Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kontribuzzjoni ambjentali – Trasferiment ta’ fondi lill-kunsilli lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-kontribuzzjoni ambjentali ta' €1.50 kull lejl tibda tgħaddi għand il-kunsilli lokali? Jista’ jgħid ukoll kemm mill-fondi miġbura għal kull lokalità ser jgħaddu għand il-kunsill lokali rispettiv?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1792.

Żona tal-Veċċja, San Pawl il-Baħar – Tender għat-tisħiħ tal-blat u l-protezzjoni tal-bajja

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk inħariġx it-tender għat-tisħiħ tal-blat u protezzjoni tal-bajja ta’ ħdejn il-Veċċja f’San Pawl il-Baħar? Jekk iva, f'liema stadju qiegħed l-aġġudikar ta' dan it-tender?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħol ta’ tħejjija tad-dettalji strutturali u tal-istimi relatati mal-proġett għadu għaddej u bħalissa qed jiġi ffinalizzat.

Għawdex - Qorti ġdida

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsabu x-xogħlijiet fuq il-bini tal-Qorti l-ġdida fir-Rabat, Għawdex, u meta huwa mistenni li l-Qorti ta’ Għawdex tibda topera minn dan il-bini?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - ITS - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment li sar fl-iskola tal-ITS f’Għawdex, inkluż f’xogħlijiet strutturali, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll in-natura ta’ kull investiment u l-ispiża tiegħu, kif ukoll l-ammont totali li ntefaq matul dan il-perjodu?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.

Għawdex - ITS - Investiment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-investiment li sar fl-iskola tal-ITS f’Għawdex, inkluż f’xogħlijiet strutturali, mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll in-natura ta’ kull investiment u l-ispiża tiegħu, kif ukoll l-ammont totali li ntefaq matul dan il-perjodu?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

L-informazzjoni tingħata f’seduta oħra.

Għawdex - ITS - Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti reġistrati mal-ITS f’Għawdex bejn l-2020 u l-2025, maqsuma sena b’sena u jagħti rendikont tan-numru ta’ studenti għal kull kors li kienu qed isegwu? Jista’ jgħid ukoll liema korsijiet ġew offruti f’Għawdex f’kull waħda minn dawn is-snin?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru ta’ student irreġistrati fl-ITS Għawdex għas-snin 2020 sa 2026.

Għawdex - ITS - Korsijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema korsijiet qed jiġu offruti attwalment mill-ITS f’Għawdex u jekk hemmx pjanijiet biex jiżdiedu korsijiet ġodda? Jekk iva, jista’ jgħid liema huma dawn il-korsijiet u meta huwa mistenni li jiġu introdotti?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa għaddejjin tlett korsijiet full-time fl-ITS ġewwa Għawdex.  Fil-ġimgħat li ġejjin l-ITS se timbarka fuq proġett biex jibdew id-diskussjonijiet mal-istakeholders kollha li għandhom interess dirett fis-settur turistiku ġewwa Għawdex biex eventwalment jiġu mnedija programmi ta’ taħriġ kemm għal studenti li jridu jidħlu fl-industrija, kif ukoll għal ħaddiema attwali ħalli jitjieb il-kwalita’ tas-servizz.

Għawdex - ITS - Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti attwalment irreġistrati mal-ITS f’Għawdex u jagħti rendikont tan-numru ta’ studenti għal kull kors li qed jiġi offrut?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għal din is-sena akkademika qegħdin jiġu offruti tlett korsijiet full-time ġewwa l-ITS Għawdex li għalihom hemm irreġistrati sitta (certificate in Food Preparation & production), erbgħa (Foundation in Hospitality & Tourism) u ħames student (BSc in Diving Safety Management).

Armada LNG Mediterrana – Inventarju Fiżiku tal-LNG

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kien l-inventarju fiżiku attwali ta’ gass naturali likwifikat (LNG) abbord il-bastiment Armada LNG Mediterrana fil-mument tal-quċċata ta’ 741 MW, eskluż kwalunkwe volum ta’ LNG li kien ikkalkulat biss minħabba li kien fi tranżitu (in transit)?

Response (DALLI, MIRIAM)

L-informazzjoni mitluba f’din il-mistoqsija parlamentari hija ta’ natura sensittiva għas-sigurtà nazzjonali. L-Onor. Interpellant diġà ġie kuntattjat personalment, f’dan ir-rigward.

Interconnector – Kapaċità Kontinwa u ta’ Emerġenza

Question

Tista’ l-Ministru tipprovdi l-kapaċitajiet uffiċjali kontinwi u dawk ta’ emerġenza (continuous and emergency ratings) tal-Interconnector, u tindika għal kemm ħin huwa permess operazzjoni fil-livell ta’ madwar 225 MW?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li 225MW hija l-kapaċitá kontinwa tal-Interconnector u allura m’hemmx limitu ta’ ħin fuq dan il-livell.

Domanda Massima għall-Elettriku – Riżerva Residwa u Kontinġenza N-1

Question

Tista’ l-Ministru tispjega x’kienet il-kontinġenza formali N-1 definita għal dak il-perjodu tal-ogħla domanda (peak demand), u x’kien il-livell eżatt ta’ riżerva residwa (residual reserve) li kien fadal wara li ġiet ikkunsidrata din il-kontinġenza?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2531.

Domanda Massima għall-Elettriku – Sajf 2026

Question

Tista’ l-Ministru tgħid il-ħin eżatt meta d-domanda tal-elettriku laħqet il-quċċata (peak) ta’ 741 MW dan is-sajf, kemm kien il-volum ta’ megawatts (MW) iġġenerati rispettivament minn: i.    Delimara 3 (D3), ii.    Delimara 4 (D4), iii.    l-Interconnector, iv.    Sistemi Fotovoltajċi (PV), u v.    minn impjanti ta’ ġenerazzjoni temporanji jew ta’ emerġenza jew impjanti oħra? Tista’ tgħid ukoll kemm kien fadal kapaċità fissa u disponibbli mhux użata (unused firm MW) minn kull sors ta' ġenereazzjoni msemmi, f’dak il-ħin partikolari tal-quċċata (peak demand)?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li l-ogħla domanda laħqet is-741MW fit-22 ta’ Lulju 2026, fit-15:27. Qed inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamara li turi d-domanda u l-kapaċità residwa minn kull sors ta’ ġenerazzjoni.

Delimara – Provvista ta’ New Water

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li jibda jiġi provdut is-servizz tal-ilma tan-New Water fl-inħawi tad-Delimara fid-dawl li l-kaxxi għas-servizz u l-katusi ilhom f'posthom għal numru ta’ snin?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li s-servizz fl-inħawi indikati mistenni jkun komplut fix-xhur li ġejjin. Inżid ninforma lill-Onor. Interpellant li kull bidwi li għandu aċċess jista’ jagħmel użu minn dan is-servizz minn kull dispenser attiv fin-network.

Ħal Luqa - Triq il-Gudja - Disinn tal-bankina u spazji għall-parkeġġ mitlufa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn f’partijiet mill-bankina fi Triq il-Gudja, f’Ħal Luqa, saret usa’ minn partijiet oħra, b’tali mod li ntilfu numru ta’ parkeġġi? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta tad-disinn finali tat-triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta, permezz tal-kuntrattur maħtur minnha, wettqet ir-rikostruzzjoni u t-titjib ta’ Triq il-Gudja, Ħal Luqa, bħala parti mill-iskema “Vjal Kulħadd”, bil-għan li din it-triq issir aktar aċċessibbli għall-utenti kollha tat-triq, b’attenzjoni partikolari u prijorita mogħtija lill-utenti vulnerabbli, fosthom il-persuni li jimxu u ċ-ċiklisti. Peress li t-triq hija twila madwar 780 metru, ġentilment qed jintalab li l-Onorevoli Interpellant jindika ż-żona jew is-sezzjoni speċifika tat-triq li għaliha qed issir referenza f’din il-Mistoqsija Parlamentari. Din il-kjarifika tippermetti lil din l-Aġenzija tidentifika b’mod aktar preċiż il-post inkwistjoni u, għaldaqstant, tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa u preċiża relatata maż-żona kkonċernata.

Ministeru għal Għawdex – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tigi migbura.

Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat – Proprjetajiet mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tagħha li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 56 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, u 23 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-privat, inkluż il-binja tal-Ministeru.

Ministeru għall-Ekonomija, it-Teknoloġija u Proġetti Strateġiċi – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninsab infurmat li fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 78 propjeta mikrija mill-Gvern, li minnhom 40 huma mikrija mingħand il-Gvern, u 38 propjeta huma b’kirja mingħand il-privat.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm 6 -il proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, u 9 -il proprjetà li hija b’kirja mingħand il-privat, inkluż il-binja tal-Ministeru.