Legislature:
Category:
Reset
Active:

Short-term rentals mingħajr liċenzja tal-MTA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew identifikati proprjetajiet li kienu qed joperaw bħala akkomodazzjonijiet turistiċi għal żmien qasir (short-term rentals) mingħajr liċenzja tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) matul l-2025 u l-2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Jista’ jgħid ukoll kemm ittieħdu azzjonijiet ta’ infurzar u kemm ġew sospiżi jew revokati liċenzji?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2025 l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu identifikat 58 proprjetà li kienu qed joperaw bħala akkomodazzjonijiet turistiċi għal żmien qasir (short-term rentals) mingħajr il-liċenzja meħtieġa. B'rabta ma' dawn il-każijiet ittieħdu azzjonijiet ta' infurzar u nħarġu 116-il multa amministrattiva li jinkludu nuqqasijiet oħra. Matul is-sena 2026 sal-ġurnata li fiha qed tingħata din it-tweġiba ġew identifikati 70 proprjetà li kienu qed joperaw mingħajr il-liċenzja meħtieġa filwaqt li nħarġu 155 multa amministrattiva.

Short-term rentals – Stabbilimenti liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm stabbilimenti liċenzjati ta’ akkomodazzjoni turistika għal żmien qasir (short-term rentals) li bħalissa qed joperaw f’Malta u Għawdex, maqsuma skont il-lokalità?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2074.

Tourism Community Support – Estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett pilota ta’ Tourism Community Support hux se jiġi estiż għal lokalitajiet turistiċi oħra u, jekk iva, jelenka dawn il-lokalitajiet u t-timetable għall-implimentazzjoni?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota Tourism Community Support jinvolvi numru ta’ Ministeri li qed jikkolaboraw flimkien fuq numru ta’ inizzjattivi sabiex jilħqu l-mirijiet tal-proġett. L-intenzjoni tal-Gvern hija li dan il-proġett jiġi estiż għal lokalitajiet oħra ġaladarba jiġi konkluż il-proġett pilota u jsiru l-evalwazzjonijiet neċessarji.

San Ġiljan u l-Belt Valletta – Tourism Community Support – Rapport

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport dettaljat dwar il-proġett pilota ta’ Tourism Community Support li qed jopera f’San Ġiljan u l-Belt Valletta, inkluż in-numru ta’ lmenti riċevuti, il-miżuri implimentati, in-nefqa magħmula u r-riżultati miksuba sal-lum?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett pilota Tourism Community Support fil-Belt Valletta u fis-Swieqi huwa intiż sabiex isaħħaħ il-monitoraġġ, l-infurzar u l-koordinazzjoni bejn l-entitajiet konċernati, bil-għan li jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv kwistjonijiet relatati mal-attività turistika u l-impatt fuq il-komunitajiet lokali. Dan il-proġett pilota kien jikkonsisti f’numru ta’ inizjattivi minn diversi Ministeri u li s’issa għadu mhux konkluż. Ir-rwol tal-MTA f’dan il-proġett kien jiffoka fuq finanzjament fis-sistemi tal-monitoraġġ (CCTV) lill-Kunsill Lokali tas-Swieqi u sistema sperimentali ta’ sound level monitoring fil-Belt Valletta. L-MTA kienet ukoll involuta f’inizjattivi ta’ infurzar kemm fis-Swieqi, kif ukoll fil-Belt Valletta, fejn saru mijiet ta’ spezzjonijiet f’postijiet t’akkomodazzjoni turistika. Aktar dettalji jkunu jistgħu jingħataw galadarba il-proġett pilota jkun konkluż.

NGOs – Servizzi – Persuni li bbenefikaw

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw minn servizzi mogħtija mill-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru fl-aħħar sentejn, maqsuma skont l-NGO, is-servizz u s-sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva tagħha.

NGOs – Servizzi permezz ta’ finanzjament

Question

Jista’ l-Ministru jelenka l-NGOs li jipprovdu servizzi permezz ta’ finanzjament mill-Ministeru, u jispeċifika s-servizzi u l-ammonti mħallsa lil kull waħda fl-aħħar sentejn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva tagħha.

NGOs – Applikazzjonijiet għal finanzjament

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm applikaw NGOs għal finanzjament fl-aħħar sentejn, kemm ġew aċċettati u kemm ġew miċħuda, maqsuma skont l-iskema u s-sena?

Response (FARRUGIA, JULIA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS Luqa – Studenti li tkeċċew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tkeċċew studenti mill-ITS Luqa wara li ripetutament fallew il-lectures tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm drabi waslu tard/kienu assenti qabel tkeċċew mill-korsijiet tagħhom?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta sabiex tirreferi d-domanda lill-Ministru kkonċernat.

ITS Luqa – Studenti li tkeċċew

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tkeċċew studenti mill-ITS Luqa wara li ripetutament fallew il-lectures tagħhom? Jista’ jgħid ukoll kemm drabi waslu tard/kienu assenti qabel tkeċċew mill-korsijiet tagħhom?

Response (ABELA, JO ETIENNE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat li meta student/a jibda jkun assenti, hemm l-Istudent Retention Unit kif ukoll il-counsellors li jiltaqgħu mal-istudent/a biex jaraw x’inhi r-raġuni ta’ dan l-assentijiżmu u jsir kull sforz biex l-istudent/a jiġi mgħejjun.  Jekk l-istudent/a tippersisti u ma tattendix, l-istudent/a jiġi nnotifikat bit-terminazzjoni bid-dritt għall-appell. Matul is-sena akkademika 2025/6, total ta’ 35 student ġew imwaqqfa milli jkomplu l-istudji tagħhom.  Fil-każijiet kollha msemmija, din it-terminazzjoni daħlet fis-seħħ malli l-istudenti qabżu l-massimu ta' 20% assenzi permessi skont ir-regoli u r-regolamenti.

Għawdex – Day-trippers/turisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irreġistrati day-trippers f’Għawdex bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm turisti żaru Għawdex u qattgħu mill-inqas lejl wieħed hemmhekk, bejn l-2020 u l-2026, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba il-mistoqsija parlamentari, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinġabar u tiġi ppubblikata mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) permezz ta’ pubblikazzjonijiet uffiċjali relatati mal-istatistika tat-turiżmu, li huma aċċessibbli għall-pubbliku. Madankollu, qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni estratta mir-rapporti relevanti tal-NSO. Filwaqt li dan ir-rapport jipprovdi informazzjoni sat-tieni trimestru tas-sena kurrenti, rapport ieħor maħruġ mill-istess entita’ juri li sa’ Awwissu tas-sena 2026, l-ammont ta’ turisti internazzjonali li żaru Għawdex u Kemmuna fi żjara ta’ ġurnata ( day-trippers ) kien 1,645,031, filwaqt li dawk li raqdu lejl wieħed jew aktar f’Għawdex jew Kemmuna ammontaw għal 149,350.

Uffiċjali tal-Pulizija – Skwadra ta’ Kontra d-Droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali tal-Pulizija attwalment assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta, maqsuma skont il-grad, u kemm kien hemm uffiċjali assenjati ma’ din l-Iskwadra matul l-aħħar għaxar snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll x’investiment huwa ppjanat fir-riżorsi umani u fit-tagħmir sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga f’Għawdex?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninsab infurmat li n-numru attwali ta’ uffiċjali assenjati mal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’Malta u Għawdex, maqsum skont il-grad, kif ukoll iċ-ċifri annwali tal-aħħar għaxar snin, jinsabu fit-tabella mehmuża. L-Iskwadra tifforma parti mid-Dipartiment tal-Kriminalità Organizzata u taħdem mill-qrib mal-Criminal Intelligence and Analysis Unit (CIAU), li tanalizza informazzjoni u intelligence dwar it-traffikar tad-droga u l-kriminalità organizzata, f’kollaborazzjoni ma’ aġenziji internazzjonali tal-infurzar tal-liġi. Il-Korp tal-Pulizija jkompli jinvesti fir-riżorsi umani, f’tagħmir modern u f’software speċjalizzat biex isaħħaħ il-kapaċità investigattiva u analitika tiegħu. Din il-ħidma tikkontribwixxi għall-identifikazzjoni u ż-żarmar ta’ gruppi kriminali organizzati, kif ukoll għall-qbid tal-assi ġġenerati minn attivitajiet. L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Servizz tal-Fast Ferry – Reviżjoni tal-iskeda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed jikkunsidra li jirrevedi l-iskeda tas-servizz tal-Fast Ferry sabiex: i.    jiġi introdott vjaġġ fit-8:45 ta’ filgħodu mill-Imġarr, Għawdex lejn il-Belt Valletta, biex jiġu moqdija aħjar l-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin; u ii.   kull nhar ta’ Ġimgħa u nhar ta’ Sibt, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex jitlaq fil-23:45, biex ir-residenti Għawdxin jiġu moqdija aħjar?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħala Ministeru naħdmu sabiex niżguraw li s-servizz ikompli jilħaq il-ħtiġijiet tal-passiġġieri u joffri konnessjonijiet li jirrispondu aħjar għall-bżonnijiet ta’ dawk kollha li jagħmlu użu minnu, b’mod partikolari r-residenti Għawdxin. Fil-fatt, wara r-rispons pożittiv ħafna għall-estensjoni tal-ħinijiet tas-servizz matul ix-xhur tas-sajf, saru diskussjonijiet mal-operatur sabiex dawn il-ħinijiet estiżi jkunu jistgħu jinżammu wkoll matul l-iskeda tax-xitwa. Kien proprju għalhekk li lbieraħ ħabbart li s-servizz tal-Fast Ferry se jibqa’ jopera sa tard filgħaxija anke matul ix-xhur tax-xitwa, fejn nhar ta’ Ġimgħa, Sibt u Ħadd, l-aħħar vjaġġ mill-Belt Valletta lejn l-Imġarr, Għawdex, se jitlaq fil-23:45.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Papa Ġwanni Pawlu II – Proġett tal-akwadott

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u konservazzjoni tal-akwadott fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid liema xogħlijiet tlestew, liema għadhom pendenti u jekk tlestewx l-istudji u l-preparamenti għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jaħdmu ħaddiema kuljum fuq il-proġett u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ir-Rabat, Għawdex – Triq Papa Ġwanni Pawlu II – Proġett tal-akwadott

Question

Jista’ l-Ministru jagħti aġġornament dwar il-proġett ta’ konsolidazzjoni strutturali u konservazzjoni tal-akwadott fi Triq Papa Ġwanni Pawlu II, ir-Rabat, Għawdex? Jista’ jgħid liema xogħlijiet tlestew, liema għadhom pendenti u jekk tlestewx l-istudji u l-preparamenti għall-fażijiet sussegwenti tal-proġett? Jista’ jgħid ukoll kemm qed jaħdmu ħaddiema kuljum fuq il-proġett u meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li  x-xogħlijiet ta’ skavar u t-tneħħija tal-ħamrija madwar l-ewwel medda tlestew u tpoġġew il-micropiles. Sar ukoll iż-żarmar bir-reqqa ta’ partijiet mill-akkwedott. Dan kien jinkludi n-numerazzjoni u r-reġistrazzjoni ta’ kull element tal-ġebel individwali sabiex tiġi ffaċilitata r-reinstallazzjoni tagħhom. Saru xi reviżjonijiet dwar il-metodoloġiji għall-konservazzjoni u l-interventi strutturali għall-ewwel sezzjonijiet tal-akkwedott u ġew iffinalizzati aktar dettalji strutturali.

Għawdex – L-Għar ta’ Calypso – Xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema stadju jinsab bħalissa l-proġett tal-Għar ta’ Calypso f'Għawdex? Jista’ jgħid ukoll meta huwa mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet u meta l-Għar se jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għal Għawdex – Każ ta’ individwu – Ħatriet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kienx appuntat f’bordijiet u kumitati fid-dekasteru li għalih hu responsabbli fid-29 ta’ Mejju 2026? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx hemm ħatriet simili fil-perjodu ta’ wara u jekk kien hemm, jipprovdi dettalji dwar il-ħlas marbut magħhom?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li qed issir referenza għaliha, sa nhar id-29 ta’ Mejju ta’ din is-sena ma kinitx isservi fil-bordijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex, inklużi l-Bordijiet tal-Awtorita tal-Ippjanar. Il-persuna indikata lanqas ma qiegħda sservi f’xi bordijiet li naħtru mill-bidu ta’ din il-leġiżlatura sal-lum.

Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel - Lista ta’ konsulenzi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 752 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Ministeru għas-Saħħa - Lista ta’ konsulenzi

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 749 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-konsulenzi kollha mogħtija mill-Ministeru u l-entitajiet tiegħu matul l-2025 u l-2026 relatati mal-Intelliġenza Artifiċjali, it-trasformazzjoni diġitali jew il-Malta Business Wallet, flimkien mal-valur ta' kull kuntratt, il-metodu ta' akkwist u l-isem tal-fornitur?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ministeru għas-Saħħa ingaġġa l-għajnuna tal-kumpaniji KPMG u EY għall-konsulenzi u xogħlijiet ta’ preparazzjoni dwar it-Tranżformazzjonijiet Diġitali fis-settur tas-Saħħa Pubbliku, skont il-proċeduri tar-Regolamenti dwar l-Akkwist Pubbliku.