Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma - Stabbilimenti industrijali u kummerċjali - Spezzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 2461, tista’ l-Ministru tgħid kemm saru spezzjonijiet u kemm ittieħdu kampjuni ta’ skart likwidu minn stabbilimenti industrijali u kummerċjali mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma matul is-sena 2025 u mill-1 ta’ Jannar 2026 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, kemm minn dawn l-ispezzjonijiet jew kampjuni żvelaw ksur tal-limiti legali jew kundizzjonijiet imposti, u x’miżuri ta’ infurzar ittieħdu f’dawn il-każijiet?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninsab infurmata li fis-sena 2025 saru 3,508 spezzjoni, inġabru 450 kampjun u nħarġu 348 NTC (Notice to comply) li jinkludu fost affarijiet oħrajn eċċedenzi kimiċi ta' kampjuni, nuqqasijiet ta’ dokumentazzjoni u twaqqif ta’ prattiċi jew bżonn ta’ modifikazzjonijiet interni mill-operaturi. Filwaqt li fis-sena 2026 sal-Ġimgha 23 t’Ottubru, saru 2,709 spezzjoni, nġabru 657 kampjun u nħarġu 510 NTC. Apparti minn hekk, inħarġu wkoll 49 ittra legali fl-2025 u 60 oħra din is-sena.

Is-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan - Stazzjonijiet ta’ monitoraġġ tal-kwalità tal-arja

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1961, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) hix qed tikkunsidra li twettaq monitoraġġ aktar immirat u kontinwu tal-kwalità tal-arja fiż-żona tas-Swieqi, Pembroke u San Ġiljan, b’mod partikolari matul il-ħinijiet ta’ filgħaxija u billejl, sabiex jiġu identifikati u evalwati l-irwejjaħ u l-emissjonijiet attribwiti lill-impjant inkwistjoni? Tista’ tgħid ukoll liema sustanzi li jniġġsu, minbarra l-benzin, ġew imkejla jew ser jiġu mkejla, u jekk ir-riżultati tal-monitoraġġ humiex ser jiġu ppubblikati b’mod regolari għall-informazzjoni tar-residenti?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li b’żieda mat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 1958 u 1961, is-sustanzi li ġew imkejjla huma dawk relevanti għall-każ u kif regolati mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Ir-riżultati minn Novembru 2023 s’Awwissu 2026 indikaw livelli ta’ benzin taħt il-limiti stabbiliti fid-direttiva. Abbażi tal-evidenza disponibbli, l-ERA tqis li l-monitoraġġ li sar huwa adegwat.

Operat ta’ impjant - Spezzjonijiet/investigazzjonijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1959, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-operatur tal-impjant inkwistjoni għandux il-permessi u l-awtorizzazzjonijiet ambjentali meħtieġa skont il-liġi, f’liema stadju jinsab il-proċess għall-ħruġ tal-permess ambjentali, u liema miżuri konkreti ntalab jimplimenta l-operatur sabiex jiġu evitati jew imnaqqsa rwejjaħ u emissjonijiet mill-operat tiegħu? Tista’ tgħid ukoll jekk ġiex stabbilit terminu għall-implimentazzjoni ta’ dawn il-miżuri?

Response (DALLI, MIRIAM)

B’żieda mat-tweġiba li  tajtha għall-mistoqsija parlamentari 1959, ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-impjant inkwistjoni ngħata clearance mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) fit-2 ta’ Frar 2026. Il-clearance hija valida għal erba’ snin, u l-operatur irid japplika għal permess ambjentali matul dan il-perjodu. Il-clearance tinkludi kundizzjoni li permezz tagħha l-operatur meħtieġ jissottometti, fi żmien tliet xhur, rapport li jidentifika s-sorsi t’emissjonijiet u rwejjaħ mill-operat tiegħu u x’miżuri huma proposti biex dawn jiġu indirizzati, kif ukoll it-terminu ta’ żmien għat-twettiq ta’ kull miżura proposta. Ir-rapport mitlub ġie sottomess u l-ERA talbet lill-operatur jindirizza xi aspetti indikati fir-rapport li ma kienux għas-sodisfazzjon tal-Awtorità.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Impatt ambjentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar l-impatt tal-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ fuq il-kwalità tal-arja, l-istorbju u l-irwejjaħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Studju dwar l-impatt fuq it-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx studju dwar l-impatt tat-traffiku addizzjonali li se tiġġenera l-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ fuq it-toroq tal-Mellieħa, u jekk iva, iqiegħed kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Rotot tat-trakkijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema rotot se jużaw it-trakkijiet li se jservu l-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Impatt fuq it-traffiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jiżdiedu l-vjaġġi ta’ trakkijiet kuljum minn u lejn il-faċilità proposta għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Teħid ta’ art agrikola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se tittieħed art agrikola għall-bini tal-Faċilità Nazzjonali għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu fil-Qammiegħ, u jekk iva, kemm?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mellieħa – Faċilità għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu – Għażla tas-sit

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex intgħażlet iż-żona tal-Qammiegħ, fil-Mellieħa, għall-bini tal-Faċilità Nazzjonali għat-Trattament tal-Iskart Agrikolu, u liema siti alternattivi ġew ikkunsidrati?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Tilqim tal-influwenza

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm wasal tilqim tal-influwenza f'Malta, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa għandu biżżejjed dożi tat-tilqima kontra l-influwenza sabiex ikopri l-ammonti meħtieġa għall-kampanja ta' din is-sena. Nieħu l-okkażjoni sabiex inħeġġeġ lill-Onor. Interpellant, kif ukoll lill-pubbliku inġenerali, sabiex ukoll jieħu t-tilqima.

Valletta Management Plan

Question

Jista' l-Ministru jgħid: i.    x'inhi l-ħidma involuta mill-Valletta Management Plan; ii.   taħt min taqa' r-responsabbiltà tiegħu; iii.  x'koordinament hemm bejn il-Valletta Management Plan u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta; u iv.  kemm għandu Valletta Stewards ingaġġati, x'inhu r-rwol tagħhom, x'rendikont jagħtu u lil min?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Valletta Management Plan Unit twaqqaf sabiex ikun ta’ sosten għall-istakeholders li jikkordinaw ħidma fil-Belt Valletta fosthom, il-Kunsill Lokali. Il-Valletta Stewards huma mmexxija minn żewġ TeamLeaders, li jaraw li l-ħidma hija waħda koordinata.

Birkirkara – Knisja ta’ Santa Marija – Xogħol ta’ restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' restawr mid-Direttorat tar-Restawr fil-Knisja l-Qadima (iddedikata lil Santa Marija) f'Birkirkara, skont il-ftehim iffirmat bejn il-Gvern u l-Knisja lura għad-9 ta' Mejju tal-2020 mill-Ministru ta' dak iż-żmien?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lix-xogħol preparatorju ta’ monitoraġġ u studju biex jiġi iddeterminat x’qed jikkawża il-ħsara fil-Knisja ta’ Santa Marija f’Birkirkara sar b’kollaborazzjoni bejn id-Dipartiment tar-Restawr u l-Preservazzjoni u l-espert ġeotekniku imqabbad mill-Kurja. Bħalissa qed jiġu iffinalizzati t-tħejjijiet bil-għan li jinbeda l-ewwel fażi tal-intervent ta’ konsolidament fil-ġimgħat li ġejjin.

Il-Mosta u Ħ’Attard – Skejjel primarji Statali – Outings

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'tip ta' ħruġ, ossia outings, edukattivi saru matul is-sena skolastika li għaddiet u dawk pjanati għal dik preżenti, għall-istudenti fl-iskejjel primarji statali ġewwa l-Mosta u Ħ'Attard, b'referenza partikolari għal outings kulturali?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li jsiru diversi ħarġiet b’għanijiet edukattivi importanti, fosthom dawk marbuta mal-kultura, ix-xjenza u l-isport. Fost oħrajn, saru u se jsiru dawn it-tip ta’ ħarġiet: fieldwork tas-Social Studies fl-Imdina, Marsaxlokk, il-Belt Valletta, Ħaġar Qim u l-pjazza tal-Mosta u l-inħawi ta’ madwarha; is-Science Fair; żjarat lil Buskett u lis-Simar; eżerċizzju ta’ tranżizzjoni fis-Skola Medja tan-Naxxar; żjara fl-Akkwarju; Maths Trails fil-Birgu u f’San Anton; trekking fil-Ħad-Dingli; il-ħarġa tal-Matematika u x-Xjenza “X’Hemm l-Imdina?”; żjara f’Xrobb l-Għaġin; żjara fil-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu; il-Handball Tournament, l-MSG Basketball Tournament u l-Boys Football Tournament; il-Kwiż RTK tar-rivista Sagħtar; il-Pantomime tal-Milied; żjara fl-Esplora; fieldwork tax-Xjenza fil-Ġnien Victor Calvagna; żjara fix-xelter tal-gwerra u fil-koppla tar-Rotunda tal-Mosta; kif ukoll diversi żjarat marbuta mal-Ġimgħa l-Kbira fil-Birgu u fil-Mosta.

Kunsilli Lokali – Proġetti li twettqu taħt il-ftehim preċedenti

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-123 proġett li twettqu taħt il-ftehim preċedenti mal-Kunsilli Lokali, u għal kull wieħed tagħti l-isem tal-proġett, il-lokalità, l-ispiża, id-data tat-tlestija u min wettaq ix-xogħol? Tista’ wkoll tindika liema minn dawn il-proġetti kienu mitluba mill-kunsilli lokali rispettivi?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 4195.

Xogħlijiet pubbliċi – Proġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet pubbliċi għaddejjin bħalissa, maqsuma lokalità b’lokalità, u għal kull proġett tispeċifika meta beda, kemm ilu għaddej ix-xogħol u meta ser jitlesta?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellanta għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 4195.

Xogħlijiet pubbliċi mwettqa

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont tax-xogħlijiet pubbliċi li twettqu matul l-aħħar tliet snin, sal-aħħar ta’ Settembru 2026, maqsuma sena b’sena u lokalità b’lokalità?

Response (ZERAFA CIVELLI, ALISON)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li x-xogħlijiet pubbliċi mwettqa matul l-aħħar tliet snin kienu jinkludu diversi interventi ta’ manutenzjoni, titjib, tisbiħ u riġenerazzjoni f’diversi lokalitajiet madwar il-pajjiż. Dawn l-interventi saru bħala parti mill-ħidma kontinwa sabiex titjieb l-infrastruttura pubblika, l-ambjent urban u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti, filwaqt li jiġu indirizzati l-ħtiġijiet u l-prijoritajiet li jinqalgħu minn żmien għal żmien fil-komunitajiet differenti. Il-ħidma tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi hija waħda kontinwa u tinvolvi interventi li jkunu jinsabu fi stadji differenti ta’ ppjanar u implimentazzjoni, skont in-natura, il-kumplessità u l-ħtiġijiet ta’ kull proġett. Din il-ħidma ssir ukoll b’koordinazzjoni mal-kunsilli lokali u mal-entitajiet konċernati, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet identifikati. Il-progress tal-interventi jiġi segwit kontinwament, filwaqt li l-perjodu ta’ implimentazzjoni u t-tlestija ta’ kull proġett jiddependu minn diversi fatturi tekniċi, amministrattivi u operattivi, bl-għan ewlieni jibqa’ li x-xogħlijiet jitwettqu bl-aktar mod effiċjenti u fl-aħjar interess tal-komunitajiet konċernati.

Tenders għal sinjali tat-traffiku – Kumpaniji/koperattivi – Ksur tal-kuntratti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar ħames snin qatt itteħdux passi kontra l-kumpaniji/koperattivi li ngħataw tenders biex jipprovdu sinjali tat-traffiku għal xi ksur tal-kuntratti?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Transport Malta – Sinjali tat-traffiku – Spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’dawn l-aħħar ħames snin qatt sarux spezzjonijiet biex ikun żgurat li s-sinjali tat-traffiku li tqiegħdu huma konformi mal-istandards mitluba minn Transport Malta? Jekk iva, jista’ jgħid x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.

Tenders għal sinjali tat-traffiku – Kumpaniji/koperattivi – Ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset kull waħda mill-kumpaniji/koperattivi li ngħataw tenders biex jipprovdu sinjali tat-traffiku matul l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninform lill-Onor. Ineterpellant illi din ir-risposta ser tinġħata f'xi seduta oħra.