Legislature:
Category:
Reset
Active:

MITA - Sigurtà identifikati fil-PHP - Sistemi

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk il-Malta Information Technology Agency (MITA) identifikatx sistemi tal-Gvern li kienu vulnerabbli fid-dawl tal-vulnerabbiltajiet ta’ sigurtà identifikati fil-PHP? Jekk iva, jista’ jgħid liema kienu dawn is-sistemi u x’miżuri ttieħdu jew qed jittieħdu sabiex jiġu indirizzati dawn il-vulnerabbiltajiet?

Response (ABELA, ROBERT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MITA identifikat sistemi tal-Gvern taħt il-ġestjoni tagħha li setgħu kienu affettwati mill-vulnerabbiltajiet inkwistjoni, u minnufih bdiet il-valutazzjoni meħtieġa u ħadet il-miżuri korrettivi xierqa. Sal-lum, ma hemm l-ebda evidenza li dawn il-vulnerabbiltajiet irriżultaw fil-kompromess tas-sistemi tal-Gvern taħt il-ġestjoni tal-MITA.

Birżebbuġa – Konkos fi trejqa

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3595, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali għamilx l-investigazzjonijiet imsemmija fit-tweġiba dwar konkos li sar fi trejqa qrib id-Dar ta’ Pultu, fil-limiti ta’ Birżebbuġa? Jekk iva, jista’ jgħid x’kien ir-riżultat u/jew x’azzjoni ttieħdet u/jew ser tittieħed?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Intepellant li ġejt infurmat li uffiċjali tas-Sovrintendenza spezzjonaw is-sit kif mitlub u rriżulta li fil-bidu tal-heritage trail li jagħti għal ħdejn Dar Pultu, ġie mqiegħed pavimentar, inkluż rampa.

Tax Rate for Income from Sports Activities – Investigazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3597, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet fejn saret investigazzjoni mill-Kummissarju għat-Taxxi Interni fuq xi tip ta’ abbuż rigward Tax Rate for Income from Sports Activities, mill-bidu tal-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CARUANA, CLYDE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi r-rata mnaqqsa ta’ taxxa fir-rigward ta’ dħul minn attivitajiet sportivi taħt l-Income from Sports Activities Rules, 2024 bdiet tapplika mis-sena ta’ stima 2025. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija fil-PQ 3597

Skema tal-10% Depożitu u Skema ta’ Qsim ta’ Ekwità – Numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3219 u 3600 u jipprovdi, separatament għall-iskema tal-10% Depożitu u għall-Iskema ta’ Qsim ta’ Ekwità, għal kull sena mill-2022 sal-2025 u għall-2026 sal-aħħar data disponibbli, in-numru ta’ applikazzjonijiet miċħuda minħabba: (a) dħul ogħla mil-limitu, kemm qabżuh b’sa €1,000, b’bejn €1,001 u €5,000, u b’aktar minn €5,000; (b) dħul taħt il-minimu applikabbli jew insuffiċjenti għall-ħlas tas-self; (ċ) età; (d) assi jew ownership ta’ proprjetà oħra; (e) prezz jew valur tal-proprjetà ogħla mill-limitu; (f) nuqqas ta’ konformità ma’ kriterji oħra tal-bank; jew (g) raġunijiet oħra, li għandhom jiġu speċifikati? Jista’ l-Ministru jiddistingwi bejn ċaħdiet mill-Awtorità u dawk mill-bank, u jgħid kemm-il applikazzjoni ġiet approvata mill-Awtorità iżda sussegwentement miċħuda mill-bank? Fejn applikazzjoni għandha aktar minn raġuni waħda, jista’ jiċċara dan sabiex jiġu evitati kalkulazzjonijiet doppji?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Birżebbuġa – Triq iż-Żurrieq – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3616 u ċjoè: B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-project plan li juri liema huma x-xogħlijiet li saru, jew ser isiru, min huwa responsabbli għal liema xogħlijiet u t-timeline?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fi Triq iż-Żurrieq, f’Birżebbuġa, bdew fl-1 ta’ Settembru 2026 u qed jitwettqu minn Infrastructure Malta. Il-proġett huwa skedat li jitlesta sat-tmiem din is-sena. Ix-xogħlijiet huma maqsuma f’żewġ fażijiet, li jkopru s-sezzjoni mit-triq fil-viċinanzi tal-knisja sal-intersezzjoni ma’ Triq it-13 ta’ Diċembru, kif ġej: L-Ewwel Fażi (mill-knisja sa Triq Sant’Anġlu) mistennija tkun lesta sal-aħħar ta’ Ottubru 2026, huwa ppjanat li jitlestew ix-xogħlijiet relatati mal-main tad-drenaġġ, il-main tal-ilma fuq iż-żewġ naħat tat-triq, il-bankini fuq iż-żewġ naħat, kif ukoll it-tqegħid tas-saffi tal-Base Course u tal-Binder Course. It-Tieni Fażi (minn Triq Sant’Anġlu sa Triq it-13 ta’ Diċembru) se jitwettqu x-xogħlijiet kollha meħtieġa fuq is-sezzjoni indikata. Barra minn hekk, huwa ppjanat li jitlesta l-Wearing Course tul it-triq kollha. Skont l-iskeda tax-xogħlijiet, il-proġett huwa mistenni li jitlesta sat-tmiem din is-sena.

Birżebbuġa – Triq iż-Żurrieq – Water culverts

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3617 u ċjoè: B'referenza għax-xogħlijiet li qed isiru fi Triq iż-Żurrieq, Birżebbuġa, jista' l-Ministru jgħid jekk hux ser isiru water culverts biex jiġi mmaniġġjat l-ilma tax-xita u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li juru l-infrastruttura li ser issir jew li ser tinbidel għal dan il-għan?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara li Infrastructure Malta għamlet konsultazzjonijiet mal-entità responsabbli (Storm Water Unit), ma kien hemm l-ebda talba għal water culvert fil-qafas ta’ dan il-proġett. Għaldaqstant, il-proġett ma jipprevedix xogħlijiet relatati mal-installazzjoni ta’ water culvert.

Marsaskala – Triq il-Qaliet – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kull xogħol relatat mal-permessi DS/00460/25 u PA/11364/18 fi Triq il-Qaliet, Marsaskala sarux u qed isiru skont dawn il-permessi? Jekk hemm xi xogħlijiet li saru jew mhux qed isiru skont dawn il-permessi, jista’ jgħid x’passi ttieħdu jew se jittieħdu?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità tal-Ippjanar waqqfet ix-xogħlijiet peress li dawn ma kienux qed isiru skont il-pjanti approvati.

Marsaskala – Triq il-Qaliet – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qegħdin isiru fi Triq il-Qaliet, Marsaskala jaqgħux taħt il-permess PA/11364/18 u taħt l-applikazzjoni ta’ strutturi perikolużi DS/00460/25? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn ix-xogħlijiet humiex qed isiru fuq art pubblika jew privata? Jista’ jikkonferma li minħabba li l-ħitan qegħdin jinbnew viċin ħafna tal-irdum, qed jittieħed l-aċċess mill-pubbliku?

Response (BONNICI, OWEN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 4114, nitlob lill-Onor Interpellant biex jippreżenta pjanta tal-art li għaliha qed jirreferi biex tingħata l-kumplament tal-informazzjoni.

Is-Swieqi – Kunsill Lokali – Laqgħat relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru laqgħat speċifiċi bejn rappreżentanti tal-Gvern u l-Kunsill Lokali tas-Swieqi matul l-aħħar sentejn, tagħti d-dati ta’ dawn il-laqgħat u tindika f’kull każ liema kwistjonijiet relatati mal-indafa, l-infurzar u l-kwalità tal-ħajja fil-lokalità ġew diskussi?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninsab infurmata mill-Kunsill Lokali tas-Swieqi li matul is-sena 2025 saru 13 -il laqgħa, filwaqt li matul is-sena 2026, sal-lum, saru 11-il laqgħa. Dawn il-laqgħat kienu jikkonċernaw diversi temi ta’ interess għall-komunità lokali, fosthom l-infrastruttura u t-tiswijiet tat-toroq, il-ġestjoni tat-traffiku, s-sigurtà u l-infurzar, inizjattivi relatati mal-ambjent u l-kwalità tal-ħajja, kif ukoll proġetti u proposti oħra għall-benefiċċju tal-lokalità.

Is-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan – ERA – Kwalità tal-arja – Monitoraġġ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk, minbarra l-monitoraġġ regolari tal-kwalità tal-arja permezz tad-diffusion tubes, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) wettqitx jew għandhiex il-ħsieb twettaq monitoraġġ jew investigazzjonijiet immirati fiż-żoni tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, b’mod partikolari fil-ħinijiet meta r-residenti jirrapportaw irwejjaħ qawwija, dħaħen jew emissjonijiet? Tista’ tispeċifika wkoll jekk saritx valutazzjoni dwar jekk is-sustanzi mmonitorjati min-netwerk eżistenti humiex adegwati sabiex jiġu investigati dawn ir-rapporti u jekk itteħdux passi sabiex jiġi identifikat is-sors tal-emissjonijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li bħalma spjegajt fit-tweġiba li tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1958, mill-perspettiva tal-kwalità tal-arja ambjentali, in-netwerk ta’ monitoraġġ tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) jissodisfa l-obbligi li jirriżultaw mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja ambjentali. Minkejja dan, l-ERA tibqa’ impenjata li tinvestiga rapporti li jaqgħu taħt il-mansjoni ambjentali tagħha.

Ħal Far – Faċilità tal-kwart ta’ mil – Wiċċ tal-konkos – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex se jikkonsistu x-xogħlijiet ta’ korrezzjoni fuq il-wiċċ tal-konkos tal-faċilità tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far, kemm huma stmati li se jiswew, min se jħallas għalihom u minn liema fondi, u kemm huwa stmat li se jdumu biex jitlestew?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4077.

Ħal Far – Faċilità tal-kwart ta’ mil – Wiċċ tal-konkos – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet ta’ korrezzjoni fuq il-wiċċ tal-konkos tal-faċilità tal-kwart ta’ mil f’Ħal Far humiex se jsiru mill-kuntrattur li wettaq ix-xogħlijiet oriġinali taħt il-kuntratt eżistenti, jew permezz ta’ sejħa għall-offerti ġdida minn SportMalta jew Infrastructure Malta? F’każ ta’ sejħa ġdida, jista’ jgħid meta se tinħareġ?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 4077.

Ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kisbet iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ naturalizzazzjoni bejn Jannar u Ġunju 2026, billi jindika l-pajjiż ta’ oriġini ta’ kull benefiċjarju?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ċittadinanza Maltija u passaport Malti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema pajjiżi oriġinaw il-persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija u passaport Malti bejn Jannar u Ġunju 2026, billi jipprovdi n-numru għal kull pajjiż?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Passaporti Maltin maħruġa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il passaport Malti nħareġ bejn Jannar u Ġunju 2026 u jindika kemm inħarġu lil persuni li kienu diġà ċittadini Maltin u kemm lil persuni li kisbu ċ-ċittadinanza Maltija?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Trabi barranin imwielda Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu dawk il-pajjiżi barranin li l-ġenituri b’ċittadinanza ta’dak il-pajjiż kellhom l-akbar numru ta’ trabi mwielda f’Malta bejn Jannar u Ġunju 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Nirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

AIMS – Rapporti amministrattivi u finanzjarji annwali

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3483, jista’ l-Ministru jgħid meta huma mistennija jitlestew il-proċessi interni relatati mar-rapporti amministrattivi u finanzjarji annwali tal-Awtorità dwar l-Integrità fl-Isport Malti (AIMS) għas-snin 2023, 2024 u 2025, u jispjega r-raġunijiet għaliex dawn il-proċessi għadhom ma tlestewx?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Infurmati li qed isir ix-xogħol biex il-Bord tad-Diretturi jkun jista’ japprova tali rapport fil-ġimgħat li ġejjin.

Allied Health Professionals – Applikazzjonijiet għal career break

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3287 u jgħid ⁠kemm hemm Allied Health Professionals li applikaw għal career break, maqsuma professjoni professjoni, fis-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi illi fis-snin 2024, 2025 u 2026 daħlu dawn l-ammont ta’ applikazzjonijiet għal career break: Fl-2024, l-applikazzjonijiet kienu ta’ Occupational Therapist wieħed, 2 Physiotherapists, Podiatrist wieħed u 3 Speech and Language Pathologists. Fl-2025, l-applikazzjonijiet kienu minn 5 Occupational Therapists, 3 Physiotherapists, 2 Podiatrists u 7 Speech and Language Pathologists. Fl-2026, l-applikazzjonijiet kienu jinkludu 5 Occupational Therapists, 3 Physiotherapists u 2 Podiatrists.

Allied Health Professionals – Applikazzjonijiet għal unpaid leave

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3286 u jgħid kemm hemm Allied Health Professionals li applikaw għal unpaid leave, maqsuma professjoni professjoni, fis-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fis-snin 2024, 2025 u 2026 daħlu dawn l-ammont ta’ applikazzjonijiet għal unpaid leave: Fl-2024, l-applikazzjonijiet kienu ta’ 2 Audiologists, 12-il Dietician, 14-il Medical Laboratory Scientist, Nutritional Therapist wieħed, 10 Occupational Therapists, 12-il Physiotherapist, 5 Podiatrists, 9 Radiographers u 13-il Speech and Language Pathologist. Fl-2025, l-applikazzjonijiet kienu minn Audiologist wieħed, 2 Dental Technicians, 3 Dieticians, 10 Medical Laboratory Scientists, 9 Occupational Therapists, 12-il Physiotherapist, Podiatrist wieħed, 14-il Radiographer u 15-il Speech and Language Pathologist. Fl-2026, l-applikazzjonijiet kienu jinkludu 16-il Dental Technician, 7 Dieticians, 12-il Medical Laboratory Scientist, Orthoptist wieħed, 6 Occupational Therapists, 17-il Physiotherapist, Podiatrist wieħed, 5 Radiographers u 14-il Speech and Language Pathologist.

Awtoritajiet tas-saħħa – Interoperabbiltà u titjib fis-sistemi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’miżuri qed jittieħdu jew qed jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex titjieb l-interoperabbiltà bejn is-sistemi elettroniċi tal-isptarijiet u jitnaqqas id-dipendenza fuq aġġornamenti manwali? Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet għal sistemi awtomatizzati ta’ notifika, tqabbil tad-data jew kontrolli oħra li jidentifikaw diskrepanzi u jipprevjenu li informazzjoni skorretta tintuża għal skopijiet kliniċi?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.