Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm parking spots fil-Belt Valletta li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet statutorji, inklużi organizzazzjonijiet parastatali?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-Belt Valletta, hemm total ta’ 217 parking spots li qed isir użu minnhom mill-Gvern, Ministeri u awtoritajiet oħra.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid liema studju jew evalwazzjoni saret dwar l-aċċess lejn il-Mellieħa, l-Għadira u l-Qammieħ f’każ li jkun hemm inċident, għeluq ta’ triq jew emerġenza fuq waħda mir-rotot ewlenin waqt li l-impjant ikun qed jopera?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx evalwazzjoni tal-kapaċità tat-toroq ewlenin li jwasslu lejn il-Mellieħa, l-Għadira u l-Qammieħ biex jifilħu għan-numru addizzjonali ta’ vetturi tqal marbuta ma’ dan il-proġett, partikolarment matul ix-xhur tas-sajf? Jekk iva, jista' jqiegħed din l-evalwazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx Traffic Impact Assessment dwar dan il-proġett? Jekk iva, jista’ jqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra u jgħid meta sar, minn min sar u fuq liema volum ta’ traffiku kien ibbażat? Jekk għadu ma sarx, jista’ jgħid għaliex il-proċess tal-konċessjoni tnieda qabel ma sar dan l-istudju?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid liema rotot qed jiġu kkunsidrati għall-vetturi tqal li ser jittrasportaw id-demel, slurry u skart agrikolu lejn u mill-faċilità proposta? Jista’ jgħid ukoll jekk huwiex previst li dawn il-vetturi jgħaddu mix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, l-Għadira, il-Manikata jew toroq residenzjali oħra?
Response (BONETT, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 2632.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il moviment ta’ vettura tqila kuljum huwa stmat li ser jiġi ġġenerat minn din il-faċilità, kemm waqt il-fażi ta’ kostruzzjoni kif ukoll meta l-impjant ikun operattiv?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
B’referenza għall-proposta tal-Agricultural Waste Treatment Plant fil-Qammieħ, il-Mellieħa, jista’ l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet u reġjuni ta’ Malta huwa mistenni li jinġabar id-demel, slurry u skart agrikolu li ser jiġi trasportat lejn din il-faċilità? Jista’ wkoll jagħti stima ta’ kemm tunnellati fis-sena huma mistennija li jiġu ttrasportati minn kull lokalità jew reġjun?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa biex tiġi implimentata d-Direttiva tal-UE 2023/1544 li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2023/1544, li tistabbilixxi regoli armonizzati dwar id-deżinjazzjoni ta' stabbilimenti deżinjati u l-ħatra ta' rappreżentanti legali għall-fini ta' ġbir ta' evidenza elettronika fi proċedimenti kriminali, sar ix-xogħol meħtieġ sabiex id-dispożizzjonijiet tagħha jiġu trasposti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. F’dan ir-rigward, ġie iffinalizzat l-abbozz tal-leġiżlazzjoni ta’ traspożizzjoni fuq livell tekniku. Bħalissa għaddejjin l-aħħar diskussjonijiet qabel ma tali leġiżlazzjoni tgħaddi għall-fażijiet li jmiss.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Project Green, mit-twaqqif tal-aġenzija fl-2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra itemised break down tan-nefqa fuq it-tagħmir tal-uffiċċju tal-Climate Change Authority, mit-twaqqif tal-Awtorità fl-2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Tista’ wkoll għal kull item tgħid jekk in-nefqa saritx b’tender, b’sejħa għal kwotazzjonijiet, b’direct order, jew b’mod ieħor?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, sa mit-twaqqif tagħha, l-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima kompliet fejn kienet ħalliet l-Awtorità ta' Malta dwar ir-Riżorsi u baqgħet tinvesti f’tagħmir elettroniku modern li jsaħħaħ l-effiċjenza u l-effettività tal-operat. Dan it-tagħmir kien jikkonsisti prinċiparjament f’laptops/tablets, monitors, printers u apparat ieħor għal-laqgħat virtwali. In-nefqiet annwali kienu ta’ €5,899 fl-2024 (minn Novembru), €40,238 fl-2025 u €26,279 fl-2026 (sa Ottubru). L-apparat inxtara skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema Irrinova Darek għal kull reġjun fejn din l-iskema ħarġet? Jista’ jgħid ukoll kemm minnhom ġew rifjutati, kemm minnhom ġew approvati biex jidħlu fit-tielet fażi, u kemm minnhom ġie ffirmat il-kuntratt, maqsuma reġjun b’reġjun?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-iskema maħruġa fl-2025, fir-Reġjun tat-Tramuntana, kien hemm 2,139 applikazzjoni, li 1818 għaddew għat-tieni fażi, filwaqt li s’issa kien hemm 431 li għaddew għat-tielet fażi. Min-naħa l-oħra, fl-iskema maħruġa fl-2026, fir-Reġjun tan-Nofsinhar, kien hemm 1815 applikazzjoni li 1423 applikazzjoni għaddew għat-tieni fażi, filwaqt li għadu għaddej il-proċess għat-tielet fażi.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu applikazzjonijiet għall-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi mar-Regulator for Energy & Water Services (REWS) minn Ġunju 2025 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma xahar b’xahar, u fl-istess tabella tindika kemm minnhom ġew ipproċessati sal-lum, kemm ġew approvati, u kemm ġew rifjutati?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fl-2025, l-iskema tal-grant tal-batteriji domestiċi kienet miftuħa bejn Frar u Awwissu. Matul dan il-perjodu, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS), irċieva 3,248 applikazzjoni li minnhom ġew approvati 3,122 u m’hemm l-ebda pendenza. Din is-sena l-iskema reġgħet fetħet f’April u n-numru t’applikazzjonijiet li rċieva l-Uffiċċju tar-Regolatur kien jammonta għal 3,433. Minn dawn s’issa ġew approvati 1,953, filwaqt li 37 ġew rifjutati.
Tista’ l-Ministru tagħti lista tal-ħsarat (faults) kollha li ġew reġistrati fuq in-network tal-Enemalta f’Lulju u Awwissu 2026, u fl-istess lista tindika:
x’kienet il-kawża tal-ħsara;
meta ġiet installata l-ġonta jew it-tagħmir li kellu l-ħsara;
min hu l-manifattur;
meta u x’ħin kien meta ġie rappurtat jew innutat; u
meta u x’ħin kien meta ġie msewwi?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qiegħda attwalment tiġi miġbura u eżaminata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) fil-kuntest ta’ proċess ta’ awditjar li għadu għaddej.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm foster carers liċenzjati u attivi, kemm hemm tfal fil-foster care maqsuma bejn subien u bniet u jekk hux kien Foster Care jew non-related? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm tfal qed jistennew foster placement, kemm foster carers waqfu joffru l-impenn tagħhom f’dan fil-qasam matul dawn l-aħħar ħames snin, u jekk sarux studji dwar ir-raġunijiet għal dan, filwaqt li jqiegħed ir-riżultati ta’ dawn l-istudji, jekk jeżistu, fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment
ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema soċjali impjegati fis-servizzi tal-protezzjoni tat-tfal, fis-servizz tal-Looked After Children, fil-Fostering u l-Adozzjoni? Jista’ jgħid ukoll kemm ħaddiema soċjali rreżenjaw mill-impjieg tagħhom f’dawn is-servizzi, jekk hemmx nuqqas ta’ riżorsi umani f’dawn is-servizzi, u f’każ li hemm nuqqas, x’miżuri qed jittieħdu sabiex dan in-nuqqas jiġi indirizzat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment
ninforma lill-Onorevoli interpellant, li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.
Avukati tat-Tfal – Standards/linji gwida nazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx standards jew linji gwida nazzjonali li jirregolaw il-funzjonijiet tal-Avukati tat-Tfal, inkluż kemm-il darba għandhom jiltaqgħu mat-tifel jew mat-tifla qabel is-smigħ tal-Qorti, x’azzjonijiet dixxiplinarji jittieħdu meta jonqsu milli jwettqu dmirijiethom jew ma jattendux għas-smigħ tal-Qorti, u kemm-il darba kien hemm tfal mhux akkumpanjati minn Avukat tat-Tfal?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Avukati tat-Tfal maħtura sabiex jirrappreżentaw lit-tfal fi proċeduri quddiem il-Qrati jirċevux taħriġ speċjalizzat dwar kif għandhom jintervistaw lit-tfal, evidence-based, child-centred inkluż tekniċi ta' intervista ċċentrati fuq it-tfal, adattati għall-età tagħhom, newtrali u mingħajr mistoqsijiet suġġestivi, sabiex il-fehmiet tat-tfal jiġu espressi b'mod ħieles u affidabbli?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili – Proprjetajiet mikrija
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tagħha li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm tmien (8) proprejtajiet li huma b’kirja mingħand il-privat fil-Ministeru għall-Ugwaljanza u Drittijiet Ċivili, inkluż id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu.
Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali – Proprjetajiet mikrija
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm proprjetà fid-dekasteru tiegħu li hi mikrija u kemm titħallas kera fis-sena?
Response (FARRUGIA, OMAR)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fid-dekasteru li jien responsabbli minnu hemm żewġ proprjetajiet li huma b’kirja mingħand il-Gvern, inkluż il-binja tal-Ministeru u proprjeta’ waħda li hija b’kirja mingħand il-Knisja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew imressqa ilmenti quddiem id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali (DIER) bejn Jannar u Ġunju 2026? Jista’ jgħid ukoll f’kemm minn dawn il-każijiet id-dipartiment aġixxa ta’ intermedjarju bejn min iħaddem u l-ħaddiem?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.