Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bastimenti tal-LNG – Dħul għal Servizzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dħul/sejħa (call) ta’ bastimenti tal-LNG kienet għal provvista ordinarja (normal replenishment), u kemm minnhom saru għal servizzi oħra bħal dħul ta’ gass (gas-up), tkessiħ (cool-down), ġestjoni ta’ fdal ta’ gass likwidu (heeling) jew operazzjonijiet tekniċi oħra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Enemalta għandha x’taqsam biss mas-sejħa tal-provvista ordinarja tal-LNG fejn kien hemm 67 sejħa.

LNG – Kunsinni Ship-to-Ship

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dettaljat dwar kull kunsinna minn vapur għal vapur (Ship-to-Ship / STS delivery) li saret bejn l-2022 u l-2026, u għal kull kunsinna, tindika: i.    l-istokk tal-bidu (opening stock); ii.    il-kwantità trasferita; iii.    l-istokk tal-għeluq (closing stock); u iv.    l-livell minimu ta’ stokk irreġistrat qabel il-wasla tal-kunsinna ta’ wara?

Response (DALLI, MIRIAM)

Tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Servizz tal-Fast Ferry – Faċilitajiet għall-passiġġieri u l-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju li fil-post minn fejn jinxtraw il-biljetti u jistennew il-passiġġieri għas-servizz tal-Fast Ferry mill-Belt Valletta lejn Għawdex, il-passiġġieri qed ikollhom jistennew barra esposti għax-xemx u għas-sħana, b’mod partikolari matul ix-xhur tas-sajf? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjan biex jiġi pprovdut kenn adegwat u żona ta’ stennija xierqa għall-passiġġieri, kif ukoll faċilitajiet aktar adegwati għall-ħaddiema li bħalissa qed jaħdmu minn container? Jekk iva, jista’ jagħti dettalji dwar ix-xogħlijiet ippjanati u meta mistennija jitwettqu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-terminal tal-Fast Ferry f’Ta’ Liesse ġarrab ħsarat konsiderevoli minħabba l-maltempata Harry. Sabiex is-servizz ma jiġix interrott, l-Awtorità ħadet miżuri temporanji, fosthom it-tqegħid ta’ unità mobbli sabiex tintuża bħala uffiċċju tal-biljetti. It-tiswijiet issa jinsabu fl-aħħar fażi. Fit-terminal se tinbena kabina għall-bejgħ tal-biljetti, u b’hekk l-unità mobbli titneħħa u l-passiġġieri jkunu jistgħu jixtru l-biljetti mill-faċilitajiet tat-terminal. Ix-xogħlijiet huma mistennija jitlestew sal-bidu ta’ Novembru 2026.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Inċident ta’ allegat hit-and-run

Question

B’referenza għall-inċident ta’ allegat hit-and-run li seħħ fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid fid-19 ta’ Mejju 2026, u li dwaru sar ir-Rapport tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kameras tas-CCTV fis-sit kinux operattivi dakinhar? Jekk ma kinux operattivi, jista’ jgħid kemm kienu ilhom mhux jiffunzjonaw u għaliex ma kinux ġew imsewwija jew mibdula sa dakinhar? Jista’ jgħid ukoll jekk humiex operattivi illum u jekk le, meta se jerġgħu jkunu kompletament operattivi l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride u x’rimedju jew assistenza hija disponibbli għal persuni li jkunu vittmi ta’ inċidenti jew reati fis-sit iżda ma jkunux jistgħu jagħmlu użu minn footage tas-CCTV minħabba li s-sistema ma tkunx qed taħdem?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2500.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Tabelli ta’ sorveljanza tas-CCTV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid baqgħu esposti tabelli li jindikaw li ż-żona hija taħt sorveljanza tas-CCTV meta l-kameras ma kinux qed jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Ministeru jew Transport Malta kinux konxji li dawn it-tabelli kienu għadhom esposti minkejja li s-sistema ma kinitx operattiva? Jista’ jgħid ukoll jekk iqisx li dan seta’ jagħti sens falz ta’ sigurtà lill-persuni li jużaw il-faċilità u x’passi ttieħdu jew se jittieħdu sabiex dan ma jerġax iseħħ?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 2500.

Raħal Ġdid – Park and Ride – Ħsarat fil-kameras tas-CCTV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema ġurnata l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid waqfu milli jiffunzjonaw? Jista’ jgħid ukoll x’kienet ir-raġuni għaliex dawn il-kameras ma baqgħux operattivi, meta ġiet irrappurtata għall-ewwel darba din il-ħsara u għaliex is-sistema tħalliet mhux operattiva? Jista’ jgħid ukoll min huwa responsabbli għall-operat u l-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra r-rekords tal-ħsarat u tal-manutenzjoni relatati mas-sistema tas-CCTV f’dan il-Park and Ride matul l-2025 u l-2026?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kameras tas-CCTV fil-Park and Ride ta’ Raħal Ġdid ma humiex operati jew miżmuma mill-Awtorità, li lanqas ma għandha aċċess għas-sistema, għall-filmati jew għar-rekords relattivi. Għaldaqstant, l-Awtorità ma għandhiex l-informazzjoni mitluba dwar l-operat, il-ħsarat jew il-manutenzjoni ta’ dawn il-kameras.

Marsaskala – Servizz tal-ferry il-ġdid – Studji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt fuq il-parkeġġ fi Triq is-Salini, Marsaskala jekk, jew meta, jibda jaħdem is-servizz il-ġdid tal-ferry minn dik iż-żona? Jista’ jgħid ukoll jekk sarx studju fuq l-impatt tat-tranja li l-ferry l-ġdid se jiġġenera u l-effett li din se jkollha fuq is-swimming zones fl-inħawi?

Response (BONETT, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant li dan is-servizz tal-ferry jibda jopera hekk kif Infrastructure Malta tlesti x-xogħlijiet infrastrutturali meħtieġa.

Transport Malta – Ħaddiema impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ma’ Transport Malta mill-2013 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, direttament jew indirettament (ċjoè inkluż ma’ kuntratturi), maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll minn liema lokalità ġew u f’liema grad u funzjoni ġew impjegati?

Response (BONETT, CHRIS)

ġNinforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Turiżmu – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm żewġ propjetajiet li huma b’kirja mingħand il-Gvern, u seba’ propjetajiet li huma b’kirja mingħand il-privat.

Ministeru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (GRIMA, CLIFTON)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm ħdax (11)-il proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru, u tmienja u għoxrin (28)-il proprjetà li hija b’kirja mingħand il-privat.

Ministeru għall-Finanzi – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu, hemm 49 il-propjeta li hija b kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru, u 26 il-propjeta li hija b’kirja mingħand il-privat.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar – Ġeneru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, f’numri u persentaġġi, kemm mit-tfal li bħalissa qegħdin fuq il-lista ta’ stennija għall-assessjar mill-Moderating Panel biex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE, huma bniet, subien jew ta’ ġeneru ieħor?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ingħatajt parir biex din l-informazzjoni ma tkunx publikata minħabba preġudizzji. Lill-Onorevoli membru nofrilha li ngħaddi din l-informazzjoni b'mod privat.

Moderating Panel – Lista ta’ stennija għall-assessjar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm tfal fuq il-lista ta’ stennija biex jiġu assessjati mill-Moderating Panel sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhomx bżonn LSE?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li dan hu proċess kontinwu u rigoruż, bħalma hu proċess kontinwu dak li jara li jkollna kemm jista’ jkun riżorsi kif spjegat fi tweġiba parlamentari 3326.

Strateġija kontra l-ħela tal-ikel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jintrema ikel kull sena? Jista’ jgħid ukoll xi strateġija għandu l-Gvern biex minflok jintrema, jitqassam ma’ min għandu l-iktar bżonn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Malta Food Agency qed tkompli twettaq miżuri konkreti biex tnaqqas il-ħela tal-ikel u tgħin sabiex ikel li għadu tajjeb għall-konsum jintuża b’mod effiċjenti għall-benefiċċju tas-soċjetà. Sa mill-2021, l-Aġenzija ilha tiffaċilita d-distribuzzjoni ta’ frott u ħaxix li jibqa’ wara l-bejgħ mill-Pitkalija lil organizzazzjonijiet volontarji darbtejn fil-ġimgħa, biex dan l-ikel ma jintilifx u jasal għand dawk fil-bżonn. Barra minn hekk, f’Marzu 2025, il-Malta Food Agency nediet l-inizjattiva Żomm! Tarmix, li tħeġġeġ u tiffaċilita d-donazzjoni ta’ ikel żejjed minn negozji, produtturi u distributuri lil entitajiet volontarji u soċjali. Dawn l-inizjattivi wasslu biex kwantitajiet sostanzjali ta’ ikel li kieku kienu jintremew ġew irkuprati u mgħoddija għall-użu soċjali, filwaqt li kkontribwew kemm għat-tnaqqis tal-ħela tal-ikel kif ukoll għall-appoġġ lil persuni u familji vulnerabbli. Il-Malta Food Agency ser tkompli ssaħħaħ dawn l-isforzi bħala parti mill-impenn tagħha favur sistema tal-ikel aktar sostenibbli u effiċjenti.

TCNs – Kundizzjonijiet ta’ akkomodazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif qed jindirizza l-isfruttament ta’ TCNs li jaqsmu l-kamra mikrija ma’ bosta oħrajn u saħansitra każijiet fejn TCNs jikru s-sodda għal 12-il siegħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi It-Taqsima tal-Konformità fi ħdan l-Awtorità għall-Akkomodazzjoni Soċjali tinvestiga kull ilment li tirċievi  billi twettaq verifiki fiżiċi mingħajr avviż minn qabel. Dawn isiru mingħajr distinzjoni abbażi tan-nazzjonalità tal-inkwilin. L-azzjoni sussegwenti tiddependi mir-riżultat tal-istess spezzjonijiet.