Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Marsa – Ħsejjes irrappurtati mir-residenti – Identifikazzjoni tas-sors

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hawnx apparat sabiex issir investigazzjoni teknika u monitoraġġ adegwat biex jiġi identifikat is-sors tal-ħoss li r-residenti ta’ Triq il-Ħaddiem fil-Marsa qed jisimgħu regolarment u li jaffettwa wkoll iż-żona fil-viċinanzi tal-ERA? Jekk ma hawnx dan l-apparat, x’passi ser jittieħdu biex jinġieb l-apparat jew jitqabbdu l-esperti meħtieġa biex jidentifikaw is-sors ta' dan il-ħoss?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3189.

Il-Marsa – Ħsejjes irrappurtati mir-residenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar matul din l-aħħar sena u x’qed isir bħalissa, biex jiġi identifikat is-sors tal-ħoss li r-residenti ta’ Triq il-Ħaddiem fil-Marsa qed jisimgħu regolarment u li qed jaffettwa wkoll iż-żona fil-viċinanzi tal-ERA? Fid-dawl li l-Kunsill Lokali tal-Marsa ressaq din il-problema quddiem diversi entitajiet iżda għadha ma ġietx solvuta, tista’ tagħti time-frame ċar dwar meta se jsiru aktar testijiet u investigazzjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3189.

Infrastructure Malta – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3508 u jagħti f’tabella kemm kienet in-nefqa ta' Infrastructure Malta minn Jannar 2026 sa Settembru 2026, maqsuma xahar b'xahar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Infrastructure Malta – Ammonti dovuti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3272 u 3415 u jagħti figura finanzjarja dwar kemm għandha tiġbor fondi Infrastructure Malta mingħand entitajiet u azjendi tal-Gvern sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Infrastructure Malta tagħmel xogħol għal diversi entitajiet u ażjendi tal-gvern, liema xogħlijiet isiru b’mod kontinwu u l-pagamenti tagħhom huma suġġetti għall-proċess ta’ ċertifikazzjoni tax-xogħlijiet.

Infrastructure Malta - Konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 1858, 2294, 3268 u 3413 u jagħti dettalji, f'tabella, ta’ konsulenzi (inklużi periti, avukati u nutara) li tqabbdu jagħtu servizz lil Infrastructure Malta mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, inkluż dettalji tal-valur li tħallsu individwalment?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Infrastructure Malta tagħmel użu mis-servizzi ta’ diversi professjonisti sabiex tkun tista’ twettaq il-proġetti infrastrutturali tagħha. F’kull każ jiġu segwiti l-proċeduri applikabbli skont ir-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.

Skrappjar ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3225 u jgħid jekk il-Gvern għandux pjan biex jindirizza l-piż finanzjarju li jista’ jaqa’ fuq sid ta’ vettura elettrika meta din il-vettura tkun trid tiġi skrappjata, partikolarment minħabba l-ispejjeż marbuta mat-trattament u r-rimi tal-batterija? Fid-dawl ta’ rapporti ta’ każijiet fejn konsumaturi ntalbu jħallsu spejjeż li allegatament laħqu l-€10,000, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jiġu kkonsidrati sabiex dawn l-ispejjeż ma jaqgħux fuq il-konsumatur?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3224 u jgħid jekk l-iskema ta’ għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi hijiex ser titkompla matul is-sena 2027? Jekk iva, jista’ jgħid jekk humiex ser jinżammu l-istess kundizzjonijiet u livelli ta’ għotjiet bħal dawk applikabbli fl-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għotjiet finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi elettriċi huma miftuħa għal din is-sena u d-dettalji dwar is-sena id-dieħla jitħabbru matul il-ġimgħat li ġejjin.

Akkomodazzjonijiet Soċjali - Investiment taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3223 u jgħid liema huma l-1,431 unit ta' akkomodazzjoni soċjali li mistennija jibbenefikaw mill-installazzjoni ta' heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji taħt il-Pjan Soċjali għall-Klima, u jipprovdi lista tagħhom maqsuma skont il-lokalità u l-blokka? Jista' jgħid ukoll liema huma l-236 unità ta' akkomodazzjoni soċjali magħżula jew ikkunsidrati għal deep renovation, lokalità b'lokalità, u xi kriterji speċifiċi se jintużaw sabiex jiġu magħżula l-benefiċjarji?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta illi l-unitajiet ta’ akkomodazzjoni soċjali li ser jibbenefikaw mill-installazzjoni ta’ heat pump water heaters u sistemi fotovoltajċi bil-batteriji ma jiġux identifikati individwalment fil-Pjan Soċjali għall-klima. L-għażla finali issir skont valutazzjonijieti tekniċi u operattivi fuq il-gwida tal- Kummissjoni Ewropeja.

Allied Health Professionals – Unpaid leave

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3285 u jgħid ⁠kemm hemm Allied Health Professionals fuq unpaid leave, maqsuma professjoni professjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm 82 Allied Health Professionals fuq unpaid leave. Dawn jinkludu: 16-il Dental Technician, 8 Dieticians, 13 Medical Laboratory Scientists, 2 Occupational Therapists, Orthoptist wieħed, 18-il Physiotherapist, 4 Radiographers u 20 Speech and Language Pathologists.

On-farm slaughters

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3369 u jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ on-farm slaughter (qatla fir-razzett) bejn l-2015 u l-2025, maqsuma sena b’sena u skont it-tip ta’ annimal (majjal, baqra, eċċ.)?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-istatistika li qed tiġi mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninfurmah li d-dejta tkopri l-għadd ta’ annimali maqtula fir-razzett u miġjuba fil-Biċċerija u ma tagħmilx distinzjoni jekk il-bhejjem spiċċawx fil-katina tal-ikel jew ma kienux tajbin għall-konsum. Bl-eċċezzjoni taċ-ċriev, il-bhejjem kollha li jinqatlu fuq ir-razzett, jinqatlu bħala parti mis-servizz tal emerġenza. Fil-kas taċ-ċriev, dawn jinqatlu fuq ir-razzett bħala parti mis-servizz prenotat fid-dawl tan-natura tal-annimal; bil-għan li jkun evitat stress lil annimal waqt it-trasport. Iċ-ċriev inkwestjoni ukoll ikunu mrobbija speċifikament għall-konsum uman.

Baħar iċ-Ċagħaq – Ġnien it-Tbissim – Investiment

Question

Tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar l-investiment li sar fi Ġnien it-Tbissim f’Baħar iċ-Ċagħaq, inkluż id-daqs tal-ispazju miftuħ, is-siġar imħawla u l-faċilitajiet ġodda, u tispjega kif il-proġett indirizza x-xewqat tar-residenti u tat-tfal?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Ġnien it-Tbissim, f’Baħar iċ-Ċagħaq, huwa wieħed minn tliet proġetti ta’ spazji miftuħa li għadhom kemm infetħu fil-jiem li għaddew. Riċentement tlestew u ġew inawgurati wkoll Ġnien il-Larinġ, f’Ħal Lija u t-tieni fażi tal-proġett ta’ Wied Inċita li hija parti minn pjan fit-tul biex dan il-post nagħmluh wieħed mill-akbar parks pubbliċi f’pajjiżna, fuq medda ta’ aktar minn 90,000 metru kwadru. Din il-ġimgħa stess se nkunu qed niftħu ġnien ieħor ġdid fl-Imqabba, li huwa Ġnien il-Mitħna. Ir-rispons immedjat li kien hemm mill-pubbliku għal Ġnien it-Tbissim, sa mill-ewwel jiem tal-ftuħ tiegħu, jixhed li l-proġett intlaqa’ tajjeb ħafna. Il-ġnien li jinsab fi Triq il-Kosta mhux biss qed iservi bħala żona ta’ mistrieħ u divertiment għar-residenti li jabitaw fil-madwar, imma qed ikun frekwentat ukoll minn bosta familji oħrajn li jkunu għaddejjin mill-inħawi, partikolarment fi tmiem il-ġimgħa. It-tagħmir tal-logħob li hemm fih mhuwiex biss divertenti iżda wkoll aċċessibbli għal kulħadd, b’attenzjoni speċjali għal logħob inklussiv. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ stqarrija (PR261635) maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni fil-5 t’Ottubru 2026 li fiha d-dettalji dwar il-proġett ta’ Ġnien it-Tbissim.

Proġett Pannelli bla Bejt

Question

Tista’ l-Ministru tagħti aġġornament dwar il-proġett Pannelli bla Bejt, inkluż il-ġibjuni involuti, il-progress fix-xogħlijiet ta’ installazzjoni, meta l-familji jkunu jistgħu japplikaw, u x’se jkunu l-kundizzjonijiet finali tal-parteċipazzjoni u l-benefiċċji finanzjarji mistennija?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi l-iskema Pannelli bla Bejt hija inizjattiva innovattiva mnedija mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (KSI) li l-għan ewlieni tagħha huwa li tagħti l-opportunità lil persuni li m’għandhomx aċċess għal bejt adattat għall-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltajċi sabiex jipparteċipaw direttament fit-tranżizzjoni ta’ Malta lejn enerġija aktar nadifa. Permezz tal-iskema, il-pannelli fotovoltajċi jiġu installati fuq infrastruttura tal-KSI, inklużi ġibjuni koperti, binjiet operattivi u artijiet tal-korporazzjoni, filwaqt li l-KSI tkun responsabbli mill-installazzjoni, il-konnessjoni mal-grid, il-manutenzjoni, il-monitoraġġ u l-ġestjoni tal-assi. Is-siti identifikati għall-ewwel fażi tal-proġett jinsabu Marsaxlokk, in-Naxxar, iż-Żurrieq, Wied il-Għajn, iż-Żejtun, Kordin, ix-Xgħajra u Ħaż-Żabbar. L-investiment propost jikkorrispondi għal madwar tmien pannelli fotovoltajċi kull applikant bi produzzjoni stmata ta’ madwar 7,500 kWh fis-sena. Skont il-projezzjonijiet indikattivi tal-iskema: ·    Id-dħul annwali huwa stmat għal madwar €840 fis-sena. ·    Id-dħul kumulattiv fuq perjodu ta’ 20 sena huwa stmat għal madwar €16,788. ·    L-iskema hija mfassla bħala investiment passiv mingħajr ebda responsabbiltà ta’ ġestjoni jew manutenzjoni tas-sistemi għall-parteċipanti. Dawn il-projezzjonijiet jibqgħu suġġetti għall-Feed-In Tariff finali li tiġi assenjata permezz tal-proċess regolatorju. Matul il-fażi tal-Espressjoni ta’ Interess, aktar minn 800 familja esprimew l-interess tagħhom li jipparteċipaw fl-iskema, u dan juri l-interess qawwi tal-pubbliku għal din l-inizjattiva. Fil-preżent, il-KSI qed tipparteċipa fil-proċess tal-Invitation to Bid (ITB) mar-Regulatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) sabiex jiġu assigurati l-Feed-In Tariff (FIT) meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-inizjattiva. Fl-istess ħin, qed jitkompla x-xogħol fuq l-infrastruttura elettrika meħtieġa għas-siti kollha identifikati, filwaqt li l-permessi kollha meħtieġa għall-iżvilupp tal-farms fotovoltajċi fuq is-siti diġà nkisbu. L-applikazzjonijiet formali għall-iskema ser jinfetħu fiż-żmien opportun ladarba jiġu konklużi u finalizzati dawn il-proċessi regolatorji u infrastrutturali, sabiex il-proġett ikun jista’ jitnieda fuq bażi soda u sostenibbli.

Programm LEADER - GAL Majjistral, GAL Xlokk u GAL Għawdex - Fondi

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta s-somma ta’ fondi li ngħataw permezz tal-programm LEADER amministrat mill-Gruppi ta’ Azzjoni Lokali: Gal Majjistral, Gal Xlokk u Gal Għawdex?  Jista’ wkoll jagħti eżempji ta’ proġetti li bbenefikaw minn dawn il-fondi bil-għan li jissaħħu l-identità u l-kultura Maltija fil-komunitajiet tagħna?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant l It-tweġiba tingħata f’seduta oħra

Bormla – Dawl adegwat fix-xatt

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk itteħdux jew humiex ser jittieħdu miżuri sabiex ikun hemm dawl adegwat fix-Xatt ta’ Bormla?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-maġġoranza tas-sistema tad-dawl fix-Xatt ta’ Bormla ġiet installata bħala parti mill-proġett ta’ riġenerazzjoni ta’ Baċir Nru. 1. Matul is-snin ġew installati aktar arbli tad-dawl, filwaqt li s-sistema baqgħet tiġi mantnuta mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi. Ninsab infurmata li d-dawl huwa adegwat u li jipprovdi ambjent sigur għall-pubbliku li jaċċessa din iż-żona filgħaxija.

Il-Fgura – Berġa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx tabib ġewwa l-Berġa tal-Fgura u, jekk iva, kemm-il darba u f’liema ġranet ikun disponibbli? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-proċess sabiex pazjent ikun jista’ jara tabib f’din il-Berġa?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li s-servizz tat-Tabib tal-Familja (GP) fil-Berġa tal-Fgura huwa disponibbli kull nhar ta’ Tlieta, bejn it-8:00 ta’ filgħodu u s-1:00 ta’ waranofsinhar. Il-pazjenti jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu fuq in-numru 2123 1231.

Ħaż-Żabbar – Berġa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk hemmx il-ħsieb li titkabbar il-Berġa ta’ Ħaż-Żabbar?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li huwa ppjanat li l’quddiem isiru diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar dwar jekk hemmx spazju u possibbiltà li titkabbar il-Berġa ta’ din il-lokalità.

Ħal Tarxien – Ġnien Ovindoli – Tappieri

Question

Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, tista’ l-Ministru tgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-mistoqsija tagħha lill-Ministeru konċernat.

Ħal Tarxien – Ġnien Ovindoli – Tappieri

Question

Fid-dawl li t-tappieri fi Ġnien Ovindoli ġewwa Ħal Tarxien fin-naħa ta’ Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija ġew magħluqa jew imblukkati, tista’ l-Ministru tgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa biex dawn it-tappieri jitnaddfu sabiex jerġgħu jiffunzjonaw kif suppost?

Response (DALLI, MIRIAM)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta biex tirreferi l-mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Bereġ u Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-bereġ u ċ-Ċentri tas-Saħħa (polyclinics) jistgħux jintużaw minn kulħadd irrispettivament mil-lokalità fejn jirrisjedu?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li fir-rigward tas-servizzi tat-Tobba tal-Familja (GPs) u tal-Professjonisti Alleati tas-Saħħa, ma japplikawx restrizzjonijiet skont il-lokalità tar-residenza. Għaldaqstant, il-pazjenti jistgħu jagħmlu użu minn dawn is-servizzi fi kwalunkwe Ċentru tas-Saħħa jew Berġa fejn ikunu offruti, irrispettivament mil-lokalità fejn jirrisjedu. Fir-rigward tas-servizzi tal-infermiera, il-pazjenti għandhom jirrikorru jew jiġi allokati appuntamenti fl-eqreb Ċentru tas-Saħħa jew Berġa, skont il-lokalita’ fejn jgħixu.