarji biex jipprovdu akkomodazzjoni u servizzi fil-komunità. Dawn l-inizjattivi jixhdu l-impenn tal-Gvern li jindirizza din l-isfida permezz ta’ investiment u azzjoni konkreta, filwaqt li jkompli jsaħħaħ is-settur tal-akkomodazzjoni u jespandi l-firxa ta’ soluzzjonijiet disponibbli. L-għan huwa li l-appoġġ jingħata b’mod responsabbli u effettiv, skont il-ħtiġijiet differenti tal-persuni u l-familji, filwaqt li tkompli tiġi indirizzata l-isfida tal-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali.

Akkomodazzjoni soċjali – Lista ta’ stennija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lil Ministru Interpellant  li sad-data li qiegħda tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, fuq il-lista ta’ stennija għall-akkomodazzjoni soċjali hemm 1,659 applikazzjoni. B'kuntrast, l-applikazzjonijiet pendenti matul l-2013 kienu jammontaw għal 3,304.

Foster carers – Għajnuniet finanzjarji mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuna finanzjarja qed joffri l-Gvern lill-foster families? Jista' wkoll jispeċifika l-ammonti u l-kriterji ta' eliġibilità għal kull skema?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellanta, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Foster carers – Taħriġ, superviżjoni jew servizzi professjonali ta' appoġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk, wara li familja tibda toffri fostering, tingħatax taħriġ kontinwu, superviżjoni jew servizzi professjonali ta' appoġġ?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li wara li persuna jew persuni jiġu approvati bħala foster carers, jibqgħu jiġu offruti taħriġ kontinwu w appoġġ professjonali matul il-perjodu kollu li fih ikunu qed jipprovdu foster care. Kull sena, is-Servizz tal-Fostering id-Direttorat għall-Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) jipprepara Pjan Annwali ta’ Taħriġ. Dan il-pjan jintbagħat lil kull foster family permezz ta’ ittra u e-mail u jkun jinkludi numru ta’ opportunitajiet ta’ taħriġ fuq temi differenti marbutin mal-foster care, kif ukoll l-iżvilupp u l-benesseri tat-tfal u ż-żgħażagħ f'kura alternattiva, kif ukoll ma’ sfidi li jistgħu jiltaqgħu magħhom il-foster carers.

Foster carers – Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuni jew koppji li japplikaw sabiex isiru foster carers humiex meħtieġa jattendu taħriġ qabel jiġu approvati? Jekk iva, jista’ jgħid fiex jikkonsisti dan it-taħriġ, kemm idum u min jipprovdih?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li parti mill-kriterji ta’ eliġibbiltà sabiex persuna tiġi approvata bħala foster carer hija li tattendi t-taħriġ inizjali meħtieġ kif ukoll tgħaddi mill-proċess ta’ assessjar. It-taħriġ inizjali huwa mifrux fuq perjodu ta’ seba’ (7) ġimgħat, b’sessjoni ta’ madwar tliet (3) siegħat kull ġimgħa. It-taħriġ jingħata minn tim multidixxiplinarju ta’ professjonisti, li jista’ jinkludi Ħaddiema Soċjali, Social Welfare Professionals , counsellors u family therapists.

Foster carers – Kriterji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li persuna jew koppja trid tissodisfa sabiex tkun eliġibbli li ssir foster carer?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li kulħadd jista’ japplika biex isir foster carer , sakemm ikun għalaq mill-inqas 23 sena u jkollu l-abbiltajiet, il-kapaċitajiet u l-ħiliet meħtieġa biex jieħu ħsieb u joffri ambjent sigur u stabbli lit-tfal. Minbarra dan, l-individwu għandu juri livell adegwat ta’ stabbiltà u maturità, kif ukoll impenn biex jipparteċipa fit-taħriġ meħtieġ u jgħaddi mill-proċess ta’ assessjar għall- fostering .

Fostering

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-tipi differenti ta' fostering offruti f'Malta u x'inhuma d-differenzi bejn kull tip?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lil Onor. Interpellanta li meta persuna jew persuni jiġu approvati mill-Bord tal-Foster Care, jingħataw liċenzja ġenerali ta’ Foster Carer/s. Għaldaqstant, id-Direttorat ma jagħmilx distinzjoni bejn tipi differenti ta’ placements.

Foster families approvati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm foster families approvati u kemm minnhom bħalissa għandhom tfal taħt il-kura tagħhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellanta li ninsab infurmat li n-numru ta Foster Families li huma approvati (liċenzjati) huma 224 familja, filwaqt li n-numru ta’ familji li bħalissa għandhom tfal fil-kura u r-responsabbilità tagħhom f’Malta u Għawdex huma ta’ 160.

Ministeru għal Għawdex – Entitajiet pubbliċi – Sistemi ta’ Intelliġenza Artifiċjali

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 689 u jgħid kemm-il entità pubblika qed tuża sistema jew sistemi ta' Intelliġenza Artifiċjali fil-preżent u għal liema funzjonijiet qed jintużaw dawn is-sistemi? Jista’ jgħid ukoll liem sistemi qed jintużaw rispettivament għal kull entità?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 975