Legislature:
Category:
Reset
Active:

Formolarju tal-Gvern – Mediċini

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka kemm hemm mediċini fuq il-Formolarju tal-Gvern li jiġu offruti b’xejn? Jista’ jgħid ukoll liema huma l-ogħla tliet mediċini u għal liema kura jiġu użati?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li bħalissa, hemm 1,388 mediċina elenkati fuq il-Formolarju tal-Gvern li jiġu offruti lill-pazenti bla ħlas. Ta’ min jinnota li l-prezz waħdu mhux dejjem jirrifletti l-ispiża tat-trattament, peress li l-mod u t-tul tal-użu jvarjaw bejn mediċina u oħra.

Bereġ – Xogħlijiet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħmel elenku tax-xogħol li sar fil-bereġ madwar Malta u Għawdex mill-2020 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li mill-2020 'il quddiem, id-Dipartiment tal-Kura tas-Saħħa Primarja kompla jwettaq pjan estensiv ta' mmodernizzar u ftuħ ta' kliniki fil-komunità (bereġ) madwar Malta u Għawdex. Permezz ta’ investiment kontinwu, infetħu jew ġew ipprovduti mill-ġdid servizzi f’dawn il-bereġ li qed iservu biex iressqu l-kura tas-saħħa eqreb lejn iċ-ċittadini. Il-lokalitajiet fejn infetħu jew ġew rinovati dawn il-bereġ mill-2020 'il quddiem jinkludu dawn li ġejjin, imqassma skont ir-reġjuni: Reġjun Nofsinhar u Port •    Marsaxlokk •    Ħaż-Żabbar •    Ħal Tarxien •    Santa Luċija •    Il-Fgura •    Iż-Żejtun •    Ħal Għaxaq •    Il-Gudja •    Iż-Żurrieq •    Ħal Safi •    Birżebbuġa •    Marsaskala •    Il-Kalkara •    Il-Qrendi Reġjun Ċentrali u Tramuntana •    Il-Ħamrun •    Ħ’Attard •    Ħad-Dingli •    Tal-Pietà •    Il-Mellieħa •    Il-Belt Valletta •    Ta' Xbiex •    Tas-Sliema •    In-Naxxar •    L-Iklin •    Ħal Għargħur •    Is-Siġġiewi •    San Ġiljan •    L-Imġarr Għawdex •    L-Għarb •    Il-Qala •    Ix-Xewkija

Ċentri tal-Kura Primarja – Investiment f’manutenzjoni u tisbiħ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa l-valur f’termini ta’ flus li kienu investiti f’ċentri ta’ kura Primarja madwar Malta u Għawdex (minbarra l-isptar reġjonali Ċensu Moran), biex saret manutenzjoni jew tisbiħ?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li l-ispiża totali fuq tisbiħ, tiswijiet u manutenzjoni, kif ukoll investimenti kapitali oħra, inkluż għamara, fixtures u fittings oħra relatati ma’ xogħlijiet ta’ rinnovazzjoni u titjib, f’ċentri ta’ Kura Primarja għas-snin 2020 sa Settembru 2026, hija ta’ €12,818,278.

Sptar Reġjonali Ċensu Moran – Persuni li għamlu użu mis-servizzi

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm kien in-numru ta’ pazjenti li għamlu użu minn xi wieħed mis-servizzi offruti mill-isptar reġjonali Ċensu Moran, mill-ftuħ tiegħu sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (BORG, IAN)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani - Baġit allokat

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3080, 3314 u 3862 u jgħid kemm kien il-baġit allokat lill-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Anzjani fl-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid ukoll kemm effettivament intnefaq minn dawn l-allokazzjonijiet?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanta għall-estimi finanzjarji tas-snin relattivi li kopja tagħhom diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

San Ġiljan – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3884 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’San Ġiljan? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Tas-Sliema – Encroachments u okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika – Multi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3883 u jgħid x’inhu l-ammont ta’ multi imposti jew mitluba f’każijiet ta’ “encroachments” jew okkupazzjoni illegali ta’ art pubblika f’Tas-Sliema? Jista’ wkoll jindika jekk dawn il-multi humiex qed jitħallsu fil-ħin u jekk il-ħlasijiet kollha dovuti humiex aġġornati? Jista’ jipprovdi, f’tabella, id-dettalji ta’ kull każ inkluż l-ammont tal-multa imposta, l-ammont miġbur s’issa, l-ammont pendenti u, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħuda biex jinġabru l-ammonti dovuti?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Id-Dipartiment tal-Artijiet – Rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman – Implimentazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3882 u jgħid meta ser jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman dwar iż-żjarat fuq il-post minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jiġu mmarkati b’mod ċar il-konfini tal-art okkupata illegalment u jispjega għaliex dawn ir-rakkomandazzjonijiet għadhom ma ġewx implimentati?

Response (BONNICI, OWEN)

It-tweġiba tingħata f'seduta oħra.

Kriterji kliniċi użati għall-imwiet bi sħana eċċessiva

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3183 u 3583 u jgħid liema definizzjoni, kriterji kliniċi, kriterji epidemioloġiċi u metodoloġija jintużaw mill-awtoritajiet tas-saħħa sabiex mewta tiġi identifikata u kklassifikata bħala relatata mas-sħana eċċessiva? Jista’ jispeċifika: (a) liema kodiċijiet tal-ICD-10 jintużaw, inklużi X30 u T67 u s-sottokategoriji tagħhom; (b) jekk jiġux eżaminati kemm il-kawża prinċipali kif ukoll il-kawżi sekondarji jew kontributorji fuq iċ-ċertifikat tal-mewt; (c) jekk jitqisux ir-rekords mediċi u tal-isptar, iċ-ċirkostanzi tal-esponiment u d-data meteoroloġika; (d) kif jiġu identifikati każijiet fejn is-sħana aggravat kundizzjoni kronika jew kundizzjoni eżistenti; u (e) jekk il-metodoloġija hijiex konformi mal-linji gwida tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa u mal-prattika Ewropea rikonoxxuta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li r-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet jikkodifika l-kawżi tal-mewt skont l-ICD-10 u l-linji gwida tal-WHO. Għall-imwiet relatati mas-sħana jintużaw il-kodiċijiet X30 u E86, filwaqt li T67 ma tistax tintuża bħala kodiċi prinċipali. Fil-kodifikazzjoni jiġu kkunsidrati l-kawżi prinċipali u sekondarji, kif ukoll informazzjoni medika u meteoroloġika rilevanti. Barra minn hekk, permezz tal-koperazzjoni mal-Euromomo, ir-Reġistru jissorvelja l-imwiet ta’ kull ġimgħa. Il-mortalità eċċessiva, jiġifieri l-imwiet li jaqbżu n-numru mistenni għal dak iż-żmien tas-sena, tgħin biex jiġi evalwat l-impatt tal-mewġiet ta’ sħana, inkluż fuq persuni b’kundizzjonijiet kroniċi.

Persuni li mietu b’heatstrokes fl-2023, 2024, 2025 u 2026

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3182 u 3582 u jgħid f’Malta u f’Għawdex, separatament, matul ix-xhur ta’ Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru tas-snin 2023, 2024, 2025 u 2026, kemm ġew irreġistrati mwiet li fihom minħabba l-esponiment għal sħana naturali eċċessiva, heatstroke, sunstroke, ipertermija jew kundizzjoni oħra relatata mas-sħana kienu rreġistrati bħala: (a) il-kawża prinċipali tal-mewt; jew (b) kawża sekondarja, kontributorja jew fattur li kkontribwixxa għall-mewt? Jista’ jaqsam din l-informazzjoni skont ix-xahar, separatament għal Malta u Għawdex, is-sess,  gruppi ta’ età 0–64, 65–74, 75–84 u 85 sena jew aktar? Jista’ jgħid ukoll, għall-istess perjodi, kemm kienu: (a) l-imwiet osservati minn kull kawża; (b) l-imwiet mistennija skont il-baseline użat mill-awtoritajiet; (c) l-excess all-cause mortality waqt perjodi ta’ temperaturi estremi u heatwaves; u (d) l-għadd stmat ta’ mwiet attribwibbli għal temperaturi għoljin, inklużi mwiet li fihom is-sħana ma ġietx imniżżla fuq iċ-ċertifikat tal-mewt iżda setgħet wasslet għall-aggravament ta’ kundizzjoni eżistenti, fosthom mard kardjovaskulari, ċerebrovaskulari, respiratorju jew renali, id-dijabete u kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali? Jista’ jipprovdi dawn l-istimi bħala għadd ta’ mwiet u bħala rata għal kull 100,000 persuna, flimkien mal-intervalli ta’ kunfidenza jew miżura oħra tal-inċertezza statistika?  Fejn id-data għall-2026 għadha mhix finalizzata, jista’ jipprovdi l-aħħar data proviżorja disponibbli, jindika d-data sa meta tkopri u jgħid meta mistennija tkun disponibbli d-data finali?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-istatistika miksuba mir-Reġistru Nazzjonali tal-Imwiet ma tinkludix biss l-imwiet ikkawżati minn heatstroke u għaldaqstant ma għandiex figuri għat-talbiet li saru.

Imwiet ta' bhejjem minħabba s-sħana – Investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3580 u jgħid jekk sarux investigazzjonijiet jew valutazzjonijiet mill-awtoritajiet kompetenti dwar imwiet ta' bhejjem li setgħu kienu relatati mat-temperaturi għoljin matul ix-xhur ta' Ġunju sa Settembru 2026? Jista' jgħid ukoll x'kienu s-sejbiet ta' dawn l-investigazzjonijiet, jekk saru, u jekk ġewx identifikati xi kategoriji ta' bhejjem jew tipi ta' rziezet li huma partikolarment vulnerabbli għall-istress mis-sħana?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellanta li matul il-perjodu msemmi ma ġietx identifikata sitwazzjoni li kienet teħtieġ azzjoni jew segwitu partikolari mill-awtoritajiet kompetenti. Abbażi tal-informazzjoni miġbura fil-kors tal-ħidma regolari tal-entitajiet involuti, ma ġew osservati l-ebda xejriet jew ċirkostanzi li jindikaw impatt sproporzjonat fuq kategoriji speċifiċi ta’ bhejjem jew fuq setturi partikolari tal-produzzjoni agrikola.

Sitwazzjonijiet ta’ emerġenza – Sistema ta’ twissijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3558 u jgħid, f’każ li Malta terġa’ tiffaċċja maltempata qawwija jew sitwazzjoni oħra ta’ emerġenza simili għall-Maltempata Harry, x’miżuri operattivi għandu attwalment fis-seħħ il-Gvern sabiex jiżgura li t-twissijiet jaslu fil-ħin għand il-persuni kollha fiż-żoni affettwati? Jista’ jgħid ukoll jekk il-Gvern hux ser ikompli jiddependi fuq ix-xandir tradizzjonali u l-media soċjali, jew jekk hux ser jintroduċi miżuri temporanji ta’ twissija diretta fuq il-mobile sakemm is-sistema Reverse 112 issir kompletament operattiva? Jista’ jgħid ukoll kif dawn il-miżuri ser jilħqu wkoll persuni anzjani, turisti, ħaddiema u residenti barranin, partikolarment dawk li ma jsegwux il-mezzi tax-xandir Maltin jew il-paġni uffiċjali fuq il-media soċjali? Jista’ jgħid ukoll jekk is-sistema Reverse 112 hijiex attwalment operattiva, u jekk le, x’inhi d-data prevista għat-tħaddim tagħha, u jekk sarux testijiet li jikkonfermaw il-kapaċità tagħha li tilħaq apparati kompatibbli b'SIM cards Maltin u barranin?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585

Sistema ta’ twissijiet pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3557 u jgħid liema sistema ta’ twissijiet pubbliċi kienet formalment fis-seħħ bejn il-21 ta’ Ġunju 2022 u l-introduzzjoni tas-sistema Reverse 112, u jispeċifika jekk din kinitx konformi mal-Artikolu 110(1) jew mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kwalunkwe valutazzjoni teknika jew legali, imwettqa fid-dawl tal-linji gwida tal-BEREC, li turi l-effettività tas-sistema, partikolarment f’termini ta’ kopertura ġeografika, ħin tat-trażmissjoni tat-twissijiet u kapaċità li jintlaħqu l-persuni kollha fiż-żoni affettwati, inklużi turisti, persuni li jużaw servizzi ta’ roaming u persuni temporanjament preżenti f’Malta? Jista’ jgħid ukoll liema awtorità kienet responsabbli sabiex tivverifika din il-konformità u jekk sarux testijiet dokumentati tal-effettività tas-sistema?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585

Maltempata Harry – Twissijiet diretti fuq mobiles

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3556 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3186, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qed iqis it-twissijiet permezz tal-media soċjali u l-mezzi tax-xandir bħala sistema alternattiva konformi mal-Artikolu 110(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, meta l-istess artikolu jeskludi espressament is-servizzi tax-xandir mill-mezzi alternattivi previsti? Jekk iva, jista’ jispjega fuq liema bażi legali u teknika l-Gvern wasal għal din il-konklużjoni? Jekk le, jista’ jidentifika liema sistema oħra kienet tissodisfa r-rekwiżiti tal-istess artikolu matul il-Maltempata Harry ta’ Jannar 2026?

Response (BEDINGFIELD, GLENN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta illi f’dan l-istadju m’għandi xejn iktar xi nżid mat-tweġiba għall-interpellanza parlamentari Nru. 3585

Breast Screening – Nisa li għandhom 70 sena

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk huwiex qed jikkunsidra li dawk in-nisa li għalqu s-70 sena li jixtiequ jibqgħu jagħmlu breast screening jkunu eliġibbli jagħmlu dan? Jekk iva, jista' jgħid meta ser ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li skont il-Linji Gwida tal-Unjoni Ewropea (ECIBC), il-livell ta’ ċertezza tal-evidenza fl-iskrinjar tan-nisa f’dik l-età huwa ta’ benefiċċju baxx ħafna.

Testijiet ta’ Breast Screening minn eta ta’ 45 sena

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser ikun qed idaħħal il-miżura msemmija fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista li jibda jsir breast screening mill-età ta' 45 sena?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-Manifest elettorali għandu 5 snin sabiex jigi mwettaq. Madanakollu ninsab infurmat li t-tnaqqis fl-età tal-iskrinjar għandu jiġi implimentat b’mod gradwali, f’fażijiet, peress li l-iskrinjar isir kull sentejn.

Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità - Professjonisti esterni

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3316 u 3860 u jgħid kemm-il konsulent, advisor, espert jew professjonist estern kien ingaġġat mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità matul l-2024, l-2025 u l-2026, maqsuma sena b’sena u għal kull persuna jew entità, jagħti l-isem, is-servizz jew il-konsulenza mogħtija, id-data tal-ħatra, it-tul tal-kuntratt u l-valur totali tal-kuntratt?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellanta li l-ingaġġar tal-konsulenti mal-Ministeru jsir skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-mejda tal-Kamra.