Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ir-Rabat, Malta – Triq Ġorġ Borg Olivier

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2764 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2024, jista’ l-Ministru jagħti update ta’ x’sar f’dawn l-aħħar tliet xhur fir-rigward ta’ Triq Ġorġ Borg Olivier, ir-Rabat, Malta, fid-dawl li dalwaqt se jerġgħu jibdew l-iskejjel u ser jiżdied iktar l-użu ta’ din it-triq u magħha jiżdiedu l-inkonvenjenzi, ħsarat lir-residenti u perikli?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

L-Isptar Mater Dei – Ħaddiema – Kundizzjonijiet għall-parkeġġ

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2763, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-ħaddiema tal-Gvern fl-Isptar Mater Dei għandhomx kundizzjonijiet differenti mill-ħaddiema tal-kuntrattur fir-rigward tal-parkeġġ tal-vetturi tagħhom waqt il-ħin tax-xogħol? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma dawn il-kundizzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Allied Health – Professjonisti

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3290 u jgħid kemm huwa l-headcount tal-professjonisti tal-allied health, maqsuma skont il-professjoni, u kemm huwa l-full-time equivalent għal kull professjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-headcount totali tal-Allied Health Professionals huwa ta’ 1,431 impjegat, b’Full-Time Equivalent (FTE) ta’ 1,377.185.

Allied Health Professionals li rritornaw mill-unpaid leave

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3289 u jgħid ⁠kemm daħlu lura Allied Health Professionals li kienu fuq unpaid leave f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma professjoni professjoni?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-numru ta’ Allied Health Professionals li daħlu lura wara li kienu fuq unpaid leave huwa kif ġej: 53 fl-2021; 42 fl-2022; 52 fl-2023; 51 fl-2024; u 61 fl-2025. Il-professjonijiet kienu jinkludi Audiologists, Dental Hygienists, Dental Technicians, Dieticians, Medical Laboratory Scientists, Nutritional Therapists, Occupational Therapists, Physiotherapists, Podiatrists, Radiographers u Speech and Language Pathologists.

Allied Health Professionals – Applikazzjonijiet għal telework

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3288 u jgħid ⁠kemm hemm Allied Health Professionals li applikaw għal sigħat ta’ telework, maqsuma professjoni professjoni, fis-snin 2024, 2025 u 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi illi fis-snin 2024, 2025 u 2026 daħlu dawn l-ammont ta’ applikazzjonijiet għal telework: Fl-2024, l-applikazzjonijiet kienu ta’ 2 Medical Laboratory Scientists, 3 Nutritional Therapists, 10 Occupational Therapists, Physiotherapist wieħed, u 36 Speech and Language Pathologists. Fl-2025, l-applikazzjonijiet kienu minn Medical Laboratory Scientist wieħed, 3 Nutritional Therapists, 15-il Occupational Therapist, Physiotherapist wieħed u 44 Speech and Language Pathologists. Fl-2026, l-applikazzjonijiet kienu jinkludu 2 Medical Laboratory Scientists, 3 Nutritional Therapists, 11-il Occupational Therapist, 2 Physiotherapists, Radiographer wieħed u 46 Speech and Language Pathologists.

Ħal Qormi – Triq il-Ħammieri – Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin f’partijiet minn Triq il-Ħammieri, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din l-istess triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Enemalta rigward it-tisħiħ fid-distribution network f’Ħal Qormi, li abbażi tagħhom ser ikun hemm pjan ħolistiku ta’ xogħlijiet f’Ħal Qormi.

Ħal Qormi – Triq San Edwardu – Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin f’partijiet minn Triq San Edwardu, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din l-istess triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Enemalta rigward it-tisħiħ fid-distribution network f’Ħal Qormi, li abbażi tagħhom ser ikun hemm pjan ħolistiku ta’ xogħlijiet f’Ħal Qormi.

Ħal Qormi – Triq il-Belt Valletta – Xogħlijiet

Question

Fid-dawl tal-istat ħażin f’partijiet ta’ Triq il-Belt Valletta, f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibda x-xogħol f’din it-triq?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa Infrastructure Malta għaddejja b’diskussjonijiet mal-Enemalta rigward it-tisħiħ fid-distribution network f’Ħal Qormi, li abbażi tagħhom ser ikun hemm pjan ħolistiku ta’ xogħlijiet f’Ħal Qormi.

FSWS Childcare – Carers barranin – Għarfien tal-lingwa Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm carers ta’ nazzjonalità barranija impjegati fis-servizz tal-FSWS Childcare, maqsuma skont kull ċentru? Jista’ jgħid ukoll jekk il-carers barranin kollha, impjegati f’dan is-servizz, għandhomx għarfien tal-lingwa Maltija u jekk dan l-għarfien jiġix verifikat?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

FSWS Childcare – Carers barranin – Għarfien tal-lingwa Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm carers ta’ nazzjonalità barranija impjegati fis-servizz tal-FSWS Childcare, maqsuma skont kull ċentru? Jista’ jgħid ukoll jekk il-carers barranin kollha, impjegati f’dan is-servizz, għandhomx għarfien tal-lingwa Maltija u jekk dan l-għarfien jiġix verifikat?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi d-domanda lill-Ministeru kkonċernat.

Skema biex iċċedi l-liċenzja tas-sewqan – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 908 u 2020 u jgħid kemm-il-żagħżugħ u żagħżugħa applikaw għall-iskema biex iċedu l-liċenzja tas-sewqan għal €25,000?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Ħal Tarxien – Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija – Spralli magħluqa bit-tarmak

Question

Fid-dawl li l-ispralli fi Triq Karlu Maratta kantuniera ma’ Triq Kalamija, Ħal Tarxien (biswit Ġnien Ovindoli) jinsabu magħluqin bit-tarmak, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn l-ispralli humiex se jibqgħu magħluqin jew jekk hemmx il-ħsieb li jerġgħu jinfetħu sabiex l-ilma tax-xita jkun jista’ jitbattal kif suppost?

Response (ATTARD, JONATHAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Servizzi tat-tindif – Ħaddiema impjegati mal-Gvern

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm ħaddiema impjegati direttament mal-Gvern li jaħdmu fis-servizzi tat-tindif, inklużi dawk assenjati fid-dipartimenti, entitajiet u aġenziji governattivi?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li fil-preżent hemm 627 ħaddiem li jaħdmu fis-servizzi tat-tindif fi ħdan id-Divizjoni għat-Tindif u Manutenzjoni assenjati skont il-ħtieġa.

Assigurazzjoni tal-kunsilliera lokali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm kunsilliera lokali f’Malta u Għawdex li ġew irrifjutati kopertura ta’ assigurazzjoni marbuta mal-qadi tad-dmirijiet tagħhom f’din il-leġiżlatura?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li ma hemmx kopertura ta’ assigurazzjoni speċifika marbuta mal-qadi tad-dmirijiet tas-Sindki u l-Kunsilliera Lokali. Għaldaqstant, ma tinżammx informazzjoni dwar każijiet fejn talbiet għal tali kopertura ġew irrifjutati matul din il-leġiżlatura.

Ix-Xgħajra – Rapporti dwar ġrieden

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm daħlu rapporti dwar il-preżenza ta’ ġrieden fil-lokalità tax-Xgħajra matul l-aħħar sena? Jista’ jgħid ukoll x’miżuri ttieħdu?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li, matul din is-sena, it-Taqsima tal-Pest Control Unit fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rċeviet erba’ lmenti relatati mal-preżenza ta’ ġrieden fil-lokalità tax-Xgħajra. Wara kull ilment, il-ħaddiema tal-Pest Control Unit ħadu l-miżuri meħtieġa billi wettqu trattament għall-kontroll tal-ġrieden fi żmien ftit jiem minn meta ġie riċevut l-ilment rispettiv. Dan apparti trattament iehor li jkun skedat matul is-sena.

Żoni turistiċi – Impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti – Studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern wettaqx studju li jkejjel l-impatt tat-turiżmu fuq il-kwalità tal-ħajja tar-residenti fiż-żoni turistiċi ewlenin u jekk iva, iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra dawn ir-riżultati?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żjarat minn turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għaxar lokalitajiet li rċevew l-akbar numru ta’ żjarat minn turisti matul l-2025 u l-ewwel sitt xhur tal-2026, u jindika l-metodoloġija użata biex jiġu kkalkulati dawn iċ-ċifri?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant, li fost l-aktar lokalitajiet li t-turisti jżuru l-aktar f’Malta, hemm: il-belt Valletta, l-Imdina/Ir-Rabat; Tas-Sliema; Marsaxlokk; iż-żona San Pawl il-Baħar, Buġibba u l-Qawra; t-tliet ibliet tal-Kottonera; San Ġiljan; Il-Mellieħa, Il-Mosta u Ħad-Dingli.

Turiżmu eċċessiv – Miżuri

Question

Fid-dawl tal-fatt li l-miri tal-EnVision 2050 fin-numru ta’ turisti li jżuru pajjiżna f’sena jidher illi marru ineżatti b’disa’ snin, jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri għandu ppjanati l-Gvern biex ibiegħed mill-komunitajiet f’pajjiżna r-riskju konkret tal-esperjenza ħażina ta’ turiżmu eċċessiv f’ċerti lokalitajiet bħalma huma San Ġiljan, is-Swieqi, Tas-Sliema, il-Belt Valletta, San Pawl il-Baħar u lokalitajiet oħra, jew matul ċerti perjodi tas-sena?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 3768.