Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Trasport pubbliku – Rotot, frekwenza u investiment fil-flotta

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema rotot tat-trasport pubbliku jaqdu l-lokalitajiet tal-Qala u ta’ Marsalforn f’Għawdex, kif ukoll jgħid il-frekwenza tas-servizz fl-imsemmija lokalitajiet?  Hemm pjanijiet sabiex tiżdied il-frekwenza tas-servizz tat-trasport pubbliku fil-lokalitajiet kollha f’Għawdex u, jekk iva,jista' jispeċifika l-miżuri previsti u meta dawn mistennija jidħlu fis-seħħ?  Jista’ jgħid ukoll jekk hemmx pjanijiet għal aktar investiment fil-flotta ta’ vetturi tat-trasport pubbliku li topera f’Għawdex u, jekk iva, jagħti d-dettalji ta’ dan l-investiment u ż-żmien previst għat-twettiq tiegħu?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi r-rotta li taqdi l-lokalità tal-Qala hija r-rotta 303, li topera kull siegħa. Marsalforn hija moqdija mir-rotta 310, li fis-sajf topera kull nofs siegħa. Fix-xitwa, din ir-rotta topera kull nofs siegħa fl-ewwel ħinijiet ta’ filgħodu u kull tliet kwarti għall-bqija tal-ġurnata. F’Mejju ta’ din is-sena saru numru ta’ modifiki kemm fir-rotot f’Għawdex kif ukoll f’rotot f’Malta li jservu ta’ konnessjoni mal-fast ferries. Fost dan it-tibdil, ir-rotta 310 rat żieda fil-frekwenza tagħha kemm fix-xitwa kif ukoll fis-sajf. Bejn Mejju u Ġunju ta’ din is-sena sar l-akbar investiment li qatt sar f’Għawdex fit-trasport pubbliku fuq l-art, meta l-flotta kollha li topera dan is-servizz inbidlet minn vetturi tad-diesel għal vetturi elettriċi.

Gozo Channel – Flotta ġdida – Opportunitajiet ta’ finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1521 u jgħid għaliex il-Gvern mhux qed jagħmel użu sħiħ mill-opportunitajiet ta’ finanzjament offruti mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea sabiex jiffinanzja investiment fi flotta ġdida għall-Gozo Channel?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra .

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Ipproċessar tal-iskart agrikolu

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk il-faċilità hijiex mistennija tipproċessa bejn 300,000 u 350,000 tunnellata ta’ demel, slurry u skart agrikolu fis-sena? Jista’ wkoll jagħti breakdown skont it-tip u l-kwantità ta’ skart li huwa mistenni li jiġi pproċessat kull sena?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-faċilità proposta hija maħsuba biex tipprovdi soluzzjoni nazzjonali, moderna u sostenibbli għat-trattament tal-iskart agrikolu, b’mod partikolari d-demel tal-annimali, l-iskart likwidu mill-irziezet u materjal organiku relatat. Dan il-proġett huwa parti mill-obbligi ta’ Malta skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u Malta kellha tkun konformi ma’ dawn l-obbligi sal-2007. L-għan huwa li dan l-iskart jiġi ttrattat b’mod ikkontrollat, filwaqt li fejn ikun teknikament possibbli jiġi kkonvertit fi prodotti utli, fosthom enerġija rinnovabbli, bijofertilizzanti organiċi u prodotti oħra. Fir-rigward tal-kwantitajiet imsemmija, fid-dokumentazzjoni relatata mal-proġett hemm indikazzjonijiet ta’ kapaċità massima ta’ madwar 300,000 sa 350,000 tunnellata fis-sena. Madankollu, dawn iċ-ċifri għadhom ma ġewx ikkonfermati bħala l-kapaċità operattiva finali tal-faċilità. Għaldaqstant, f’dan l-istadju għadha mhix disponibbli analiżi definittiva tat-tunnellaġġ annwali għal kull kategorija ta’ skart. Il-kategoriji finali tal-iskart, il-kapaċità tat-trattament u l-arranġamenti għall-ħażna se jiddependu mit-teknoloġija magħżula, mid-disinn approvat u mill-kundizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet kompetenti. Kull waħda minn dawn l-għażliet se tittieħed bil-ħsieb li din il-faċilità tħalli l-anqas impatt possibbli fuq iż-żona tal-madwar.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Konsultazzjoni pubblika

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx jew hijiex ippjanata konsultazzjoni pubblika mar-residenti tal-Mellieħa, il-Manikata, l-Aħrax, l-Għadira u ż-żoni tal-madwar dwar dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jgħid meta mistennija ssir din il-konsultazzjoni u b’liema forma?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern jibqa’ impenjat li jiżgura proċess trasparenti fir-rigward tal-proposta għall-Impjant Nazzjonali għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu. Il-proġett għadu fi stadju bikri u għaddejjin diversi studji u valutazzjonijiet tekniċi u ambjentali sabiex jiġu stabbiliti l-impatti potenzjali tiegħu qabel ma jsiru l-konsultazzjonijiet. Il-Gvern ikun jista’ jikkonsulta mal-pubbliku, inkluż il-komunità tal-Mellieħa, ġaladarba jkunu lesti dawn l-istudji u l-valutazzjonijiet.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kienx ikkonsultat qabel ma ntgħażel is-sit propost? Jekk iva, jista’ jgħid f’liema dati saret il-konsultazzjoni, min attenda u x’kienet il-pożizzjoni tal-Kunsill u jekk le, għaliex ma saritx konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali qabel ittieħdet din id-deċiżjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru 2625, 2626 u 2627. Ninfurmah li l-Gvern jirrikonoxxi l-importanza tal-konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali u mal-komunità, kif ukoll it-tħassib imqajjem dwar l-impatti potenzjali fuq l-ambjent, it-traffiku, it-turiżmu u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Deċiżjoni

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid min jew liema bord, kumitat, dipartiment jew entità ħa d-deċiżjoni li dan is-sit jiġi inkluż fid-dokumenti tal-konċessjoni RAM/001/2026, u f’liema data ttieħdet din id-deċiżjoni? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti, ir-rakkomandazzjonijiet u d-dokumentazzjoni kollha relatata ma’ din id-deċiżjoni?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli  Interpellant li l-proċess RAM/001/2026 inħareġ minn Riżorsi Agrikoli Malta, bħala l-Aġenzija responsabbli mill-proċess ta’ prekwalifikazzjoni għall-konċessjoni proposta. L-avviż relatat ma’ dan il-proċess intbagħat fl-4 ta’ Settembru 2026 u ġie ppubblikat fis-7 ta’ Settembru 2026. L-identifikazzjoni tal-Qammieħ bħala sit potenzjali kienet ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet tekniċi u operattivi, partikularment il-viċinanza mal-infrastruttura eżistenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma. Madankollu, għandu jiġi ċċarat li l-inklużjoni tas-sit fid-dokumentazzjoni tal-proċess ta’ prekwalifikazzjoni ma tikkostitwixxix approvazzjoni finali tal-proġett.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Siti alternattivi

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid liema siti alternattivi ġew ikkunsidrati qabel intgħażel is-sit propost fil-Mellieħa? Għal kull sit ikkunsidrat, jista’ jgħid fejn jinsab, għaliex ġie kkunsidrat u għaliex eventwalment ġie eskluż?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onoroevoli Interpellant li l-identifikazzjoni tas-sit fil-Qammieħ kienet ibbażata fuq diversi kunsiderazzjonijiet tekniċi u operattivi, fosthom il-possibbiltà li jsir użu mill-infrastruttura eżistenti tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-aċċessibbiltà meħtieġa għal faċilità maħsuba biex tipproċessa skart agrikolu minn Malta u Għawdex. Il-viċinanza mal-impjant eżistenti tista’ tnaqqas il-ħtieġa għal infrastruttura ġdida u għal aktar użu ta’ art, filwaqt li tippermetti koordinazzjoni aħjar tas-servizzi meħtieġa. Madankollu, il-proġett għadu fi stadju preliminari u l-identità tas-sit propost għadha trid tiġi evalwata permezz tal-istudji tekniċi, ambjentali u tal-ippjanar.

Il-Mellieħa – Agricultural Waste Treatment Plant – Għażla tas-sit

Question

B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant, magħruf ukoll bħala n-National Farm Waste Treatment Facility, fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sit biswit l-impjant tal-Water Services Corporation intgħażel bħala s-sit propost għal din il-faċilità? Jista’ wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji, ir-rapporti u l-evalwazzjonijiet kollha li wasslu għall-għażla ta’ dan is-sit?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sit fil-Qammieħ ġie identifikat bħala post potenzjali għall-iżvilupp tal-faċilità proposta, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet tekniċi u operattivi. Fost il-fatturi meqjusa kien hemm il-viċinanza tiegħu mal-impjant eżistenti għat-trattament tad-drenaġġ tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC), li għalih hemm ukoll approvazzjoni għall-espansjoni. Fattur ieħor important huwa li dan il-proġett huwa parti mill-obbligi ta’ Malta skont il-liġijiet tal-Unjoni Ewropea u Malta kellha tkun konformi ma’ dawn l-obbligi sal-2007. Fl-identifikazzjoni tas-sit tqieset ukoll il-ħtieġa li l-faċilità tkun tista’ tissodisfa l-ħtiġijiet tas-settur agrikolu kemm f’Malta, kif ukoll f’Għawdex.

Skart imħallat

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-pjan tal-Gvern biex l-ammont ta’ skart imħallat li jmur fil-landfill jinżel minn kważi 80% kif inhu rrappurtat illum għal taħt l-10% sal-2035, skont id-direttivi Ewropej?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Gvern qed jimplimenta l-Istrateġija fit-Tul għall-Immaniġġjar tal-Iskart bil-għan li jkompli jnaqqas progressivament l-ammont ta’ skart li jintrema fil-landfill u jersaq lejn il-miri Ewropej relatati mal-ekonomija ċirkolari u l-immaniġġjar sostenibbli tal-iskart. Dan qed isir permezz ta’ pakkett komprensiv ta’ miżuri li jinkludu t-tisħiħ tal-ġbir separat tal-frazzjoni organika u tal-materjali riċiklabbli, investimenti f’faċilitajiet ta’ sortjar, trattament u rkupru tal-iskart, kif ukoll infrastruttura ġdida maħsuba biex tkompli tnaqqas id-dipendenza tal-pajjiż fuq il-landfill. F’dan il-kuntest, il-Gvern qed iwettaq investimenti sinifikanti permezz tal-proġett Ecohive Complex, li jirrappreżenta trasformazzjoni sostanzjali fis-sistema nazzjonali tal-immaniġġjar tal-iskart u li se jkompli jsaħħaħ il-kapaċità tal-pajjiż għat-trattament, l-irkupru u l-ipproċessar ta’ diversi flussi ta’ skart. Dawn il-miżuri, flimkien ma’ inizjattivi oħrajn previsti fl-Istrateġija Nazzjonali għall-Immaniġġjar tal-Iskart, huma maħsuba biex inaqqsu progressivament il-volum ta’ skart li jintrema fil-landfill u jappoġġjaw it-tranżizzjoni ta’ Malta lejn sistema aktar sostenibbli u effiċjenti tal-immaniġġjar tar-riżorsi. Dawn jinkludu wkoll proġetti bħal Waste to Energy u l-Iskip Management Facility.

Charge My Ride – Charging stations

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hawn charging stations taħt is-sistema taċ-Charge My Ride f’Malta u Għawdex?  Tista’ tgħid ukoll jekk hemmx xi forma ta’ kuntratt li jittratta l-immaniġġjar tagħhom, meta jiskadi dan il-kuntratt, u x’inhu l-pjan ’il quddiem biex dawn iċ-charging stations jiżdiedu?

Response (DALLI, MIRIAM)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3122 ninfurmah li l-kuntratt li jitratta l-immaniġġjar jiskadi fl-2028.

Raħal Ġdid – Ġnien Tony Bezzina – Proġett – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Tony Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi din hija il-breakdown tax-xogħlijiet li għamlet Infrastructure Malta fil-proġett ta’ Ġnien Toni Bezzina, f’Raħal Ġdid. Servizz Ammont eskluż il-VAT (€) Civil & Finishing works 679,420.33 M&E works 92,355.08 Ancillary Services 28,909.42

Raħal Ġdid – Ġnien Tony Bezzina – Proġett – Nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa tal-Gvern, Infrastructure Malta u/jew entitajiet/awtoritajiet governattivi oħra għall-proġett ta’ Ġnien Tony Bezzina, f’Raħal Ġdid, u jagħti break down ta’ kif u fiex intefqet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru kkonċernat.

Technical Document F – Verifika tal-Konformità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess tal-ippjanar jew tal-compliance, l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) jew l-Awtorità tal-Ippjanar jaraw li l-bini sar skont ir-rekwiżiti ta' Technical Document F, kif infurzati mill-Avviż Legali u inklużi bħala kundizzjonijiet tal-permessi tal-ippjanar?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f’seduta oħra.

Domanda għall-Elettriku – Tbassir 2027–2035

Question

Tista’ l-Ministru tispjega kif it-tkabbir fis-settur tal-kostruzzjoni, id-domanda akbar għat-tkessiħ (air conditioning), l-introduzzjoni ta’ vetturi elettriċi (EVs), u l-provvista tal-elettriku lill-vapuri mill-art (shore-to-ship power) qed jiġu riflessi u kkalkulati fit-tbassir tad-domanda massima għall-perjodu 2027–2035?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tbassir tad-domanda għall-elettriku u l-ippjanar tan-network isiru fuq bażi kontinwa u jiġu aġġornati regolarment fid-dawl ta’ data operattiva, ekonomika u infrastrutturali. Fil-proċess tat-tbassir jitqiesu fost oħrajn l-iżvilupp ekonomiku u demografiku, iż-żieda fl-elettrifikazzjoni tat-trasport inklużi vetturi elettriċi, żviluppi marbuta ma’ shore-to-ship power, it-tkabbir fl-attività turistika u kummerċjali, kif ukoll l-effett ta’ temperaturi ogħla u żieda fl-użu ta’ sistemi ta’ tkessieħ.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnhu hemm 66 proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru u 45 proprjetà li huma b’kirja m’għand il-privat.

Ministeru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm tmien proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-Gvern, u disà proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-privat, inkluż il-binja tal-Ministeru.

Ministeru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi – Proprjetajiet mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tagħha li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi fid-dekasteru li jiena responsabbli minnu hemm 142 -il proprjetà li hija b’kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru, propjetá waħda li hi mikrija mingħand l-Arċidjoċesi ta' Malta u 3 proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-privat.

Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej – Proprjetajiet mikrija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fid-dekasteru li jien risponsabbli minnu hemm 18 il-propjeta’ li hija b’kirja mingħand il-Gvern u 94  il-propjeta’ mingħand il-privat. Dawn jinkludu Ambaxxati u residenzi ta’ Ambaxxaturi barra l-pajjiż.