Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħal Far – Faċilità tal-kwart ta’ mil – Deflection fil-wiċċ tal-konkos

Question

Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu passi biex titneħħa d-deflection li hemm fil-wiċċ tal-konkos tal-faċilità tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far, fejn reċentement saru xogħlijiet ta’ rikostruzzjoni, partikolarment qrib il-parti minn fejn jitilqu jiġru l-karozzi, u li tvarja minn nofs pulzier għal pulzier?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li x-xogħol fuq il-kwart ta’ mil riesaq lejn l-aħħar fażijiet tiegħu u nfurmat ukoll li t-tekniċi qed iżommu komunikazzjoni kontinwa mal-federazzjoni li tirrapreżenta lil dawk kollha involuti fil-motorsport. Dan sabiex ukoll ikun żgurat li t-trakka tikseb l-approvazzjoni meħtieġa skont l-istandards tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Karozzi (FIA). Infurmat ukoll li mix-xogħol li sar fl-aħħar xhur u snin, issa fadal l-aħħar fażi li tinvolvi xogħol fuq il-wiċċ tal-korsa bi proċess ta’ grinding tal-konkos. Infurmat li dan ix-xogħol huwa parti integrali mill-proċess tal-bini tal-wiċċ tal-korsa skont ir-rekwiżiti tal-FIA.

Baġit 2026 – Miżura 135 – Ikkummissjonar tal-istudju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkummissjonat l-istudju msemmi fil-Miżura 135 tal-Baġit 2026 dwar l-effiċjenza fl-enerġija tal-bini li jinbena mis-sena 2030? Jekk iva, jista' jqiegħed dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra jew, jekk għadu ma tlestiex, jgħid meta huwa mistenni jitlesta? Jekk le, jista’ jgħid meta huwa mistenni li jiġi kkummissjonat?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit 2026’ – Miżuri mniżżlin bħala "Fil-proċess ta' implimentazzjoni"

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, għal kull miżura tal-Baġit 2026 li fil-pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit 2026’ hija mniżżla bħala "Fil-proċess ta' implimentazzjoni", x'inhu l-livell ta' progress (f’persentaġġ) u meta hija mistennija titlesta?

Response (ABELA, ROBERT)

Nirreferi lill-Onor Interpellanat għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru 4074.

Pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit 2026’ – Rata ta’ ħidma mwettqa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kif ġiet ikkalkulata r-"rata ta' ħidma mwettqa" ta' 86% għall-implimentazzjoni tal-Baġit 2026, imsemmija fil-pubblikazzjoni ‘It-Twettiq tal-Baġit 2026’ u l-PR relatata? Jista' jgħid ukoll jekk il-miżuri mniżżla bħala "Fil-proċess ta' implimentazzjoni" jingħatawx piż parzjali f'din ir-rata, u jekk iva, kif jiġi stabbilit dan il-piż?

Response (ABELA, ROBERT)

Qed inpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra , l-pubblikazzjoni dwar it-twettiq tal-Bagit 2026.

Pjani Lokali – Reviżjoni

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jirrevedi l-Pjani Lokali, u jekk iva, meta se tibda r-reviżjoni, x’se jkunu l-prinċipji li se jiggwidawha, u kif se jiġu involuti l-pubbliku u l-kunsilli lokali f’dan il-proċess?

Response (ABELA, ROBERT)

Nitlob lill-Onor Interpellanta biex tagħmel l-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin - Reġistru

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2762 u jgħid jekk Transport Malta żżommx, jew jekk għandhiex il-ħsieb li flimkien ma’ Heritage Malta, tistabbilixxi reġistru komplut tal-karozzi tal-linja tradizzjonali Maltin li għadhom jeżistu? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jgħin fir-restawr u fl-użu sigur ta’ dawn il-vetturi permezz ta’ skema ta’ liċenzjar għall-vetturi storiċi, għotjiet finanzjarji, rotot turistiċi apposta jew mużew nazzjonali tat-trasport?

Response (BONETT, CHRIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2762.

Karozzi tal-linja mibjugħa jew trasferiti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2761 u jgħid kemm-il karozza tal-linja li kienet tifforma parti mis-servizz antik tat-trasport pubbliku u li nbiegħet jew ġiet trasferita minn Transport Malta jew minn entità governattiva oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari: i.    inbiegħet bil-kundizzjoni li tiġi restawrata; ii.   inbiegħet wara dikjarazzjoni mix-xerrej li kellha tiġi restawrata; iii.  kienet intiża biex tintuża bħala attrazzjoni turistika jew ta’ wirt nazzjonali; jew iv.  kienet intiża biex tintuża għal sightseeing jew għal servizzi oħra tal-passiġġieri? Jista’ wkoll jipprovdi n-numru tar-reġistrazzjoni jew tal-flotta għal kull waħda minn dawn il-karozzi tal-linja, id-data tal-bejgħ, il-prezz tal-bejgħ, l-użu ddikjarat, l-istat tar-restawr u jekk bħalissa hijiex effettivament tintuża għall-iskop indikat meta nbiegħet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Karozzi tal-linja antiki

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2760 u jgħid, kemm mill-karozzi tal-linja antiki marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku li ġew akkwistati, riċevuti, ikkontrollati, mibjugħin jew trasferiti minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, bħalissa huma: i.    irreġistrati f’Malta jew Għawdex; ii.    liċenzjati biex jintużaw fit-toroq pubbliċi; iii.    koperti b’liċenzja għat-trasport tal-passiġġieri jew b’Malta Heritage Bus Licence; iv.    irreġistrati bħala li ntużaw fit-toroq pubbliċi matul l-aħħar 12-il xahar; v.    użati għal sightseeing tours, eskursjonijiet, tiġijiet jew attivitajiet oħra marbuta mat-turiżmu; vi.    ippreservati biss għall-wiri; vii.   qegħdin jiġu restawrati; viii.  maħżuna iżda mhux restawrati; ix.    esportati; jew x.    skrappjati? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra n-numru tar-reġistrazzjoni u l-klassifikazzjoni attwali ta’ kull vettura?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Trasport pubbliku - Karozzi tal-linja

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2759 u jgħid kemm-il karozza tal-linja marbuta mas-servizz antik tat-trasport pubbliku ġiet akkwistata, riċevuta, ikkontrollata, mibjugħa jew trasferita minn Transport Malta jew minn entità pubblika oħra mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-vetturi u għal kull vettura jipprovdi: i.    in-numru tar-reġistrazzjoni u n-numru preċedenti tal-flotta; ii.    il-marka, il-mudell, ix-chassis u s-sena tal-manifattura; iii.   l-entità li rċeviet il-vettura; iv.   jekk il-vettura nżammitx, inbiegħetx, ingħatatx bħala donazzjoni, ġietx skrappjata jew esportata; v.    id-data u l-metodu tad-disponiment; vi.    il-prezz tal-bejgħ jew korrispettiv ieħor; u vii.   kwalunkwe kundizzjoni marbuta mal-bejgħ jew mat-trasferiment?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Vittmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba, fl-aħħar ħames snin, persuni li rrapportaw vjolenza domestika sfaw vittmi ta’ aggressjoni serja jew saħansitra omiċidju wara li kienu diġà talbu l-protezzjoni tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Rispo sta tingħata f’xi seduta oħra

Rapporti ta’ vjolenza domestika – Mandati ta’ arrest mhux eżegwiti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il mandat ta’ arrest relatat ma’ vjolenza domestika baqa’ mhux eżegwit, għal kemm żmien, u x'miżuri ttieħdu biex tiġi stabbilita r-responsabbiltà għal tali nuqqasijiet?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Rispo sta tingħata f’xi seduta oħra

Jobsplus – Youth Guarantee u Training for Employment

Question

B’referenza għall-istqarrija tas-7 ta’ Ottubru 2026 dwar il-programmi Youth Guarantee u Training for Employment ta’ Jobsplus, jista’ l-Ministru jipprovdi, separatament għal kull programm u għal kull sena mill-bidu tiegħu sat-30 ta’ Settembru 2026, in-numru ta’ persuni li bdew jipparteċipaw f’kull programm, in-numru ta’ persuni li temmewh u n-numru ta’ persuni li waqfu jipparteċipaw qabel it-tlestija tiegħu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom - Servizzi offruti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’tip ta’ servizzi qed joffri l-Gvern lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom, kemm servizzi li huma offruti b’mod dirett u anke servizzi oħra li qed jingħataw bi sħab ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur?

Response (FARRUGIA, JULIA)

B’żieda mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 4044, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat jappoġġja lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom permezz ta’ servizzi maħsuba biex joffru għajnuna fil-ħajja ta’ kuljum, jiżviluppaw il-ħiliet tal-persuna u jiffaċilitaw l-għajxien fil-komunità. Dawn is-servizzi jingħataw permezz ta’ Aġenzija Sapport kif ukoll permezz ta’ sħubijiet u kollaborazzjoni tal-Ministeru ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur. Is-servizzi mogħtija bi sħab ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet jikkumplimentaw dan l-appoġġ u jinkludu, fost oħrajn, servizzi residenzjali, servizzi ta’ matul il-jum u servizzi ta’ respite. Dawn tal-aħħar joffru appoġġ lill-persuni b’diżabilità, filwaqt li jagħtu lill-familjari u lil dawk li jassistuhom ħin għall-mistrieħ u għall-bżonnijiet personali tagħhom. Il-Ministeru għandu 18-il ftehim ta’ sħubija soċjali fis-seħħ, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), minbarra ftehimiet oħra li jinsabu fil-proċess ta’ tħejjija. Dawn il-ftehimiet jappoġġjaw direttament servizzi u proġetti fis-settur tad-diżabilità. Hemm ukoll ministeri oħra li għandhom ftehimiet simili fis-seħħ. Il-Ministeru jikkollabora wkoll ma’ entitajiet oħra sabiex jissaħħu l-opportunitajiet ta’ tagħlim, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-parteċipazzjoni tal-persuni b’diżabilità f’diversi aspetti tal-ħajja. Minbarra l-appoġġ mogħti lill-organizzazzjonijiet volontarji, il-Ministeru jfittex li permezz tal-iskemi tiegħu jsaħħaħ ukoll l-appoġġ lill-persuni b’diżabilità. F’dan ir-rigward, l-Action 4 tal-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) hija ddedikata għall-oqsma tas-saħħa u d-diżabilità, u tħeġġeġ lill-għaqdiet iwettqu proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-persuni b’diżabilità u jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fil-komunità. Wara l-verifika tal-eliġibbiltà, kull proġett jiġi evalwat minn żewġ evalwaturi indipendenti. Il-medja tal-marki tagħhom tikkostitwixxi sa massimu ta’ 80 marka. Il-proġett imbagħad jiġi rivedut minn kumitat ta’ evalwazzjoni, li jista’ jagħti sa 20 marka oħra. Il-proġetti kollha jitqiegħdu f’lista ta’ klassifikazzjoni skont il-marka finali miksuba. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tas-servizzi offruti minn Aġenzija Sapport, kif ukoll lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali (PSPs) li dan il-Ministeru għandu ma’ fondazzjonijiet u għaqdiet fis-settur.

Settur tad-diżabilità - Fondi pubbliċi investiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm ġew investiti fondi pubbliċi fuq is-settur tad-diżabilità mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-investiment tal-Gvern fis-settur tad-diżabilità jkopri firxa wiesgħa ta’ servizzi, programmi u inizjattivi, li għandhom l-għan li jsaħħu l-awtonomija, l-inklużjoni u l-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità u tal-familji tagħhom. Fost l-oħrajn l-investiment jinkludi it-twassil ta’ servizzi residenzjali u fil-komunità, l-assistenza personali, is-servizzi ta’ respite u l-appoġġ għall-għajxien indipendenti. Il-Ministeru jaħdem f’kollaborazzjoni ma’ ministeri, entitajiet u partijiet terzi fis-settur tad-diżabilità, kif ukoll jidħol fi ftehimiet ma’ għaqdiet mhux governattivi biex jitwettqu proġetti li jippromwovu l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni attiva fis-soċjetà, skont il-ħtieġa. L-allokazzjonijiet baġitarji għall-Ministeru, inklużi dawk relatati mal-qasam tad-diżabilità, huma elenkati fl-Estimi Finanzjarji ppreżentati kull sena. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Estimi Finanzjarji tas-snin rispettivi mill-2022 ’l hawn, li jindikaw l-allokazzjonijiet għal dan il-qasam.

NGOs - Fondi

Question

Tista’ l-Ministru tagħti elenku tal-ammont ta’ fondi li ngħataw lill-għaqdiet non-governattivi (NGOs) mill-2022 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari u taqsam din l-informazzjoni skont il-fondi diversi li jeżistu?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat u l-Entitajiet li jaqgħu taħtu jagħtu appoġġ lill-għaqdiet non-governattivi u lill-organizzazzjonijiet volontarji permezz ta’ diversi strumenti ta’ finanzjament, skont in-natura tas-servizzi, il-proġetti u l-inizjattivi li jwettqu. Fost dawn hemm il-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li permezz tagħhom il-Ministeru jappoġġja t-twassil ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilità u lill-familji tagħhom. Dawn il-ftehimiet jikkontribwixxu għall-kontinwità tas-servizzi u għal appoġġ li jirrispondi għall-ħtiġijiet tal-benefiċjarji. Ninfurmah ukoll li l-MCVS joħrog diversi skemi, fondi u inizzjattivi li jitħabbru pubblikament minn żmien għal żmien fuq il-portal tal-Kunsill. Fost dawn hemm il-Quality of Life Small Grants Scheme u l-iskema Komunitajiet Aktar Inklussivi li huma amministrati mill-Ministeru, kif ukoll il-Voluntary Organisations Projects Scheme (VOPS) u s-Small Initiatives Support Scheme (SIS), amministrati mill-MCVS. Permezz ta’ dawn l-iskemi, jiġu appoġġjati proġetti u inizjattivi li jtejbu l-kwalità tal-ħajja fil-komunità, isaħħu l-aċċessibbiltà, inaqqsu l-inugwaljanzi soċjali u jħeġġu l-parteċipazzjoniinklussiva f’diversi oqsma, fosthom il-kultura, l-isport u l-attivitajiet soċjali. Dan il-finanzjament jgħin ukoll lill-għaqdiet isaħħu l-volontarjat, irawwmu kultura ta’ inklużjoni u jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-komunitajiet li jaqdu. B’dan il-mod, il-Ministeru jkompli jinvesti kemm fit-twassil tas-servizzi kif ukoll f’inizjattivi tal-għaqdiet, filwaqt li jsaħħaħ ir-rwol tagħhom bħala sħab fil-ħidma lejn soċjetà aktar inklussiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ skemi u inizjattivi maħruġa mill-MCVS.

NGOs irreġistrati

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’ għaqdiet non-governattivi (NGOs) irreġistrati bħalissa f’pajjiżna u taqsam dawn l-għaqdiet skont in-natura tax-xogħol tagħhom?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabbella t’hawn taħt. Klassifikazzjoni Numru ta’ għaqdiet Sports 374 Culture and Recreation 556 Education and Research 149 Health 67 Social Services 133 Environment and Animal Welfare 91 Development and Housing 56 Law, Advocacy and Politics 131 Philanthropic Intermediaries and Voluntarism 89 International 27 Religion 127 Business and Professional 141 Platforms and Federations 13 Total 1954

Twelid ta’ trabi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mit-trabi li twieldu bejn Jannar u Ġunju 2026 kellhom: i.    ġenitur wieħed ta’ ċittadinanza Maltija; u ii.    iż-żewġ ġenituri ta’ ċittadinanza barranija? Jista’ jgħid ukoll mil-liema pajjiżi huma l-ġenituri?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Skejjel tal-Gvern - Counsellors impjegati full-time

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm warranted counsellors impjegati full-time fl-iskejjel tal-gvern, maqsuma skola skola? Fejn m’hemmx counsellors impjegati full-time fl-istess skola, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba fil-ġimgħa jkun hemm servizz ta’ counselling minn warranted counsellors f’dawn l-iskejjel, maqsuma skola skola, u għal kemm sigħat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmat li dan is-servizz iħaddan disa’ (9) Principal Education Support Practitioners (Counsellor), sitta (6) Senior Education Support Practitioners (Counsellor), ħamsa (5) Senior Education Support Practitioners (Psychoterapists) u tlieta (3) Psikoterapisti (on teaching conditions). Is-servizz offrut mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Isport, jiġi kkumplimentat bis-servizz tal-Blossom, servizz offrut minn the Malta Trust Foundation. Is-servizz tal-Counselling u Psikoterapisti huwa preżenti f’kull kulleġġ u t-tqassim tas-servizz ivarja minn skola għal skola u jiġi bbażat fuq sistema ta’ triaging li jsir mill-Principal Education Support Practitioners.

Membri tal-Korp tal-Pulizija – Miżuri ta’ protezzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3727 u jgħid kemm membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika jew ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn l-2021 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri qed jittieħdu biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-membri tal-Korp tal-Pulizija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika jew ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom bejn l-2021 u l-20 ta’ Ottubru 2026, maqsuma sena b’sena jidher fit-tabella hawn taħt. Sena Membri tal-Korp tal-Pulizija sfaw vittmi ta’ aggressjoni fiżika Membri tal-Korp tal-Pulizija li ġarrbu ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijiethom 2021 2 21 2022 6 37 2023 6 34 2024 9 32 2025 3 23 *2026 8 24 *Sa 20 ta’ Ottubru 2026 Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-Korp tal-Pulizija jingħataw taħriġ dwar il-prevenzjoni ta’ attakki f’ sitwazzjonijiet perikolużi, b’taħriġ addizzjonali għall-uffiċjali ta’ ċerti taqsimiet speċjalizzati. Kull membru għandu bodycam , mezzi ta’ komunikazzjoni għall-għoti ta’ allert f’każ ta’ periklu, u tagħmir protettiv skont id-dmirijiet tiegħu. Sar ukoll titjib fil-vetturi u fit-tagħmir tal-operat, kif ukoll fil-miżuri ta’ sigurtà f’postijiet ta’ riskju għoli. Barra minn hekk, il-membri għandhom aċċess għal servizz kunfidenzjali ta’ appoġġ psikoloġiku, partikolarment wara inċidenti trawmatiċi jew sitwazzjonijiet ta’ periklu.