Legislature:
Category:
Reset
Active:

Turiżmu b’mod sostenibbli – Studju komprensiv

Question

F’każ li l-Gvern m’għandux intenzjoni li jwettaq jew jikkummissjona studju komprensiv dwar il-kapaċità attwali ta’ Malta li tilqa’ turiżmu b’mod sostenibbli, jista’ l-Ministru jispjega għaliex tali studju mhux ser isir u, fl-assenza tal-istess, jgħid abbażi ta’ liema studju ġie stabbilit l-akbar numru ta’ viżitaturi li Malta tista’ tilqa’ fuq bażi annwali u matul il-perjodi tal-ogħla domanda?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 3768.

Turiżmu b’mod sostenibbli – Studju komprensiv

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux l-intenzjoni li jwettaq jew jikkummissjona studju komprensiv dwar il-kapaċità attwali ta’ Malta li tilqa’ turiżmu b’mod sostenibbli?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-viżjoni 20250, il-Gvern stabilixxa miri ċari dwar is-sostenibbiltà tat-turiżmu fil-gżejjer tagħna.

Tindif tal-ispazji pubbliċi u ġbir ta’ skart f'żoni turistiċi – Żieda fil-frekwenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjanijiet biex it-tindif tal-ispazji pubbliċi u l-ġbir ta’ skart f’żoni turistiċi ewlenin, jiżdied sew fil-frekwenza sabiex ilaħħaq aħjar mad-domanda li l-impatt turistiku jħalli fuq dawn il-lokalitajiet?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kunsilli Lokali rispettivi jiddeterminaw il-frekwenza tat-tindif tal-ispazji pubbliċi fil-lokalitajiet skont il-ħtiġijiet u r-realtajiet partikolari ta’ kull lokalità. Fir-rigward tal-ġbir tal-iskart domestiku, dan jitwettaq skont l-iskeda nazzjonali stabbilita għall-ġbir tal-iskart. Il-Gvern u l-entitajiet konċernati fi ħdan il-Ministeru jibqgħu jimmonitorjaw il-ħtiġijiet li jistgħu jinqalgħu minn żmien għal żmien sabiex is-servizzi offruti jkomplu jilħqu l-ħtiġijiet kemm tar-residenti u kif ukoll tal-viżitaturi.

Sistema tat-trasport pubbliku – Valutazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’valutazzjoni speċifika saret dwar il-kapaċità tas-sistema tat-trasport pubbliku ta’ Malta li takkomoda d-domanda turistika matul ix-xhur tas-Sajf?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Linja tal-ajru – Diskussjonijiet

Question

Jekk għaddejjin diskussjonijiet mal-linja tal-ajru li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jerġgħu jibdew it-titjiriet minn u lejn Malta, jista’ l-Ministru jgħid x’kien l-eżitu ta’ dawn id-diskussjonijiet sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tali informazzjoni ma tistax tingħata minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva tad-diskussjonijiet ma’ kumpaniji privati. Madankollu, l-Awtorita’ tibqa’ f’komunikazzjoni kontinwa mal-linji tal-ajru kollha bil-għan li tippromwovi lil Malta kemm bħala destinazzjoni kif ukoll bħala ċentru għall-kumpaniji tal-avjazzjoni.

Linja tal-ajru – Diskussjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx diskussjonijiet għaddejjin mal-linja tal-ajru li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex jerġgħu jibdew it-titjiriet minn u lejn Malta minn din il-linja tal-ajru?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tibqa’ f’komunikazzjoni kontinwa mal-linji tal-ajru kollha bil-għan li tippromwovi lil Malta kemm bħala destinazzjoni kif ukoll bħala ċentru għall-kumpaniji tal-avjazzjoni. Dettalji dwar kumpaniji privati individwali, huma min huma, minħabba n-natura kummerċjalment sensittiva, ma jingħatawx.

Il-Qorti – Ġurati – Aċċess għall-internet

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement fil-Qorti meta nstab li tablets użati minn ġurati kellhom aċċess għall-internet, jista’ l-Ministru jgħid għaliex seħħ dan il-fatt u jekk hux ser jittieħdu xi proċeduri dixxiplinarji u x’passi rimedjali ttieħdu jew ser jittieħdu?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta tingħata f’seduta oħra.

Il-Qorti – Lift li waqaf

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement fil-Qorti meta weħel il-lift, bil-konsegwenza li tliet detenuti u l-iskorti tagħhom inqabdu fih għal aktar minn siegħa, jista’ l-Ministru jgħid x’wassal għal dan l-inċident u x’passi ser jittieħdu biex sitwazzjoni simili ma terġax tiġri?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan l-episodju ma kien dovut għal ebda nuqqas tal-amministrazzjoni tal-Qorti u cioe` għal istat tal-lifts jew il-manutenzjoni tagħhom iżda għas-sempliċi fatt illi fil- lift telgħu numru ta’ persuni iktar minn dak li jippermetti lift .  Tant hu hekk li l-episodju ma reġax irrepeta ruħu.

Il-Qorti – Qtugħ ta’ dawl

Question

Fid-dawl tas-sitwazzjoni li nħolqot reċentement fil-Qorti meta nqata’ d-dawl, bil-konsegwenza li kellhom jieqfu s-seduti, jista’ l-Ministru jgħid għaliex seħħ dan u x’passi ser jittieħdu biex tiġi rimedjata din is-sitwazzjoni?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Nitlob lil Onorevoli Interpellant jindika għal liema seduti qed jirreferi speċifikament għax ma ġie rappurtat ebda seduti li ġew kanċellati minħabba qtugħ ta’ dawl. In oltre l-Aġenzija għas-Servizzi tal-Qrati għandha generator li jissupplixxi d-dawl fil-Qorti kollu, li jinżamm fi stat ta’ manutenzjoni tajba permezz ta’ spezzjonijiet regolari tant illi l-qtugħ ta’ dawl b’ebda mod ma kellu xi effett fuq l-andament tas-seduti li pproċedew kollha bl-iktar mod normali salv xi ftit interruzzjonijiet qosra.

Awli tal-Qorti – Sistema tal-awdjo

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li tinbidel jew tiġi aġġornata s-sistema tal-awdjo fl-awli tal-Qorti, peress li jew skaduta jew mhijiex ta’ kwalità adegwata biex tlaħħaq mal-esiġenzi tal-Qorti?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi f’dawn l-aħħar snin saru investimenti kbar fit-teknoloġija inkluż fis-sistema tal-awdjo. Is-sistema tal-awdjo ġiet mibdula kollha u bħalissa qegħdin fil-fażi fejn qed tiġi implimentata din is-sistema ġdida.

Awli tal-Qorti – Rimedju għall-ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx rimedju għall-ħsejjes esterni li jinstemgħu fl-awli tal-Qorti waqt is-smigħ tal-kawżi? Jekk iva, jista’ jispjega fiex jikkonsisti dan ir-rimedju u meta ser jiġi implimentat?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ingħatat fid-domanda għall-Mistoqsija Parlamentari 3752.

Awli tal-Qorti – Rimedju għall-ħsejjes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jiġi kkunsidrat xi rimedju għall-ħsejjes esterni li jippenetraw fl-awli tal-Qorti waqt is-smigħ tal-kawżi u li qed joħolqu inkonvenjent waqt il-kawżi?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ma ġie rappurtat ebda inkonvenjent kaġunat minn ħsejjes esterni waqt is-smigħ tal-kawżi u għaldaqstant mhux ikkunsidrat ebda rimedju. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi ħsejjes ġejjin minn avvenimenti li jkunu għaddejjin minn Triq ir-Repubblika, dawn huma okkażjonijiet sporadiċi.

L-Imsida – Life Long Learning Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Life Long Learning Centre tal-Imsida kellux jagħlaq temporanjament minħabba xogħlijiet ta’ tiswija fil-bini? Jekk iva, x’inhuma r-raġunijiet għal dawn it-tiswijiet?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li wara li ġiet identifikata l-ħtieġa li jsiru xi xogħlijiet fiċ-Ċentru tat-Tagħlim Tul il-Ħajja fil-Msida, saru interventi ta’ adattament u titjib sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jkomplu t-taħriġ prattiku tagħhom f’ambjent sigur u xieraq. Sabiex ix-xogħlijiet jitlestew fl-iqsar żmien possibbli, il-lezzjonijiet fiċ-Ċentru ma sarux bejn it-13 u l-15 ta’ Ottubru. Kull student tilef lezzjoni waħda biss, li se tiġi skedata mill-ġdid u ssir fil-ġimgħat li ġejjin sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fit-tagħlim tagħhom. Infurmat ukoll li ċ-Ċentru reġa beda jopera b’mod kompletament normali.